Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għożż ir-rigal tal-libertà tal-għażla

Għożż ir-rigal tal-libertà tal-għażla

“Fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-libertà.”—2 KORINTIN 3:17.

GĦANJIET: 62, 65

1, 2. (a) Liema opinjonijiet differenti għandhom in-nies dwar il-libertà tal-għażla? (b) X’tgħallimna l-Bibbja dwar il-libertà tal-għażla tagħna, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

META waħda mara ġiet biex tagħmel għażla personali, hi qalet lil ħabiba: “Iġġegħelnix naħseb; ikun eħfef li taqbad u tgħidli x’għandi nagħmel.” Il-mara riedet li xi ħadd jgħidilha x’għandha tagħmel minflok ma tuża l-libertà tal-għażla tagħha, rigal prezzjuż mingħand il-Ħallieq. Xi ngħidu għalik? Tħobb tieħu deċiżjonijiet għalik innifsek, jew tkun trid lil oħrajn jiddeċiedu għalik? Kif tqisha l-libertà tal-għażla?

2 In-nies għandhom opinjonijiet differenti dwar il-libertà tal-għażla. Xi wħud jgħidu li fir-realtà din ma teżistix għax Alla diġà ddeċieda dwar l-azzjonijiet kollha tagħna. Oħrajn jgħidu li l-libertà tal-għażla hi possibbli biss jekk ikollna libertà assoluta. Madankollu, il-Bibbja tgħallimna li aħna ġejna maħluqin bl-abbiltà u l-libertà li nagħmlu għażliet personali b’intelliġenza. (Aqra Ġożwè 24:15.) Fil-Bibbja, insibu wkoll it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin: Għandha limiti l-libertà tal-għażla tagħna? Kif għandna nużaw il-libertà tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet? Id-deċiżjonijiet tagħna kif juru kemm verament inħobbu lil Ġeħova? Kif nistgħu nuru li nirrispettaw id-deċiżjonijiet taʼ oħrajn?

X’NISTGĦU NITGĦALLMU MINN ĠEĦOVA U ĠESÙ?

3. Ġeħova kif juża l-libertà assoluta tiegħu?

3 Ġeħova għandu libertà assoluta, u aħna nistgħu nitgħallmu mill-mod kif juża l-libertà tiegħu. Pereżempju, Ġeħova għażel il-ġens tal-Iżrael biex ikun il-poplu tiegħu, il-“proprjetà speċjali” tiegħu. (Dewteronomju 7:6-8) Kellu raġuni biex jagħmel din l-għażla. Ġeħova ried iżomm il-wegħda li kien għamel lil ħabibu Abraham. (Ġenesi 22:15-18) Flimkien maʼ dan, Ġeħova dejjem juri mħabba u ġustizzja meta juża l-libertà tiegħu. Aħna nistgħu naraw dan mill-mod kif iddixxiplina lill-Iżraelin meta m’obdewhx. Meta tassew iddispjaċiehom għal dak li kienu għamlu, Ġeħova wriehom imħabba u ħniena. Qal: “Se nfejjaq in-nuqqas taʼ fedeltà tagħhom. Se nħobbhom minn jeddi.” (Ħosea 14:4) Ġeħova tana eżempju tajjeb billi uża l-libertà tiegħu biex jgħin lil oħrajn!

Qabel ġie fuq l-art, Ġesù għażel li jibqaʼ leali lejn Alla u mhux li jingħaqad maʼ Satana u r-ribelljoni tiegħu

4, 5. (a) Min kien l-ewwel li rċieva r-rigal tal-libertà tal-għażla, u kif użah? (b) X’mistoqsija għandu jistaqsi kull wieħed minna?

4 Ġeħova għażel li joħloq lill-anġli u lill-bnedmin bil-libertà tal-għażla. L-ewwel ħolqien taʼ Ġeħova kien Ġesù. Hu ġie maħluq fuq ix-xbieha t’Alla u kellu l-libertà tal-għażla. (Kolossin 1:15) Ġesù kif użaha l-libertà tiegħu? Qabel ġie fuq l-art, Ġesù għażel li jibqaʼ leali lejn Alla u mhux li jingħaqad maʼ Satana u r-ribelljoni tiegħu. Meta Ġesù ġie fuq l-art, hu għażel li jiċħad it-tentazzjonijiet taʼ Satana. (Mattew 4:10) Imbagħad, fil-lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù aċċerta lil Missieru li ried jagħmel ir-rieda Tiegħu. Qal: “Missier, jekk trid, warrab minni dan il-kies. Madankollu, ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Huwa verament possibbli għalina li nimitaw lil Ġesù u nużaw il-libertà tal-għażla tagħna biex nonoraw lil Ġeħova u nagħmlu r-rieda tiegħu?

5 Iva, nistgħu nimitaw lil Ġesù għaliex aħna wkoll ġejna magħmulin fuq ix-xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26) Madankollu, m’għandniex il-libertà assoluta li għandu Ġeħova. Il-Kelma t’Alla tispjega li Ġeħova poġġa limiti għal-libertà tagħna u li hu jistenna li aħna naċċettaw dawn il-limiti. Pereżempju, fiċ-ċirku tal-familja, in-nisa miżżewġin għandhom ikunu sottomessi għal żwieġhom, u t-tfal għandhom jobdu lill-ġenituri tagħhom. (Efesin 5:22; 6:1) Limiti bħal dawn kif jaffettwaw il-mod kif nużaw il-libertà tal-għażla tagħna? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tistaʼ tiddetermina l-futur dejjiemi tagħna.

L-UŻU TAJJEB U ĦAŻIN TAL-LIBERTÀ TAL-GĦAŻLA

6. Agħti eżempju li juri għala hu importanti li l-libertà tagħna jkollha limiti.

6 Libertà limitata qatt tistaʼ tkun libertà vera? Iva, tistaʼ! Għaliex? Għax il-limiti jistgħu jipproteġuna. Pereżempju, nistgħu nagħżlu li nsuqu lejn belt fil-bogħod. Iżda, immaġina li m’hemmx liġijiet tat-traffiku, u kulħadd jistaʼ jiddeċiedi b’liema veloċità u fuq liema naħa tat-triq isuq. Tħossok rasek mistrieħa li tivvjaġġa fi triq bħal din? Żgur li le! Il-limitazzjonijiet huma meħtiġin biex kulħadd igawdi mill-benefiċċji tal-libertà vera. Ejja nikkunsidraw xi eżempji mill-Bibbja li juru kemm il-limiti mpoġġijin minn Ġeħova jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għalina.

7. (a) Semmi differenza waħda bejn Adam u l-annimali. (b) Iddeskrivi mod wieħed kif Adam uża l-libertà tal-għażla tiegħu.

7 Meta Ġeħova ħalaq lill-ewwel raġel, Adam, hu tah l-istess rigal li kien ta lill-anġli, ir-rigal tal-libertà tal-għażla. Iżda, Alla ma tax dan ir-rigal lill-annimali. Adam kif użaha tajjeb il-libertà tiegħu? Hu kien ferħan li setaʼ jagħti isem lill-annimali. Alla ‘ġabhom għand ir-raġel biex jara x’se jsemmi lil kull wieħed.’ Wara li Adam qagħad josserva lil kull annimal, hu tah isem li jixraq. Ġeħova ma bidel xejn mill-għażliet li għamel Adam. Minflok, “skond dak li r-raġel ikun semmieha, kull ruħ ħajja, dak kien isimha.”—Ġenesi 2:19.

8. Adam kif uża ħażin il-libertà tal-għażla tiegħu, u x’kien ir-riżultat?

8 Ġeħova ta r-responsabbiltà lil Adam biex jagħmel l-art ġenna billi qallu: “Nisslu u oktru u imlew l-art u rażżnuha, u ħa jkunu sottomessi lejkom il-ħut tal-baħar u l-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet u kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-art.” (Ġenesi 1:28) Iżda Adam għażel li jiekol il-frotta pprojbita, u b’hekk injora l-limiti li kien poġġa Ġeħova. Billi Adam uża ħażin il-libertà tal-għażla tiegħu, il-bnedmin batew għal eluf taʼ snin. (Rumani 5:12) Ejja niftakru l-konsegwenzi serji għad-deċiżjoni taʼ Adam. Dan se jqanqalna nużaw il-libertà tagħna tajjeb u naċċettaw il-limiti li tana Ġeħova.

L-Iżraelin għażlu li jsiru l-poplu t’Alla u aċċettaw il-limiti mpoġġijin minnu

9. Ġeħova liema għażla ta lill-poplu tiegħu, Iżrael, u huma x’wiegħdu li jagħmlu?

9 Il-bnedmin kollha wirtu l-imperfezzjoni u l-mewt minn Adam u Eva. Madankollu, xorta għad għandna d-dritt li nużaw ir-rigal tal-libertà tal-għażla. Nistgħu naraw dan mill-mod taʼ kif Alla ttratta lill-ġens tal-Iżrael. Ġeħova tahom jagħżlu jekk ridux isiru l-proprjetà speċjali tiegħu. (Eżodu 19:3-6) Il-ġens għażel li jsir il-poplu t’Alla u aċċetta l-limiti mpoġġijin minnu. Huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” (Eżodu 19:8) B’dispjaċir, in-nies iktar tard għażlu li jiksru l-wegħda tagħhom lil Ġeħova. Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti minn dan l-eżempju. Ejja dejjem ngħożżu r-rigal tagħna tal-libertà tal-għażla u nkomplu nżommu qrib Ġeħova u nobdu l-liġijiet tiegħu.—1 Korintin 10:11.

10. Liema eżempji f’Ebrej kapitlu 11 juru li bnedmin imperfetti jistgħu jużaw il-libertà tal-għażla tagħhom biex jonoraw lil Alla? (Ara l-ewwel stampa.)

10 F’Ebrej kapitlu 11 insibu l-ismijiet taʼ 16-il raġel u mara leali li għażlu li jirrispettaw il-limiti mpoġġijin minn Ġeħova. B’hekk, huma rċivew ħafna barkiet u tama mill-isbaħ għall-futur. Pereżempju, Noè kellu fidi kbira u għażel li jobdi l-istruzzjonijiet t’Alla biex jibni arka ħalli jsalva lill-familja tiegħu u lill-ġenerazzjonijiet futuri. (Ebrej 11:7) Abraham u Sara minn jeddhom obdew lil Alla u marru fl-art li Hu kien wiegħed li jagħtihom. Għalkemm kellhom l-“opportunità jerġgħu lura” lejn il-belt taʼ Ur, huma ffokaw fuq il-wegħdi t’Alla għall-futur. Il-Bibbja tgħid li huma kienu “qed jirsistu għal post aħjar.” (Ebrej 11:8, 13, 15, 16) Mosè ċaħad it-teżori tal-Eġittu u għażel “li jkun trattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok ma jkollu t-tgawdija temporanja tad-dnub.” (Ebrej 11:24-26) Ejja nimitaw il-fidi taʼ dawn l-irġiel u n-nisa u napprezzaw ir-rigal tagħna tal-libertà tal-għażla, u nużawha biex nagħmlu r-rieda t’Alla.

11. (a) Liema hi waħda mill-ikbar barkiet tal-libertà tal-għażla? (b) X’jimmotivak biex tuża tajjeb il-libertà tal-għażla tiegħek?

11 Forsi jidher eħfef li jkollna lil xi ħadd jiddeċiedi għalina, imma mbagħad qatt mhu se nesperjenzaw waħda mill-ikbar barkiet tal-libertà tal-għażla. Din x’inhi? Il-Bibbja tispjega dan f’Dewteronomju 30:19, 20. (Aqra.) F’vers 19 naqraw li Alla ta għażla lill-Iżraelin. F’vers 20 nitgħallmu li Ġeħova tahom ċans biex juru kemm kienu jħobbuh. Anke aħna nistgħu nagħżlu li nqimu lil Ġeħova. U wkoll għandna ċans uniku biex nużaw ir-rigal tal-libertà tal-għażla tagħna biex nonoraw lil Ġeħova u nuruh kemm inħobbuh!

TUŻAX ĦAŻIN IR-RIGAL TIEGĦEK TAL-LIBERTÀ TAL-GĦAŻLA

12. X’m’għandna qatt nagħmlu bir-rigal tagħna tal-libertà tal-għażla?

12 Immaġina li tajt rigal taʼ valur lil ħabib. Kif tħossok jekk hu jarmih mal-iskart jew, agħar minn hekk, juża r-rigal biex jagħmel il-ħsara lil xi ħadd? Kont tħossok imweġġaʼ. Ġeħova tana r-rigal tal-libertà tal-għażla. Allura żgur li jħossu mweġġaʼ meta jara n-nies jużaw ħażin il-libertà tagħhom u jagħmlu għażliet ħżiena jew iweġġgħu lil oħrajn. Il-Bibbja qalet li “fl-aħħar jiem,” in-nies kienu se jkunu “ingrati.” (2 Timotju 3:1, 2) Allura kif nistgħu nuru li aħna grati għar-rigal prezzjuż mingħand Ġeħova? U kif nistgħu nevitaw li nużawh ħażin?

13. B’liema mod nistgħu nevitaw li nużaw ħażin il-libertà Kristjana tagħna?

13 Ilkoll kemm aħna għandna l-libertà li nagħżlu lil ħbiebna, l-ilbies, il-mod kif nidhru, u d-divertiment tagħna. Madankollu, nistgħu nużaw il-libertà tagħna bħala skuża biex nagħżlu dak li Alla ma jħobbx jew biex insegwu t-tendenzi tan-nies fid-dinja. (Aqra l-1 Pietru 2:16.) Minflok ma nużaw il-libertà tagħna bħala opportunità biex nagħmlu dak li hu ħażin, għandna nużawha bħala opportunità biex ‘nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla.’—1 Korintin 10:31; Galatin 5:13.

14. Għala jeħtieġ li nafdaw f’Ġeħova meta nużaw il-libertà tal-għażla tagħna?

14 Ġeħova qal: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, li mmexxik fit-triq li għandek timxi.” (Isaija 48:17) Jeħtieġ li nafdaw f’Ġeħova u naċċettaw il-limiti li poġġielna sabiex inkunu nistgħu nagħmlu għażliet tajbin. Aħna b’umiltà nammettu li “triq il-bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Minflok m’aċċettaw il-limiti li għamlilhom Ġeħova, Adam u l-Iżraelin żleali straħu fuqhom infushom. Ejja nitgħallmu mill-eżempju ħażin tagħhom. Minflok ma nistrieħu fuqna nfusna, ejja ‘nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha.’—Proverbji 3:5.

NIRRISPETTAW IL-LIBERTÀ TAL-GĦAŻLA TAʼ OĦRAJN

15. X’nitgħallmu mill-prinċipju li nsibu f’Galatin 6:5?

15 Aħna għandna wkoll nirrispettaw il-libertà li oħrajn għandhom biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-ħajja. Għala? Ladarba lkoll kemm aħna għandna r-rigal tal-libertà tal-għażla, l-ebda żewġ Kristjani mhuma dejjem se jagħmlu eżattament l-istess deċiżjonijiet. Dan jinkludi deċiżjonijiet dwar il-kondotta u l-qima tagħna. Ftakar fil-prinċipju li nsibu f’Galatin 6:5. (Aqra.) Meta nirrikonoxxu li kull Kristjan hu responsabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu stess, aħna se nirrispettaw il-libertà li oħrajn għandhom biex jużaw il-libertà tal-għażla tagħhom.

Nistgħu nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna stess mingħajr ma nisforzaw lil oħrajn biex jieħdu l-istess deċiżjonijiet (Ara paragrafu 15)

16, 17. (a) Il-libertà tal-għażla kif saret kwistjoni f’Korintu? (b) Pawlu kif għen lil dawn il-Kristjani, u x’lezzjoni jgħallimna dan?

16 Ejja nikkunsidraw eżempju mill-Bibbja li juri għala jeħtieġ li nirrispettaw il-libertà tal-għażla taʼ ħutna. Xi Kristjani fil-kongregazzjoni taʼ Korintu argumentaw jekk kellhomx jieklu laħam li għandu mnejn kien offrut lil idoli imma li iktar tard kien qed jinbiegħ fis-suq. Il-kuxjenza taʼ xi Kristjani ppermettitilhom jieklu l-laħam għax kienu jafu li idolu mhu xejn. Madankollu, oħrajn li qabel kienu jqimu idoli bħal dawn ħassew li kieku kielu l-laħam kien daqslikieku għamlu att taʼ qima. (1 Korintin 8:4, 7) Din kienet problema serja li setgħet firdet il-kongregazzjoni. Pawlu kif għen lill-Kristjani jsolvu din il-kwistjoni importanti?

17 L-ewwel, Pawlu fakkar liż-żewġ gruppi li l-ikel ma kienx se jsaħħaħ il-ħbiberija tagħhom m’Alla. (1 Korintin 8:8) Imbagħad, Pawlu wissiehom biex ma jħallux “l-awtorità” tagħhom tweġġaʼ l-kuxjenza taʼ dawk li kienu dgħajfin. (1 Korintin 8:9) Iktar tard, hu qal lil dawk b’kuxjenza sensittiva biex ma jiġġudikawx lil dawk li għażlu li jieklu dak il-laħam. (1 Korintin 10:25, 29, 30) B’hekk, f’sitwazzjonijiet importanti li għandhom x’jaqsmu mal-qima, kull Kristjan kien jeħtieġlu jieħu d-deċiżjoni tiegħu. M’għandniex aħna wkoll nirrispettaw il-libertà taʼ ħutna biex jieħdu deċiżjonijiet personali anke f’affarijiet iżgħar?—1 Korintin 10:32, 33.

18. Kif se turi li tgħożż ir-rigal tiegħek tal-libertà tal-għażla?

18 Ġeħova tana r-rigal tal-libertà tal-għażla, u dan iġibilna libertà vera. (2 Korintin 3:17) Aħna ngħożżu dan ir-rigal għax jippermettilna nieħdu deċiżjonijiet li juru kemm inħobbu lil Ġeħova. Mela ejja nkomplu nagħmlu għażliet li jonorawh, u ejja nirrispettaw id-dritt li oħrajn għandhom biex jagħżlu kif jużaw dan ir-rigal prezzjuż.