Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Afda f’Ġeħova u agħmel it-tajjeb”

“Afda f’Ġeħova u agħmel it-tajjeb”

“Afda f’Ġeħova u agħmel it-tajjeb . . . u aġixxi bil-fedeltà.”—SALM 37:3.

GĦANJIET: 133, 63

1. Ġeħova b’liema abbiltajiet uniċi ħalaq lill-bnedmin?

ĠEĦOVA ħalaq lill-bnedmin b’abbiltajiet uniċi. Hu tana l-abbiltà li naħsbu, u din tgħinna nsolvu l-problemi u nippjanaw għall-futur. (Proverbji 2:11) Hu tana l-qawwa, ħalli nkunu nistgħu nagħmlu dak li ppjanajna u nilħqu l-miri tagħna. (Filippin 2:13) Tana wkoll kuxjenza, is-sens taʼ x’inhu tajjeb u ħażin li għandna ġewwa fina. Il-kuxjenza tgħinna nevitaw li nidinbu u tgħinna nikkoreġu l-iżbalji tagħna.—Rumani 2:15.

2. Ġeħova kif jistenna li nużaw l-abbiltajiet tagħna?

2 Ġeħova jistenna li nużaw l-abbiltajiet tagħna b’mod tajjeb. Għala? Għax iħobbna u jaf li se nkunu ferħanin meta nużaw l-għotjiet li tana. Pereżempju, fl-Iskrittura Ebrajka naqraw: “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih,” u “kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-qawwa tiegħek kollha.” (Proverbji 21:5; Ekkleżjasti 9:10) Fl-Iskrittura Griega naqraw: “Dment li għandna ż-żmien favorevoli għal dan, ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd,” u “aqdu lil xulxin skond l-għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (Galatin 6:10; 1 Pietru 4:10) Jidher ċar li Ġeħova jridna nagħmlu dak li nistgħu għall-ġid tagħna u t’oħrajn.

3. X’limitazzjonijiet għandhom il-bnedmin?

3 Ġeħova jridna nużaw l-abbiltajiet tagħna, imma hu jaf li aħna limitati. Pereżempju, ma nistgħux inneħħu l-imperfezzjoni, id-dnub, u l-mewt. (1 Slaten 8:46) Ukoll, ma nistgħux nikkontrollaw nies oħrajn, għax kulħadd hu liberu biex jagħmel l-għażliet tiegħu. U għandna kemm għandna għarfien jew esperjenza, qatt mhu se jkollna daqskemm għandu Ġeħova.—Isaija 55:9.

Meta jkollok il-problemi, “afda f’Ġeħova u agħmel it-tajjeb”

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

4 Dejjem għandna nħallu lil Ġeħova jiggwidana, b’fiduċja li hu se jappoġġjana u jagħmel għalina dak li aħna ma nistgħux. Minkejja dan, Ġeħova jridna wkoll naħsbu dwar x’nistgħu nagħmlu biex insolvu l-problemi u ngħinu ’l oħrajn. (Aqra Salm 37:3.) Jeħtieġ li kemm ‘nafdaw f’Ġeħova’ kif ukoll li ‘nagħmlu t-tajjeb.’ Għandna bżonn ‘naġixxu bil-fedeltà.’ Kif nistgħu nagħmlu dan? Ejja nikkunsidraw l-eżempji taʼ Noè, David, u qaddejja leali oħra t’Alla li straħu fuq Ġeħova. Se naraw li kien hemm affarijiet li ma setgħux jagħmlu imma li huma għażlu li jiffokaw fuq l-affarijiet li setgħu jagħmlu.

META NKUNU MDAWRIN BIL-ĦAŻEN

5. Iddeskrivi s-sitwazzjoni taʼ Noè.

5 Noè għex f’dinja li kienet “imtliet bil-vjolenza” u l-immoralità. (Ġenesi 6:4, 9-13) Għalkemm kien jaf li Ġeħova fl-aħħar kien se jeqred dik id-dinja mill-agħar, Noè żgur li kien inkwetat b’dak li kienu qed jagħmlu n-nies. F’dik is-sitwazzjoni, Noè rrealizza li kien hemm affarijiet li ma setax jagħmel, imma rrealizza wkoll li kien hemm affarijiet li setaʼ jagħmel.

L-ippritkar tagħna mhux milqugħ (Ara paragrafi 6-9)

6, 7. (a) X’ma setax jagħmel Noè? (b) Aħna kif qegħdin f’sitwazzjoni simili għal tiegħu?

6 Dak li ma setax jagħmel Noè: Noè b’lealtà pprietka l-messaġġ taʼ twissija mingħand Ġeħova, imma ma setax jisforza lin-nies biex jaċċettawh. U ma setax iġiegħel id-Dulluvju jiġi qabel il-waqt. Noè kellu jafda li Ġeħova kien se jżomm il-wegħda Tiegħu biex jeqred il-ħażen, u jemmen li Alla kien se jagħmel dan proprju fiż-żmien xieraq.—Ġenesi 6:17.

7 Aħna wkoll ngħixu f’dinja mimlija ħażen, u nafu li Ġeħova wiegħed li se jeqridha. (1 Ġwanni 2:17) Sadattant, ma nistgħux nisforzaw lin-nies biex jaċċettaw “l-aħbar tajba tas-saltna.” U ma nistgħu nagħmlu xejn biex it-‘tribulazzjoni l-kbira’ tibda qabel żmienha. (Mattew 24:14, 21) Bħal Noè, irid ikollna fidi b’saħħitha, billi nkunu fiduċjużi li Alla se jtemm il-ħażen kollu dalwaqt. (Salm 37:10, 11) Aħna konvinti li Ġeħova mhux se jħalli din id-dinja mill-agħar iddum saħansitra ġurnata waħda iktar milli suppost.—Ħabakkuk 2:3.

Bħal Noè, irid ikollna fidi b’saħħitha, billi nkunu fiduċjużi li Alla se jtemm il-ħażen kollu dalwaqt

8. Noè fuq xiex iffoka? (Ara l-ewwel stampa.)

8 Dak li setaʼ jagħmel Noè: Minflok ma qataʼ qalbu minħabba dak li ma setax jagħmel, Noè ffoka fuq x’setaʼ jagħmel. Noè b’lealtà pprietka l-messaġġ taʼ twissija mingħand Ġeħova. (2 Pietru 2:5) Dan ix-xogħol żgur li għenu jżomm il-fidi tiegħu b’saħħitha. Flimkien mal-ippritkar, hu segwa l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova biex jibni arka.—Aqra Ebrej 11:7.

9. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Noè?

9 Bħal Noè, aħna jibqaʼ jkollna x’nagħmlu “fix-xogħol tal-Mulej.” (1 Korintin 15:58) Pereżempju, forsi ngħinu fil-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-Swali tas-Saltna u s-Swali tal-Assemblea tagħna, naħdmu b’mod volontarju f’assembleat u konvenzjonijiet, jew naħdmu f’uffiċċju tal-fergħa jew f’uffiċċju tat-traduzzjoni. L-iktar importanti hu li jibqaʼ jkollna x’nagħmlu fix-xogħol tal-ippritkar, u dan isaħħaħ it-tama tagħna għall-futur. Oħt leali qalet li meta titkellem m’oħrajn dwar il-barkiet tas-Saltna t’Alla, hi tirrealizza li n-nies m’għandhom assolutament l-ebda tama u li huma jħarsu lejn il-problemi tagħhom bħala permanenti. Bħalma semmiet din l-oħt, aħna għandna tama li tissaħħaħ iktar meta ngħidu lil oħrajn dwarha. Din it-tama tgħinna nibqgħu fit-tellieqa għall-ħajja!—1 Korintin 9:24.

META NIDINBU

10. Iddeskrivi s-sitwazzjoni taʼ David.

10 Is-Sultan David kien raġel leali, u Ġeħova kien iħobbu ħafna. (Atti 13:22) Minkejja dan, David kellu relazzjoni sesswali maʼ Batxeba, li kien dnub serju. Agħar minn hekk, hu pprova jaħbi d-dnub tiegħu billi ppjana biex ir-raġel taʼ Batxeba, Urija, jiġi maqtul fil-battalja. David saħansitra qabbad lil Urija jwassallu l-ittra b’istruzzjonijiet għall-mewt tiegħu stess! (2 Samwel 11:1-21) Fl-aħħar, id-dnubiet taʼ David inkixfu. (Marku 4:22) Kif aġixxa David meta ġara dan?

Dnubiet tal-passat (Ara paragrafi 11-14)

11, 12. (a) Wara li dineb, x’ma setax jagħmel David? (b) X’se jagħmel Ġeħova għalina jekk nindmu?

11 Dak li ma setax jagħmel David: David ma setax ireġġaʼ lura dak li kien għamel. Fil-fatt, kien se jbati ftit mill-konsegwenzi tad-dnub tiegħu għall-kumplament taʼ ħajtu. (2 Samwel 12:10-12, 14) Għalhekk kellu bżonn il-fidi. Kellu jkun fiduċjuż li meta jindem verament, Ġeħova kien se jaħfirlu u jgħinu jissaporti l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu.

12 Peress li aħna imperfetti, ilkoll nidinbu. Imma xi dnubiet huma iktar serji minn oħrajn, u f’xi każijiet għandu mnejn ma nkunux nistgħu nħassru l-iżbalji tagħna. Aħna wkoll forsi jkollna nsofru l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna. (Galatin 6:7) Imma aħna fiduċjużi fil-wegħda t’Alla li jekk nindmu, hu se jsaħħaħna matul żminijiet diffiċli, anke meta dawn id-diffikultajiet ikunu tort tagħna.—Aqra Isaija 1:18, 19; Atti 3:19.

13. David kif irranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova?

13 Dak li setaʼ jagħmel David: David ried jirranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. Kif għamel dan? David ħalla lil Ġeħova jgħinu. Pereżempju, hu aċċetta l-korrezzjoni minn Natan, il-profeta taʼ Ġeħova. (2 Samwel 12:13) Ukoll, David talab lil Ġeħova u stqarr dnubietu. B’hekk wera li verament ried li jerġaʼ jkollu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Salm 51:1-17) Minflok ma ħassu maħkum minn ħtijietu, David tgħallem mill-iżbalji tiegħu. Qatt ma reġaʼ għamel dawn id-dnubiet serji. Snin wara, hu miet bħala raġel leali, u proprju hekk jiftakru Ġeħova.—Ebrej 11:32-34.

14. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ David?

14 X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ David? Jekk nagħmlu dnub serju, jeħtieġ li nindmu sinċerament, nistqarru dnubna maʼ Ġeħova, u nitolbu għall-maħfra tiegħu. (1 Ġwanni 1:9) Ukoll, ikollna bżonn inkellmu lill-anzjani għax huma jistgħu jgħinuna nirranġaw ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. (Aqra Ġakbu 5:14-16.) Meta naċċettaw l-għajnuna taʼ Ġeħova, nuru li nafdaw fil-wegħda tiegħu li jaħfrilna. Flimkien maʼ dan, jeħtieġ li nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u nkomplu naqdu lil Ġeħova b’fiduċja.—Ebrej 12:12, 13.

F’SITWAZZJONIJIET OĦRA

Problemi taʼ saħħa (Ara paragrafu 15)

15. X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ħanna?

15 Probabbilment, int tistaʼ taħseb dwar qaddejja leali oħra fil-Bibbja li fdaw f’Ġeħova waqt li għamlu dak li setgħu f’sitwazzjonijiet diffiċli. Pereżempju, kien hemm żmien meta Ħanna ma setax ikollha tfal. Ma setgħetx tbiddel din is-sitwazzjoni. Imma hi kellha fiduċja li Ġeħova kien se jfarraġha. Għalhekk kompliet tqim fit-tabernaklu u titlob lil Ġeħova, waqt li tgħidlu kif ħassitha. (1 Samwel 1:9-11) X’eżempju taʼ veru huwa għalina! Meta jkollna problemi taʼ saħħa jew diffikultajiet oħra li ma nistgħux inbiddlu, aħna nitfgħu l-ansjetà tagħna fuq Ġeħova u nafdaw li hu jimpurtah minna. (1 Pietru 5:6, 7) Aħna nagħmlu dak li nistgħu biex nibbenefikaw mil-laqgħat Kristjani u laqgħat oħra li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprovdi.—Ebrej 10:24, 25.

Ħanna kellha fiduċja f’Ġeħova, u għalhekk kompliet tqim fit-tabernaklu u titlob

Ulied li waqfu jaqdu lil Ġeħova (Ara paragrafu 16)

16. X’jistgħu jitgħallmu l-ġenituri minn Samwel?

16 Xi ngħidu dwar ġenituri leali li t-tfal tagħhom waqfu jaqdu lil Ġeħova? Il-profeta Samwel ma setax jisforza lil uliedu subien adulti biex jibqgħu leali lejn Alla. (1 Samwel 8:1-3) Kellu jħalli l-kwistjoni f’idejn Ġeħova. Madankollu, Samwel għamel dak li setaʼ biex jibqaʼ leali lejn Alla u jogħġob lil Missieru tas-sema. (Proverbji 27:11) Illum, ħafna ġenituri Kristjani jinsabu f’sitwazzjoni simili. Huma fiduċjużi li bħall-missier fit-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-iben il-ħali, Ġeħova hu dejjem lest jilqaʼ lura lil midinbin li jindmu. (Luqa 15:20) Sadanittant, il-ġenituri jistgħu jiffokaw fuq li jibqgħu leali lejn Ġeħova, u jittamaw li l-eżempju tagħhom se jimmotiva lil uliedhom biex jerġgħu lura għandu.

Problemi finanzjarji (Ara paragrafu 17)

17. L-eżempju tal-armla fqira għala hu inkuraġġanti?

17 Eżempju tajjeb ieħor kien dak tal-armla fqira fi żmien Ġesù. (Aqra Luqa 21:1-4.) Ma setgħet tagħmel xejn dwar il-korruzzjoni li kien hemm fit-tempju, u ma setgħetx tbiddel il-fatt li kienet fqira. (Mattew 21:12, 13) Imma l-fiduċja tagħha f’Ġeħova mmotivatha biex tappoġġja l-qima vera. Hi kienet ġeneruża u tat “żewġ muniti żgħar,” li kienu dak kollu li kellha. Din il-mara leali wriet fiduċja sħiħa f’Ġeħova. Kienet taf li jekk tpoġġi s-servizz tagħha lil Ġeħova l-ewwel, hu kien se jagħmel ċert li jkollha dak li kellha bżonn. B’mod simili, aħna fiduċjużi li jekk inpoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel, Ġeħova se jagħmel ċert li jkollna dak li għandna bżonn.—Mattew 6:33.

18. Agħti eżempju taʼ ħu li kellu l-attitudni xierqa.

18 Ħafna minn ħutna llum juru fiduċja simili f’Ġeħova billi jiffokaw fuq dak li jistgħu jagħmlu minflok fuq dak li ma jistgħux. Ikkunsidra ħu jismu Malcolm, li baqaʼ leali sa ma raqad fil-mewt fl-2015. Matul il-ħafna snin li hu u martu qdew lil Ġeħova, kellhom żminijiet tajbin u oħrajn ħżiena. Hu qal: “Kultant ma tkunx taf x’se ġġib magħha l-ħajja—inċertezzi u diffikultajiet ebsin biex tkampa magħhom. Imma Ġeħova jbierek lil dawk li jistrieħu fuqu.” X’kien il-parir taʼ Malcolm? “Itlob li tkun produttiv u attiv kemm jistaʼ jkun fis-servizz taʼ Ġeħova. Iffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel, u mhux fuq dak li ma tistax tagħmel.” *—Ara n-nota taʼ taħt.

19. (a) L-iskrittura għas-sena 2017 għala hija għażla tajba? (b) Inti kif se tapplika l-iskrittura għas-sena 2017 f’ħajtek?

19 Din id-dinja korrotta sejra “mill-ħażin għall-agħar,” għalhekk aħna nistgħu nistennew li jkollna iktar u iktar diffikultajiet. (2 Timotju 3:1, 13) Huwa iżjed importanti minn qatt qabel li ma niġux maħkuma mid-diffikultajiet tagħna. Minflok, jeħtieġ li jkollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova u niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu. Huwa għalhekk li l-iskrittura għas-sena 2017 hija għażla tajba: “Afda f’Ġeħova u agħmel it-tajjeb”!—Salm 37:3.

L-iskrittura għas-sena 2017: “Afda f’Ġeħova u agħmel it-tajjeb”—Salm 37:3