Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jagħti l-qawwa lill-għajjien”

“Jagħti l-qawwa lill-għajjien”

L-iskrittura għas-sena 2018: “Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jiksbu l-​qawwa mill-​ġdid.”—ISAIJA 40:31.

GĦANJIET: 152, 67

1. Liema huma xi problemi li għandna nissaportu, imma Ġeħova għala hu ferħan bil-​qaddejja leali tiegħu? (Ara l-​ewwel stampi.)

IL-​ĦAJJA f’din is-​sistema mhix faċli. Pereżempju, ħafna mill-​għeżież ħutna qed isofru minn marda serja. Oħrajn, għalkemm huma stess kibru fl-​età, qed jieħdu ħsieb uħud tal-​familja ikbar minnhom. Jerġaʼ oħrajn qed jissieltu biex jipprovdu dak li għandha bżonn familthom. U aħna nafu li ħafna minnkom qed tiffaċċjaw mhux biss waħda, imma diversi problemi minn dawn f’daqqa! Dan jirrikjedi ħafna ħin, enerġija, u flus. Imma int tinsab assolutament ċert li Ġeħova se jgħinek. Int taf li l-​affarijiet se jmorru għall-​aħjar għax hu hekk wiegħed. Il-​fidi tiegħek żgur li tferraħ lil Ġeħova!

2. Isaija 40:29 kif jinkuraġġina, iżda liema żball serju nistgħu nagħmlu?

2 Iżda ġieli tħoss li l-​problemi li għandek huma wisq diffiċli biex tissaportihom? Jekk tħossok hekk, m’intix waħdek. Xi wħud mill-​qaddejja leali t’Alla fil-​passat ħassewhom l-​istess. (1 Slaten 19:4; Ġob 7:7) X’għenhom ikomplu jissaportu? Huma straħu fuq Ġeħova għas-​saħħa. Il-​Bibbja tgħid li Alla “jagħti l-​qawwa lill-​għajjien.” (Isaija 40:29) Iżda b’dispjaċir, xi wħud mill-​poplu t’Alla llum iħossu li l-​aħjar mod kif jissaportu l-​problemi li għandhom fil-​ħajja hu li jieqfu jaqdu lil Ġeħova għal xi żmien. Huma jħossu illi li jaqdu lil Ġeħova hu taʼ piż iżjed milli barka. Allura ma jibqgħux jaqraw il-​Bibbja, imorru l-​laqgħat, u jippritkaw. Dan hu eżattament dak li Satana jittama li jagħmlu.

3. (a) Kif nistgħu ma nħallux lil Satana jdgħajjifna? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Ix-​Xitan ma jridniex inkunu b’saħħitna. U hu jaf li aħna nsiru iktar b’saħħitna meta jkollna ħafna x’nagħmlu fis-​servizz tagħna lil Ġeħova. Għalhekk, meta tħossok għajjien ħafna fiżikament u emozzjonalment, titbigħedx minn Ġeħova. Ersaq eqreb lejh. Il-​Bibbja tgħid: “Hu . . . jissodakom, u jsaħħaħkom.” (1 Pietru 5:10; Ġakbu 4:8) F’dan l-​artiklu, minn Isaija 40:26-31 se nitgħallmu dwar l-​abbiltà li Ġeħova għandu biex isaħħaħna. Imbagħad se niddiskutu żewġ sitwazzjonijiet li jistgħu jġegħluna nagħmlu inqas fis-​servizz tagħna lil Ġeħova, u se nitgħallmu kif l-​applikar taʼ prinċipji Bibliċi jistaʼ jgħinna nissaportu.

DAWK LI JITTAMAW F’ĠEĦOVA SE JIKSBU L-​QAWWA MILL-​ĠDID

4. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Isaija 40:26?

Ġeħova jistaʼ jagħtik is-​saħħa li għandek bżonn biex tissaporti l-​problemi tiegħek

4 Aqra Isaija 40:26. Ħadd ma kien kapaċi jgħodd il-​kwiekeb kollha fl-​univers. Ix-​xjentisti jemmnu li fil-​galassja tagħna biss jistaʼ jkun hemm sa 400 biljun kewkba. Madankollu, Ġeħova jagħti isem lil kull waħda. Dan x’jgħallimna dwaru? Jekk hu jieħu interess persunali fi kwiekeb li m’għandhomx ħajja, immaġina kif żgur li jħossu dwarek! Int ma taqdihx għax bilfors, iżda għax tħobbu. (Salm 19:1, 3, 14) Missierna l-​għażiż jaf kollox dwarek. Il-​Bibbja tgħid li ‘saħansitra x-​xagħar taʼ rasek kollu hu magħdud’ minnu. (Mattew 10:30) Ġeħova jridna nkunu nafu li hu “attent għal dawk li ħajjithom hi bla nuqqas” u jaf minn xiex jgħaddu. (Salm 37:18) B’mod ċar, Ġeħova jara l-​problemi kollha li għandek, u hu jistaʼ jagħtik is-​saħħa li għandek bżonn biex tissaporti kull waħda minnhom.

5. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova hu kapaċi jsaħħaħna?

5 Aqra Isaija 40:28. Ġeħova hu s-​Sors tal-​enerġija kollha. Ikkunsidra pereżempju l-​ammont t’enerġija li hu jagħti lix-​xemx tagħna. David Bodanis, kittieb dwar ix-​xjenza, qal li kull sekonda x-​xemx tipproduċi enerġija daqs splużjoni taʼ biljuni taʼ bombi atomiċi. Riċerkatur ieħor ikkalkula li l-​ammont t’enerġija li x-​xemx tipproduċi f’sekonda biss ikun biżżejjed biex jipprovdi enerġija lin-​nies kollha madwar id-​dinja għal 200,000 sena! Bla dubju, Ġeħova, il-​wieħed li jagħti l-​enerġija lix-​xemx, jistaʼ jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn biex nissaportu l-​problemi tagħna.

6. Il-​madmad taʼ Ġesù b’liema mod hu ħelu, u dan kif jeffettwana?

6 Aqra Isaija 40:29. Li naqdu lil Ġeħova jġibilna ħafna ferħ. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom.” U żied jgħid: “Intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:28-30) Dan hu tassew minnu! Xi drabi, għandu mnejn inħossuna bla saħħa meta nitilqu mid-​dar biex nattendu laqgħa jew noħorġu fuq il-​ministeru. Imma kif inħossuna wara? Aħna nsibu serħan u nħossuna iktar preparati biex inkampaw mal-​problemi tagħna. Tabilħaqq, il-​madmad taʼ Ġesù hu ħelu.

7. Semmi esperjenza li turi kemm hu minnu l-​kliem taʼ Mattew 11:28-30.

7 Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ waħda minn ħutna. Hi tbati minn sindromu taʼ għeja kronika, dipressjoni, u migranja. Allura xi drabi jkun diffiċli ħafna għaliha biex tattendi l-​laqgħat. Minkejja dan, ġurnata minnhom, wara li għamlet l-​isforz biex tattendi laqgħa, hi kitbet: “It-​taħdita kienet dwar l-​iskuraġġiment. L-​informazzjoni tant kienet preżentata b’empatija u interess ġenwin li qabiżli d-​dmugħ. Jien ġejt imfakkra li l-​laqgħat huma l-​post fejn għandi nkun.” Kemm kienet ferħana li għamlet l-​isforz biex tattendi!

8, 9. L-​appostlu Pawlu x’ried ifisser meta kiteb: “Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan”?

8 Aqra Isaija 40:30. Aħna jistaʼ jkollna ħafna abbiltajiet, imma limitati f’dak li nistgħu nagħmlu bis-​saħħa tagħna stess. Din hi lezzjoni li lkoll għandna nitgħallmu. L-​appostlu Pawlu kien kapaċi jagħmel ħafna affarijiet, imma ma setax jagħmel kulma xtaq. Meta qal lil Ġeħova kif ħassu, Ġeħova qallu: “Il-​qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-​dgħjufija.” Pawlu fehmu dan il-​kliem. Huwa għalhekk li qal: “Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan [jew, ikolli l-​qawwa].” (2 Korintin 12:7-10) X’ried ifisser?

9 Pawlu rrealizza li hemm limitu għal dak li setaʼ jagħmel waħdu. Hu kellu bżonn l-​għajnuna mingħand xi ħadd ħafna iktar b’saħħtu. L-​ispirtu qaddis t’Alla setaʼ jagħti l-​qawwa lil Pawlu meta ħassu dgħajjef. Imma mhux dan biss, l-​ispirtu t’Alla setaʼ wkoll jagħti lil Pawlu l-​qawwa biex iwettaq affarijiet li ma setax jagħmel bis-​saħħa tiegħu stess. Dan jistaʼ jiġri lilna wkoll. Meta Ġeħova jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu, aħna se nkunu verament b’saħħitna!

10. Ġeħova kif għen lil David jissaporti l-​problemi tiegħu?

10 Taʼ spiss is-​salmista David esperjenza kif l-​ispirtu qaddis t’Alla saħħu. Hu kanta: “Permezz tiegħek nistaʼ niħodha kontra qatgħa ħallelin; u permezz t’Alla tiegħi nistaʼ nixxabbat maʼ sur.” (Salm 18:29) Bħal sur li hu impossibbli għalina li nitilgħu miegħu, xi kultant il-​problemi tagħna tant ikunu kbar li ma nkunux nistgħu nsibu tarfhom waħedna. Għandna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova.

11. L-​ispirtu qaddis kif jgħinna nissaportu l-​problemi tagħna?

11 Aqra Isaija 40:31. L-​ajkla ma titlax fl-​għoli u ttir ħelu ħelu għal distanzi twal billi tuża biss il-​qawwa tagħha stess. Kurrent t’arja sħuna jgħolliha ’l fuq u b’hekk jgħinha ma taħlix ħafna enerġija. Għalhekk, meta jkollok problema kbira wisq, aħseb dwar l-​ajkla. Itlob bil-​ħrara lil Ġeħova biex jagħtik iktar saħħa permezz tal-​“ajjutant, l-​ispirtu qaddis.” (Ġwanni 14:26) Nistgħu nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis kull ħin u kull mument. Forsi nħossu l-​ħtieġa li nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova speċjalment meta jkollna nuqqas taʼ qbil maʼ xi ħu jew oħt fil-​kongregazzjoni. Imma għala jkun hemm nuqqas taʼ qbil bħal dan?

12, 13. (a) Xi kultant għala jkun hemm nuqqas taʼ qbil bejn il-​Kristjani? (b) Il-​ħajja taʼ Ġużeppi x’tgħallimna dwar Ġeħova?

12 Peress li aħna lkoll imperfetti jkun hemm nuqqas taʼ qbil. Kultant, nistgħu nirritaw ruħna b’dak li oħrajn jgħidu jew jagħmlu, jew oħrajn jistgħu jirritaw ruħhom minħabba fina. Din tistaʼ tkun prova diffiċli. Imma tagħtina opportunità biex inkunu leali lejn Ġeħova. Kif? Billi nitgħallmu naħdmu f’unjoni flimkien maʼ ħutna. Minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom Ġeħova jħobbhom, u hekk għandna nagħmlu aħna.

Ġeħova m’abbandunax lil Ġużeppi, u hu mhux se jabbanduna lilek (Ara paragrafu 13)

13 Ġeħova ma jwaqqafx lill-​qaddejja tiegħu milli jgħaddu mill-​provi. Aħna naraw dan mill-​ħajja taʼ Ġużeppi. Meta kien żagħżugħ, ħut Ġużeppi mill-​missier bdew jgħiru għalih. Huma bigħuh bħala lsir, u ttieħed l-​Eġittu. (Ġenesi 37:28) Ġeħova ra x’kien qed jiġri u bla dubju weġġaʼ meta ra kif il-​ħabib, il-​qaddej leali tiegħu Ġużeppi, kien qed jiġi trattat. Madankollu, Ġeħova ma waqqafx dak li kien qed jiġri. Iktar tard, meta Ġużeppi ġie akkużat li pprova jistupra lill-​mara taʼ Potifar u ġie mitfugħ il-​ħabs, Ġeħova xorta ma salvahx. Imma Alla qatt abbandunah lil Ġużeppi? Le. Il-​Bibbja tgħid li “Ġeħova kien maʼ Ġużeppi, u f’dak li kien jagħmel, Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi.”—Ġenesi 39:21-23.

14. Kif nibbenefikaw meta nitilqu r-​rabja?

14 Eżempju ieħor hu dak taʼ David. Ħafna nies qatt ma ġew trattati ħażin daqs David. Madankollu, dan il-​ħabib t’Alla ma mteliex bir-​rabja. Hu kiteb: “Itlaq ir-​rabja u ħalli d-​dagħdigħa; titbaqbaqx, u b’hekk tagħmel il-​ħażen.” (Salm 37:8) L-​iktar raġuni importanti biex “titlaq” ir-​rabja, jew tieqaf tkun irrabjat, hi li rridu nimitaw lil Ġeħova. Hu “m’għamlilniex skond dnubietna” imma ħafrilna. (Salm 103:10) Imma hemm ukoll benefiċċji prattiċi għaliex għandek titlaq ir-​rabja. Pereżempju, ir-​rabja tistaʼ twassal għal pressjoni għolja u problemi respiratorji. Tistaʼ tagħmel ħsara fil-​pulmun u fil-​frixa, u tistaʼ twassal għal problemi diġestivi. Ukoll, meta nkunu rrabjati, mhux dejjem naħsbu b’mod ċar. Aħna nistgħu ngħidu jew nagħmlu affarijiet li jweġġgħu lil oħrajn, u dan jistaʼ jġegħelna nħossuna dipressi għal żmien twil. Hu ħafna aħjar li nibqgħu kalmi. Il-​Bibbja tgħid: “Qalb kalma hija l-​ħajja tal-​ġisem.” (Proverbji 14:30) Allura, x’nistgħu nagħmlu meta oħrajn iweġġgħu s-​sentimenti tagħna, u kif nistgħu nagħmlu paċi maʼ ħuna jew oħtna? Nistgħu napplikaw il-​parir għaqli tal-​Bibbja.

META NIĠU DIŻAPPUNTATI MINN ĦUTNA

15, 16. X’għandna nagħmlu meta xi ħadd ikun weġġagħna?

15 Aqra Efesin 4:26. Aħna ma nissorprendux ruħna meta niġu trattati ħażin minn nies li ma jaqdux lil Ġeħova. Imma meta xi ħadd minn ħutna spiritwali jew membru tal-​familja li hu Kristjan jagħmel jew jgħid xi ħaġa li tweġġagħna, aħna nistgħu ninħasdu. Imma xi ngħidu jekk ma nistgħux ninsew dak li ġara? Se nibqgħu rrabjati, forsi saħansitra għal ħafna snin? Jew se nsegwu l-​parir għaqli tal-​Bibbja biex nirranġaw il-​kwistjoni malajr? Iktar ma ndumu biex nitkellmu mal-​persuna l-​oħra, iktar se jkun diffiċli għalina biex nagħmlu paċi.

16 Xi ngħidu jekk tħossok imweġġaʼ minn ħu u ma tistax tieqaf taħseb dwar dan? X’passi tistaʼ tieħu biex tagħmel il-​paċi? L-​ewwel, tistaʼ titlob lil Ġeħova. Itolbu bil-​ħrara biex jgħinek ikollok konversazzjoni tajba maʼ ħuk. Ftakar li ħuk hu “l-​ħabib taʼ Ġeħova” wkoll. (Ġakbu 2:23) Alla jħobbu. Ġeħova jittratta lil ħbiebu b’qalb tajba, u hu jistenna li aħna nagħmlu l-​istess. (Proverbji 15:23; Mattew 7:12; Kolossin 4:6) It-​tieni, aħseb sew dwar dak li se tgħid lil ħuk. Tassumix li ried iweġġgħek. Jistaʼ jkun li kien żball jew int fhimt is-​sitwazzjoni ħażin. Kun lest li tammetti li int stajt ħloqt parti mill-​problema. Forsi tistaʼ tibda l-​konversazzjoni billi tgħid xi ħaġa hekk, “Ma nafx hux qed inkun sensittiv iżżejjed, imma meta kellimtni lbieraħ, ħassejtni . . . ” Jekk id-​diskussjoni ma tgħinx biex iġġib il-​paċi bejnietkom, kompli pprova. Itlob għal ħuk. Itlob lil Ġeħova biex ibierku u jgħin lilek tiffoka fuq il-​kwalitajiet pożittivi tiegħu. Int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jkun ferħan bl-​isforzi sinċieri tiegħek biex tagħmel paċi maʼ ħuk, li hu wieħed mill-​ħbieb t’Alla.

META NĦOSSUNA ĦATJIN DWAR IL-​PASSAT TAGĦNA

17. Ġeħova kif jgħinna nirranġaw ir-​relazzjoni tagħna miegħu meta nidinbu, u għala għandna naċċettaw din l-​għajnuna?

17 Xi wħud iħossu li ma jistħoqqilhomx jaqdu lil Ġeħova minħabba li jkunu għamlu dnub serju. Il-​ħtija tistaʼ tisirqilna l-​paċi, il-​ferħ, u l-​enerġija. Is-​Sultan David issielet maʼ sentimenti taʼ ħtija u qal: “Meta bqajt sieket, għadmi ttiekel minħabba l-​krib tiegħi l-​jum kollu. Għax lejl u nhar idek kienet tqila fuqi.” B’ferħ, David kellu l-​kuraġġ jagħmel dak li Ġeħova jistenna mill-​qaddejja tiegħu. Hu kiteb: “Sa fl-​aħħar, dnubi stqarrejtu miegħek . . . U int ħfirt l-​iżball taʼ dnubieti.” (Salm 32:3-​5) Jekk għamilt dnub serju, Ġeħova lest li jaħfirlek. Hu jrid jgħinek tirranġa r-​relazzjoni tiegħek miegħu. Iżda int trid taċċetta l-​għajnuna li hu jipprovdi permezz tal-​anzjani. (Proverbji 24:16; Ġakbu 5:13-​15) Għalhekk, toqgħodx tistenna! Il-​ħajja taʼ dejjem tiegħek tiddependi minn dan. Imma ejja ngħidu li minkejja li d-​dnub ilu li nħafirlek int xorta għadek tħossok ħati. X’għandek tagħmel?

18. L-​eżempju taʼ Pawlu kif jistaʼ jgħin lil dawk li jħossu li ma jistħoqqilhomx jaqdu lil Ġeħova?

18 Kien hemm drabi meta l-​appostlu Pawlu kien skuraġġit minħabba dnubiet li għamel fil-​passat. Hu qal: “Jien l-​inqas wieħed mill-​appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-​kongregazzjoni t’Alla.” Minkejja dan, Pawlu żied: “Imma bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jien dak li jien.” (1 Korintin 15:9, 10) Ġeħova kien jaf li Pawlu kien imperfett imma hu aċċettah minkejja l-​iżbalji tal-​passat tiegħu. Hu ried li Pawlu jkun ċert minn dan. Jekk int verament jiddispjaċik għal dak li għamilt u tkellimt maʼ Ġeħova dwaru, u jekk hemm bżonn mal-​anzjani, Ġeħova żgur se jaħfirlek. Emmen li Ġeħova ħafirlek, u aċċetta l-​maħfra tiegħu!—Isaija 55:6, 7.

19. X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2018, u għala hi meħtieġa?

19 Hekk kif nersqu eqreb lejn it-​tmiem taʼ din is-​sistema, nistgħu nistennew li jkollna iktar problemi. Imma għandna niftakru li Ġeħova, il-​wieħed li “jagħti l-​qawwa lill-​għajjien; u jimla bis-​setgħa lil dak li m’għandux enerġija biex jaġixxi,” jistaʼ jagħtik dak kollu li teħtieġ biex tkompli taqdih lealment. (Isaija 40:29; Salm 55:22; 68:19) Matul l-​2018, aħna se niġu mfakkrin din il-​verità importanti kull darba li nattendu laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna u naraw il-​kliem tal-​iskrittura tas-​sena: “Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jiksbu l-​qawwa mill-​ġdid.”Isaija 40:31.