Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dawn l-affarijiet ‘għaddihom lil nies leali’

Dawn l-affarijiet ‘għaddihom lil nies leali’

“Dak li smajt mingħandi . . . għaddih lil nies leali li, mill-banda l-oħra, ikunu kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.”—2 TIMOTJU 2:2.

GĦANJIET: 123, 53

1, 2. Ħafna nies kif iqisuh xogħolhom?

ĦAFNA nies iħossu li x-xogħol li jagħmlu jiddetermina jekk humiex importanti jew le. F’xi kulturi, meta tibda ssir taf lil xi ħadd, huwa komuni li tistaqsi, “X’inhu xogħlok?”

2 Xi drabi l-Bibbja tiddeskrivi n-nies billi ssemmi x’tip taʼ xogħol kienu jagħmlu. Pereżempju, tirreferi għal “Mattew li kien kollettur tat-taxxi,” “Xmun, il-konzatur,” u “Luqa, it-tabib maħbub.” (Mattew 10:3; Atti 10:6; Kolossin 4:14) Drabi oħra, il-Bibbja ssemmi l-inkarigi li n-nies kellhom fis-servizz taʼ Ġeħova. Aħseb dwar is-Sultan David, il-profeta Elija, u l-appostlu Pawlu. Dawn l-irġiel qiesu taʼ valur l-inkarigu li tahom Ġeħova. Bl-istess mod, aħna wkoll għandna nqisu taʼ valur kwalunkwe inkarigu li għandna fis-servizz taʼ Ġeħova.

3. Uħud ikbar fl-età għala jeħtieġ li jħarrġu lil dawk iżgħar? (Ara l-ewwel stampa.)

3 Aħna nħobbu naqdu lil Ġeħova u ngħożżu l-inkarigi tagħna. Ħafna minna tant nieħdu gost nagħmlu x-xogħol li nittamaw li nkomplu nagħmluh għal kemm jistaʼ jkun żmien. Imma b’dispjaċir, meta n-nies jikbru, ma jkunux jistgħu jagħmlu dak kollu li kienu jagħmlu meta kienu iżgħar. (Ekkleżjasti 1:4) Dan joħloq sfidi uniċi għall-poplu taʼ Ġeħova. Illum, ix-xogħol tal-ippritkar qed ikompli jikber, u l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova qed tuża teknoloġija moderna biex tilħaq lil kemm jistaʼ jkun nies bl-aħbar tajba. Imma kultant jistaʼ jkun diffiċli għal dawk avvanzati fl-età biex jitgħallmu modi ġodda taʼ kif jagħmlu l-affarijiet. (Luqa 5:39) Ukoll, huwa normali li n-nies tonqsilhom ftit mill-enerġija u s-saħħa hekk kif jikbru. (Proverbji 20:29) Għalhekk, min-naħa tagħhom huwa taʼ mħabba u prattiku meta jħarrġu wħud iżgħar biex jieħdu iktar responsabbiltà fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.—Aqra Salm 71:18.

4. Għala huwa diffiċli għal xi wħud biex jiddelegaw l-awtorità? (Ara l-kaxxa “ Għala nistgħu nsibuha diffiċli biex niddelegaw.”)

4 Mhux dejjem faċli għal dawk li għandhom l-awtorità biex jiddelegaw ix-xogħol lil uħud iżgħar minnhom. Il-ħsieb li jitilfu l-inkarigu li tant iħobbu jistaʼ jnikkithom. Jistaʼ jkun taʼ wġigħ għalihom li jaħsbu li jridu jċedu x-xogħol speċjali li huma jieħdu pjaċir jagħmlu. Jew jistgħu jinkwetaw li jekk ma jidderiġux ix-xogħol huma, mhux se jsir kif suppost. Forsi jħossu li m’għandhomx ħin biex iħarrġu lil oħrajn. Fl-istess waqt, irġiel iżgħar iridu jkunu paċenzjużi meta ma jingħatawx iktar responsabbiltà.

5. Liema mistoqsijiet se niddiskutu f’dan l-artiklu?

5 Allura għala hu importanti għal uħud ikbar fl-età biex jgħinu lil dawk iżgħar ħalli jieħdu iktar responsabbiltà? Kif jistgħu jagħmlu dan? (2 Timotju 2:2) Għala jeħtieġ li dawk iżgħar ikollhom l-attitudni xierqa hekk kif jaħdmu maʼ wħud ikbar li għandhom iktar esperjenza u jitgħallmu minnhom? Sabiex nibdew, ejja naraw kif is-Sultan David ipprepara lil ibnu għal xogħol importanti ħafna.

DAVID IPPREPARA LIL SALAMUN

6. Is-Sultan David x’ried jagħmel u Ġeħova x’qallu?

6 Għal snin sħaħ, David kien ippersegwitat u kellu jiġġerra minn post għal ieħor. Imbagħad, wara li sar sultan, għex f’dar komda. Għalhekk, hu qal lill-profeta Natan: “Ara! Jien qed ngħammar f’dar taċ-ċedri, imma l-arka tal-patt taʼ Ġeħova qiegħda taħt id-drapp tat-tined.” Kienet ix-xewqa taʼ David li jibni tempju sabiħ għal Ġeħova. Natan qallu: “Kulma għandek f’qalbek agħmlu, għax l-Alla l-veru qiegħed miegħek.” Imma dan ma kienx dak li ried Ġeħova. Permezz taʼ Natan, Hu qal lil David: “Mhux int se tibnili d-dar li ngħammar fiha.” Għalkemm Ġeħova wiegħed lil David li Hu dejjem kien se jkun miegħu, David sar jaf li wieħed minn uliedu kien se jibni t-tempju. Kif irreaġixxa David?—1 Kronaki 17:1-4, 8, 11, 12; 29:1.

7. David kif irreaġixxa għad-direzzjoni li tah Ġeħova?

7 David xtaq ħafna jibni tempju għal Ġeħova, allura għandu mnejn kien diżappuntat ħafna. Imma hu xorta appoġġja bis-sħiħ il-proġett li ibnu Salamun kien se jieħu ħsieb. David għen biex jorganizza l-ħaddiema u biex jiġbor ħadid, ram, fidda, deheb, u injam. Ma qagħadx jinkwieta dwar min kien se jieħu l-krettu għall-bini tat-tempju, li iktar tard sar magħruf bħala t-tempju taʼ Salamun. Minflok, inkuraġġixxa lil Salamun bil-kliem: “Issa, ibni, jalla Ġeħova jkun miegħek, u int trid tirnexxi u tibni d-dar taʼ Ġeħova Alla tiegħek, sewwasew bħalma qal dwarek.”—1 Kronaki 22:11, 14-16.

8. (a) David għala setaʼ ħaseb li Salamun ma kienx kwalifikat biex jibni t-tempju? (b) Imma David x’għamel?

8 Aqra l-1 Kronaki 22:5. David setaʼ ħass li Salamun ma kienx lest li jieħu ħsieb proġett importanti bħal dan. It-tempju kellu jkun ‘grandjuż b’mod straordinarju,’ u Salamun kien “żagħżugħ u bla esperjenza.” Imma David kien jaf li Ġeħova kien se jgħin lil Salamun jagħmel dan ix-xogħol speċjali. Allura David għamel kulma setaʼ biex jgħinu jipprepara għal dan il-proġett enormi.

ĦU PJAĊIR F’LI TĦARREĠ OĦRAJN

Aħna nifirħu meta naraw irġiel iżgħar fl-età jieħdu iktar responsabbiltà (Ara paragrafu 9)

9. Kif jistgħu wħud ikbar iħossuhom tajjeb dwar li jagħtu responsabbiltajiet lil oħrajn? Agħti eżempju.

9 Aħwa ikbar fl-età m’għandhomx iħossuhom skuraġġiti meta jkollhom bżonn jagħtu xi responsabbiltajiet lil irġiel iżgħar. Ilkoll nirrealizzaw li l-iktar ħaġa importanti llum hi x-xogħol taʼ Ġeħova. It-taħriġ lil irġiel iżgħar biex jieħdu responsabbiltajiet se jgħin biex dan ix-xogħol isir. Aħseb dwar dan. Meta kont żgħir, wisq probabbli kont tinnota lil missierek isuq il-karozza tiegħu. Hekk kif kbirt, hu spjegalek x’kien qed jagħmel. Maż-żmien, ġibt il-liċenzja u bdejt issuq il-karozza int stess. Xorta waħda, missierek baqaʼ jagħtik il-pariri. Ġieli kontu ssuqu darba int u darba hu. Imma hekk kif missierek beda jixjieħ, int bdejt tagħmel il-biċċa l-kbira tas-sewqan. Kien missierek imdejjaq? Le, probabbilment kien ferħan li kont iddawru ’l hemm u ’l hawn. B’mod simili, irġiel ikbar fl-età jifirħu meta jaraw lil dawk iżgħar li jkunu ħarrġu lesti li jieħdu responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

10. Mosè kif ħassu dwar li jiġi onorat u li jkollu l-awtorità?

10 Aħna għandna noqogħdu attenti li ma ngħirux għall-inkarigi t’oħrajn. Nistgħu nitgħallmu mill-mod taʼ kif Mosè rreaġixxa meta xi Iżraelin bdew jaġixxu bħala profeti. (Aqra Numri 11:24-29.) Ġożwè ried iwaqqafhom, imma Mosè qallu: “Qed tgħir minħabba fija? Le, jalla n-nies kollha taʼ Ġeħova jkunu profeti, għaliex kieku Ġeħova jqiegħed l-ispirtu tiegħu fuqhom!” Mosè kien jaf li Ġeħova kien qed imexxi x-xogħol. Iktar milli fittex unur għalih innifsu, Mosè ried li l-qaddejja kollha taʼ Ġeħova jkollhom inkarigi. Xi ngħidu għalina? Nifirħu meta oħrajn jirċievu inkarigi fis-servizz taʼ Ġeħova?

11. Ħu x’qal dwar li tingħata responsabbiltà lil oħrajn?

11 Hemm ħafna aħwa rġiel li għal għaxriet taʼ snin ħadmu iebes fis-servizz taʼ Ġeħova u ħarrġu wħud iżgħar biex jieħdu iktar responsabbiltà. Pereżempju, ejja nikkunsidraw ħu jismu Peter. Matul l-74 sena tiegħu fis-servizz full-time, hu qattaʼ 35 sena jaqdi f’uffiċċju tal-fergħa fl-Ewropa. Għal ħafna żmien, kien l-indokratur tad-Dipartiment tas-Servizz. Imbagħad dan l-inkarigu ngħata lil Paul, ħu iżgħar li kien ġie mħarreġ minn Peter. Kien Peter imdejjaq minħabba din il-bidla? Le. Hu qal: “Jien kuntent ħafna li hemm aħwa rġiel li ġew imħarrġa biex jaċċettaw responsabbiltajiet ikbar u li sejrin tant tajjeb f’li jieħdu ħsieb ix-xogħol.”

APPREZZA LILL-UĦUD IKBAR

12. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Reħobogħam?

12 Meta Reħobogħam, it-tifel taʼ Salamun, sar sultan, hu staqsa lill-irġiel ikbar għal parir dwar kif kellu jieħu ħsieb l-inkarigu ġdid tiegħu. Imma hu rrifjuta l-parir tagħhom! Minflok, segwa l-parir taż-żgħażagħ li kien trabba magħhom. Ir-riżultat kien diżastruż. (2 Kronaki 10:6-11, 19) X’nistgħu nitgħallmu? Ikun għaqli li nitolbu parir mingħand dawk li huma ikbar u taʼ iktar esperjenza minna. Uħud iżgħar m’għandhomx iħossuhom taħt pressjoni biex jibqgħu jagħmlu l-affarijiet eżattament bħalma kienu jsiru fil-passat. Xorta waħda, huma għandhom jirrispettaw ġenwinament l-ideat taʼ wħud ikbar u m’għandhomx ikunu ħfief biex jaħsbu li l-mod taʼ kif dawn jagħmlu l-affarijiet mhux se jirnexxi.

13. Aħwa rġiel kif għandhom jaħdmu flimkien maʼ dawk ikbar minnhom?

13 Xi drabi, uħud iżgħar jingħataw ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb li x-xogħol t’aħwa rġiel li huma ikbar u b’iktar esperjenza minnhom isir kif suppost. Jagħmlu tajjeb li jitgħallmu minn dawn l-uħud ikbar. Fl-eżempju li semmejna qabel, wara li Paul ħa post Peter bħala l-indokratur taʼ dipartiment f’Betel, hu qal, “Ħadt il-ħin biex nieħu s-suġġerimenti taʼ Peter, u inkuraġġejt lil oħrajn fid-dipartiment biex jagħmlu l-istess.”

Pawlu ħa l-ħin biex jgħallem lil Timotju, u Timotju tgħallem sew

14. X’nitgħallmu mill-mod kif Timotju u l-appostlu Pawlu ħadmu flimkien?

14 Timotju kien ferm iżgħar mill-appostlu Pawlu, madankollu ħadmu flimkien għal ħafna snin. (Aqra Filippin 2:20-22.) Pawlu qal lill-Korintin: “Qed nibagħtilkom lil Timotju, għax hu ibni maħbub u leali fil-Mulej; u jfakkarkom fil-metodi tiegħi fis-servizz lil Kristu Ġesù, bħalma qed ngħallem kullimkien f’kull kongregazzjoni.” (1 Korintin 4:17) Minn dan nistgħu naraw b’mod ċar li Pawlu u Timotju ħadmu tajjeb flimkien u appoġġjaw lil xulxin. Pawlu ħa l-ħin biex jgħallem lil Timotju l-‘metodi tiegħu fis-servizz lil Kristu,’ u Timotju tgħallem sew. Pawlu kien jgħożż ferm lil Timotju u kien ċert li kien se jieħu ħsiebhom tajjeb lill-aħwa f’Korintu. L-anzjani jistgħu jimitaw lill-appostlu Pawlu hekk kif iħarrġu rġiel oħra biex jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni.

KULL WIEĦED MINNA GĦANDU RWOL IMPORTANTI

15. Rumani 12:3-5 kif jistaʼ jgħinna nkampaw maʼ bidla?

15 Qed ngħixu fi żminijiet eċċitanti. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art qed tikber b’ħafna modi. Dan ifisser li l-affarijiet se jibqgħu jinbidlu. Xi ftit minn dawn il-bidliet jeffettwawna personalment u mhux faċli nkampaw magħhom. Se jkun t’għajnuna għalina jekk inkunu umli u ffokati fuq dak li hu taʼ ġid għax-xogħol tas-Saltna minflok ma nkunu ffokati fuq dak li rridu personalment. Meta nagħmlu dan, se nibqgħu magħqudin. Lill-Kristjani f’Ruma, Pawlu kitbilhom: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.” Imbagħad hu spjega li bħalma kull parti taʼ ġisimna għandha funzjoni differenti, hekk ukoll kull membru tal-kongregazzjoni għandu rwol differenti.—Rumani 12:3-5.

In-nies kollha taʼ Ġeħova jixtiequ jappoġġjaw is-Saltna u jagħmlu kulma hu mitlub minnhom

16. X’jistaʼ jagħmel kull Kristjan biex iżomm il-paċi u l-unità fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

16 In-nies kollha taʼ Ġeħova jixtiequ jappoġġjaw is-Saltna u jagħmlu kulma hu mitlub minnhom. Aħwa rġiel ikbar jistgħu jħarrġu lil dawk iżgħar. Dawk iżgħar jistgħu jieħdu iktar responsabbiltà bil-modestja u r-rispett. U aħwa rġiel miżżewġin japprezzaw meta n-nisa tagħhom jappoġġjawhom anke meta ċ-ċirkustanzi jinbidlu. Dawn in-nisa jistgħu jimitaw lil Prixilla, li lealment ħadmet flimkien maʼ żewġha, Akwila.—Atti 18:2.

17. Ġesù x’ħarriġhom biex jagħmlu lid-dixxipli tiegħu?

17 Ġesù ħalla l-aqwa eżempju f’li jkun lest li jħarreġ oħrajn. Ġesù kien jaf li oħrajn kellhom bżonn ikomplu x-xogħol tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, hu kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu imperfetti. Imma kien fiduċjuż li setgħu jxerrdu l-aħbar tajba saħansitra iktar minnu. (Ġwanni 14:12) Hu ħarriġhom sew, u huma kienu kapaċi jippritkaw f’kull pajjiż li setgħu jmorru fih.—Kolossin 1:23.

18. Liema xogħol se jkollna fil-futur? Liema xogħol għandna issa?

18 Wara li Ġesù miet, Ġeħova rxoxtah u tah iktar xogħol x’jagħmel, kif ukoll tah awtorità “ħafna iżjed ’il fuq minn kull gvern u awtorità u qawwa u ħakma.” (Efesin 1:19-21) Anke jekk immutu bħala qaddejja leali taʼ Ġeħova qabel ma tiġi Armageddon, se nerġgħu ngħixu u jkollna ħafna xogħol sinifikanti fid-dinja l-ġdida. U issa stess, ilkoll għandna l-inkarigu eċċitanti taʼ li nippritkaw l-aħbar tajba u nagħmlu dixxipli. Għalhekk, kemm jekk aħna żgħar jew kbar, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jkompli ‘jkollu ħafna x’jagħmel fix-xogħol tal-Mulej.’—1 Korintin 15:58.