Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala l-modestja għadha tgħodd

Għala l-modestja għadha tgħodd

“L-għerf hu mal-modesti.”—PROVERBJI 11:2.

GĦANJIET: 38, 69

1, 2. Alla għala ċaħad lil Sawl? (Ara l-ewwel stampa.)

META Ġeħova għażel lil Sawl biex ikun sultan, Sawl kien modest. (1 Samwel 9:1, 2, 21; 10:20-24) Però wara li sar sultan, hu sar prużuntuż. Darba minnhom, eluf taʼ Filistin marru jiġġieldu kontra l-Iżraelin. Il-profeta Samwel kien qal lil Sawl li kien se jmur ħdejh u joffri sagrifiċċju lil Ġeħova. Madankollu, qabel ma wasal Samwel, l-Iżraelin bdew jibżgħu u ħafna minnhom abbandunaw lil Sawl. Hu tilef is-sabar, u minflok ma stenna lil Samwel, offra s-sagrifiċċju hu stess. Sawl ma kellu l-ebda awtorità biex jagħmel dan u Ġeħova ma ħax pjaċir.—1 Samwel 13:5-9.

2 Meta Samwel wasal, hu ċanfar lil Sawl talli m’obdiex lil Ġeħova. Imma Sawl ħaseb li ma kien għamel xejn ħażin. Hu pprova jġib l-iskużi, u saħansitra waħħal f’oħrajn għall-iżball tiegħu. (1 Samwel 13:10-14) Minn dakinhar ’l hemm, Sawl kien prużuntuż f’ħafna affarijiet oħra. B’hekk, Ġeħova ċaħdu milli jkun sultan. (1 Samwel 15:22, 23) Il-ħajja taʼ Sawl bdiet bit-tajjeb imma spiċċat ħażin ferm.—1 Samwel 31:1-6.

3. (a) Ħafna nies x’jaħsbu dwar il-modestja? (b) X’mistoqsijiet se nwieġbu?

3 Ħafna nies illum iħossu li ma jistgħux ikunu modesti u fl-istess ħin ikollhom suċċess fil-ħajja jew karriera tagħhom. Huma jiftaħru bihom infushom biex jidhru aħjar minn ħaddieħor. Pereżempju, attur u politikant famuż qal: “Il-modestja hi kelma li ma tapplika għalija bl-ebda mod u nittama li ma tapplika qatt.” Iżda, għala huwa importanti għal Kristjan li jkun modest? X’inhi, u x’m’hijiex il-modestja? Dan l-artiklu se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet. U fl-artiklu li jmiss se naraw kif nistgħu nibqgħu modesti anki meta dan forsi jkun diffiċli.

IL-MODESTJA GĦALA HI IMPORTANTI?

4. X’inhu att taʼ prużunzjoni?

4 Il-Bibbja turi li l-prużunzjoni hija l-oppost tal-modestja. (Aqra Proverbji 11:2.) David talab bil-ħrara lil Ġeħova: ‘Żomm lura lill-qaddej tiegħek minn atti prużuntużi.’ (Salm 19:13) X’inhu att taʼ prużunzjoni? Dan hu meta nagħmlu xi ħaġa li m’għandna l-ebda dritt jew awtorità li nagħmlu, forsi għax aħna bla paċenzja jew kburin. Ilkoll kemm aħna xi drabi għamilna xi ħaġa bi prużunzjoni għax aħna imperfetti. Imma bħalma nitgħallmu mill-eżempju tas-Sultan Sawl, jekk din issir drawwa, Ġeħova mhux se jieħu pjaċir. Salm 119:21 jgħid li Ġeħova se ‘jċanfar lill-prużuntużi.’ Għala jagħmel hekk?

Aħna nuru rispett lejn Ġeħova billi nkunu modesti

5. Att taʼ prużunzjoni għala hu żball serju?

5 L-ewwel nett, jekk nagħmlu xi ħaġa bi prużunzjoni, se nkunu qed nuru diżrispett lejn Ġeħova, l-Alla u l-Mexxej tagħna. It-tieni, meta nagħmlu affarijiet li m’għandniex l-awtorità li nagħmlu, x’aktarx se jkollna argumenti u nuqqas taʼ qbil maʼ nies oħra. (Proverbji 13:10) U t-tielet, nistgħu nidhru stupidi meta oħrajn jindunaw li għamilna xi ħaġa bi prużunzjoni. (Luqa 14:8, 9) Nistgħu naraw biċ-ċar għala Ġeħova jridna nkunu modesti.

X’JINVOLVI LI TKUN MODEST?

6, 7. Il-modestja kif għandha x’taqsam mal-umiltà?

6 Il-modestja għandha x’taqsam ħafna mal-umiltà. Kristjan umli mhuwiex kburi imma jqis lil oħrajn superjuri għalih. (Filippin 2:3) Persuna umli ġeneralment tkun ukoll modesta. Din tagħraf il-limiti tagħha, u b’umiltà tammetti l-iżbalji. Hi lesta tismaʼ l-ideat t’oħrajn u titgħallem minnhom. Persuna umli togħġob bil-kbir lil Ġeħova.

7 Il-Bibbja turi li persuna modesta taf lilha nfisha u tagħraf li hemm xi affarijiet li ma tistax jew m’għandhiex permess tagħmel. Dan jgħinha tirrispetta u tittratta lil oħrajn b’qalb tajba.

8. Biex nibqgħu modesti, liema tip taʼ ħsieb għandna nevitaw?

8 Madankollu, nistgħu nibdew naħsbu b’mod prużuntuż saħansitra mingħajr ma nindunaw. Dan kif jistaʼ jiġri? Għandu mnejn nibdew inħossuna iktar importanti minn oħrajn għax aħna jew dawk li nafu sew għandhom ċerti responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. (Rumani 12:16) Jew nistgħu nibdew niġbdu wisq attenzjoni lejna nfusna. (1 Timotju 2:9, 10) Nistgħu saħansitra nibdew ngħidu lil oħrajn x’għandhom jew x’m’għandhomx jagħmlu.—1 Korintin 4:6.

9. Xi wħud għala saru prużuntużi? Agħti eżempju Bibliku.

9 Nistgħu nibdew inġibu ruħna bi prużunzjoni jekk aħna ma nikkontrollawx ix-xewqat ħżiena tagħna. Ħafna saru prużuntużi għax riedu l-fama għalihom infushom, kienu jgħiru għal ħaddieħor, jew ma kkontrollawx ir-rabja tagħhom. Dan ġara lil xi wħud imsemmijin fil-Bibbja, bħal Absalom, Użżija, u Nebukadnessar. Ġeħova għamilhielhom ċara li riedu jkunu umli.—2 Samwel 15:1-6; 18:9-17; 2 Kronaki 26:16-21; Danjel 5:18-21.

10. Għala għandna nevitaw li niġġudikaw l-intenzjonijiet t’oħrajn? Agħti eżempju Bibliku.

10 Jistaʼ jkun hemm raġunijiet oħra għala n-nies kultant ma jkunux modesti. Aħseb dwar l-eżempji t’Abimelek u Pietru. (Ġenesi 20:2-7; Mattew 26:31-35) Kienu prużuntużi dawn l-irġiel? Jew setaʼ kien li ma kinux jafu l-fatti kollha jew aġixxew mingħajr ma ħasbuha? Ladarba ma nistgħux naraw x’hemm fil-qalb, m’għandniex niġġudikaw l-intenzjonijiet t’oħrajn.—Aqra Ġakbu 4:12.

L-IRWOL TIEGĦEK FL-ARRANĠAMENT T’ALLA

11. X’hemm bżonn li nifhmu?

11 Persuna modesta tifhem l-irwol tagħha fl-arranġament t’Alla. Ġeħova hu Alla t’ordni. Hu ta rwol lil kull membru tal-kongregazzjoni. Ilkoll kemm aħna bżonjużi. Ġeħova ta lil kull wieħed minna għotjiet, kapaċitajiet, talenti, jew abbiltajiet differenti, u jħallina nagħżlu kif nużawhom. Jekk aħna modesti, se nużaw l-għotjiet li rċivejna bil-mod kif iridna Ġeħova. (Rumani 12:4-8) Aħna nirrealizzaw li Ġeħova jistenna li nużawhom biex nonoraw lilu u ngħinu lil oħrajn.—Aqra l-1 Pietru 4:10.

X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù meta jkollna bidla fl-inkarigu? (Ara paragrafi 12-14)

12, 13. X’għandna nżommu f’moħħna jekk nesperjenzaw bidliet fis-servizz tagħna lil Ġeħova?

12 Dak li nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova għandu mnejn jinbidel maż-żmien. Bħala eżempju, aħseb fil-ħafna bidliet li esperjenza Ġesù. L-ewwel, hu kien waħdu maʼ Missieru. (Proverbji 8:22) Imbagħad, hu għen lil Ġeħova biex jagħmel l-anġli, l-univers, u l-bnedmin. (Kolossin 1:16) Iktar tard, hu ntbagħat fuq l-art u ġie mwieled bħala tarbija umana u mbagħad kiber u sar adult. (Filippin 2:7) Wara l-mewt tiegħu, Ġesù mar lura s-sema, u fl-1914 sar Sultan tas-Saltna t’Alla. (Ebrej 2:9). U fil-futur, wara li jmexxi bħala Sultan għal elf sena, Ġesù se jagħti s-Saltna lura lil Ġeħova biex hekk “Alla jkun kollox għal kulħadd.”—1 Korintin 15:28.

13 Anki aħna forsi nesperjenzaw ħafna bidliet f’ħajjitna. Xi drabi r-responsabbiltajiet tagħna jistgħu jinbidlu minħabba d-deċiżjonijiet tagħna stess. Pereżempju, forsi konna single u mbagħad iddeċidejna li niżżewġu. Jew forsi għandna t-tfal. Imbagħad, abbli ddeċidejna nagħmlu xi bidliet biex inkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova full-time. Drabi oħra, ir-responsabbiltajiet tagħna jistgħu jinbidlu minħabba ċ-ċirkustanzi tagħna. Forsi nkunu nistgħu nagħmlu iktar, jew ikollna nagħmlu inqas. Imma kemm jekk aħna kbar jew żgħar, f’saħħitna jew le, Ġeħova jaf kif kull wieħed minna jistaʼ jaqdih bl-aħjar mod. Hu ma jistenniniex nagħmlu iktar milli nistgħu. U hu ferħan ħafna b’dak kollu li nagħmlu għalih.—Ebrej 6:10.

14. Attitudni modesta kif tistaʼ tgħinna nkunu kuntenti u ferħanin fi kwalunkwe sitwazzjoni?

14 Ġesù kien kuntent b’kull inkarigu li tah Ġeħova, u aħna nistgħu nkunu kuntenti b’tagħna wkoll. (Proverbji 8:30, 31) Bniedem modest ikun kuntent bl-inkarigu u r-responsabbiltà tiegħu fil-kongregazzjoni. Ma jiffokax fuq dak li qed jagħmel ħaddieħor. Minflok, hu sodisfatt bl-irwol tiegħu stess fl-organizzazzjoni t’Alla. Hu jqisu bħala li ġej mingħand Ġeħova. Ukoll, xi ħadd modest jirrispetta lil oħrajn u jappoġġjahom bil-ferħ. Hu jirrealizza li Ġeħova ta rwol lilhom ukoll.—Rumani 12:10.

IL-ĦARSA XIERQA LEJN IL-MODESTJA

15. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Gidegħon?

15 Gidegħon hu eżempju eċċellenti tal-modestja. Meta Ġeħova inkarigah biex isalva lill-Iżrael mill-Midjanin, Gidegħon qal: “Il-familja tiegħi hi l-inqas waħda f’Manasse, u jien l-iżgħar wieħed f’dar missieri.” (Imħallfin 6:15) Imma Gidegħon fada f’Ġeħova u aċċetta l-inkarigu. Imbagħad, Gidegħon għamel ċert li kien fehem għalkollox dak li Ġeħova ried minnu u talab għad-direzzjoni tiegħu. (Imħallfin 6:36-40) Gidegħon kien raġel kuraġġuż u b’saħħtu, imma kien ukoll għaqli u attent. (Imħallfin 6:11, 27) Iktar tard, meta n-nies riduh imexxi fuqhom, hu m’aċċettax. Wara li kien għamel dak li Ġeħova kien talbu, hu mar lura d-dar.—Imħallfin 8:22, 23, 29.

16, 17. Xi ħadd modest kif jistaʼ jagħmel progress?

16 Jekk persuna taċċetta inkarigu ġdid jew tixtieq tagħmel iktar fil-kongregazzjoni, ma jfissirx li mhix modesta. Il-Bibbja tgħid li hi ħaġa tajba li qaddej taʼ Ġeħova jkun irid jaqdi lil ħutu iktar bis-sħiħ u javvanza, jew jagħmel progress. (1 Timotju 4:13-15) Imma hemm bżonn taʼ inkarigu ġdid biex nagħmlu progress? Le. Ilkoll kemm aħna nistgħu nkomplu ntejbu l-personalità Kristjana tagħna u l-abbiltajiet li tana Ġeħova biex inkunu nistgħu naqduh aħjar u ngħinu lil oħrajn.

17 Qabel ma jaċċetta inkarigu, xi ħadd modest jara x’inhu meħtieġ minnu. Hu jitlob dwaru u jikkunsidra bir-reqqa jekk huwiex se jkun kapaċi jagħmel ix-xogħol. Se jifdallu biżżejjed ħin u enerġija biex jagħmel affarijiet importanti oħra? Jekk le, jistaʼ xi xogħol li qed jagħmel hu issa jagħmlu xi ħadd ieħor? Wara li jaħseb dwar dan, xi ħadd modest għandu mnejn jiddeċiedi li ma jistax jieħu ħsieb din ir-responsabbiltà ġdida kif suppost. Jekk aħna modesti, forsi jkollna bżonn ngħidu le.

18. (a) Bniedem modest x’jagħmel meta jingħata inkarigu ġdid? (b) Rumani 12:3 kif tgħinna nkunu modesti?

18 Ġeħova jridna ‘nkunu modesti fil-mixi tagħna’ miegħu. (Mikea 6:8) B’hekk, meta ningħataw inkarigu ġdid, aħna nfittxu għad-direzzjoni tiegħu u nitolbuh għall-għajnuna, proprju bħalma għamel Gidegħon. Irridu naħsbu fil-fond dwar dak li jgħidilna Ġeħova permezz tal-Bibbja u l-organizzazzjoni tiegħu. Ejja niftakru li dak kollu li aħna kapaċi nagħmlu fis-servizz tiegħu ma nagħmluhx bl-abbiltà tagħna stess imma għax Ġeħova hu umli u lest li jgħinna. (Salm 18:35) Bniedem modest “ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.”—Aqra Rumani 12:3.

19. Għala għandna nkunu modesti?

19 Persuna modesta taf li Ġeħova biss jistħoqqlu l-glorja kollha, għax hu l-Ħallieq u l-Iktar Għoli fl-univers. (Rivelazzjoni 4:11) Jekk aħna modesti, se nkunu kuntenti b’kulma nistgħu nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova. Se nirrispettaw is-sentimenti u l-opinjonijiet taʼ ħutna, u b’hekk se nkunu kollha magħqudin. Persuna modesta taħseb sew qabel ma tagħmel xi ħaġa, u b’dal-mod se tevita li tagħmel żbalji serji. Ġeħova hu kuntent ħafna b’dawk li huma modesti. Għal dawn ir-raġunijiet, il-modestja hi importanti ħafna għan-nies t’Alla. Fl-artiklu li jmiss, se naraw kif nistgħu nibqgħu modesti meta dan għandu mnejn ikun diffiċli.