Ara d-differenza fin-nies
“Intom . . . taraw id-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar.”—MALAKIJA 3:18.
1, 2. Il-ħajja għala tistaʼ tkun diffiċli għall-qaddejja t’Alla llum? (Ara l-ewwel stampi.)
ĦAFNA tobba u infermieri jaħdmu fost nies li għandhom mard li jittieħed. Huma jieħdu ħsieb il-pazjenti tagħhom għax iridu jgħinuhom. Imma jridu wkoll jipproteġu lilhom infushom biex ma jiġux infettati bil-marda li qed jipprovaw ifejqu. Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna f’ċertu sens qegħdin f’sitwazzjoni simili. Ħafna minna jgħixu u jaħdmu maʼ nies li huma infettati b’attitudnijiet u kwalitajiet li huma kompletament differenti mill-kwalitajiet t’Alla. Dan jistaʼ jagħmilhielna diffiċli.
2 Fl-aħħar jiem taʼ dis-sistema, nies li ma jaqdux lil Alla jinjoraw il-livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. L-appostlu Pawlu ddeskriva l-kwalitajiet negattivi tagħhom meta kiteb l-ittra tiegħu lil Timotju. Pawlu qal li dawn il-kwalitajiet ħżiena kienu se jsiru saħansitra iktar komuni hekk kif nersqu eqreb lejn it-tmiem taʼ dis-sistema. (Aqra t-2 Timotju 3:1-5, 13.) Għalkemm dawn il-kwalitajiet ħżiena jistgħu jkunu xokkanti għalina, xorta waħda nistgħu niġu influwenzati mill-mod kif in-nies taʼ madwarna jaħsbu, jitkellmu, u jaġixxu. (Proverbji 13:20) F’dan l-artiklu, se naraw kemm dawn il-kwalitajiet huma differenti minn dawk tan-nies t’Alla. Se naraw ukoll x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna milli niġu infettati minn kwalitajiet ħżiena waqt li ngħinu n-nies isiru jafu lil Ġeħova.
3. Liema tip taʼ nies huma deskritti fit-2 Timotju 3:2-5?
3 Pawlu kiteb li fl-aħħar jiem, kien se jkun hawn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Imbagħad hu għamel lista taʼ 19-il kwalità negattiva li kienu se jkunu komuni ħafna fi żmienna. Dawn il-kwalitajiet huma simili għal dawk li Pawlu semma f’Rumani 1:29-31, imma l-lista fl-ittra tiegħu lil Timotju tuża kliem li ma nsibu mkien iktar fl-Iskrittura Griega Kristjana. Pawlu introduċa din il-lista bil-kliem “għax in-nies ikunu. . . ” Imma mhux in-nies kollha għandhom il-kwalitajiet negattivi li ddeskriva Pawlu. Il-Kristjani għandhom kwalitajiet ferm differenti.—Aqra Malakija 3:18.
KIF AĦNA NQISU LILNA NFUSNA
4. X’taħseb li jfisser li wieħed ikun imkabbar?
4 Wara li Pawlu qal li ħafna kienu se jħobbu lilhom infushom u l-flus, hu żied li n-nies kienu se jkunu minfuħin bihom infushom, suppervi, u mkabbrin. Nies li għandhom dawn il-kwalitajiet spiss jaħsbu li huma aħjar minn oħrajn minħabba d-dehra tagħhom, dak li huma kapaċi jagħmlu, dak li għandhom, jew il-pożizzjoni tagħhom. L-iktar ħaġa li dawn in-nies jixtiequ hi li jiġu ammirati minn oħrajn. Wieħed studjuż kiteb hekk dwar xi ħadd bħal dan: “F’qalbu hemm artal żgħir fejn hu jmil quddiemu nnifsu.” Xi wħud qalu li l-kburija tant hi kerha li anki n-nies kburin stess jiddejqu meta jarawha f’oħrajn.
5. Kif anki xi qaddejja leali taʼ Ġeħova saru kburin?
5 Ġeħova jobgħodha l-kburija, li fil-Bibbja hi deskritta bħala “għajnejn imkabbrin.” (Proverbji 6:16, 17) Fil-fatt, il-kburija żżomm persuna ’l bogħod minn Alla. (Salm 10:4) Il-kburija hi kwalità tax-Xitan. (1 Timotju 3:6) Sfortunatament, anki xi qaddejja leali taʼ Ġeħova ġew infettati bil-kburija. Pereżempju, is-Sultan Użżija taʼ Ġuda kien leali għal ħafna snin. Imma l-Bibbja tgħid: “Malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret sal-punt li ġab ir-rovina tiegħu stess, u b’hekk aġixxa b’nuqqas taʼ fedeltà kontra Ġeħova Alla tiegħu.” Użżija mar it-tempju u ħaraq l-inċens, xi ħaġa li ma kellux id-dritt li jagħmel. Iktar tard, is-sultan leali Ħeżekija wkoll sar kburi għal xi żmien.—2 Kronaki 26:16; 32:25, 26.
6. X’setaʼ ġiegħel lil David isir kburi? Imma hu għala baqaʼ umli?
6 Xi nies saru kburin minħabba li huma ħelwin, popolari, b’saħħithom, ammirati minn oħrajn, jew għandhom talent mużikali. David kellu dawn l-affarijiet kollha, imma hu baqaʼ umli tul ħajtu kollha. Pereżempju, wara li David qatel lil Gulija, is-Sultan Sawl qal li David setaʼ jiżżewweġ lil bintu. Imma David qal: “Jien min jien u min huma qrabati, il-familja taʼ missieri, f’Israel, sabiex insir ħaten is-sultan?” (1 Samwel 18:18) X’għen lil David jibqaʼ umli? Hu kien jaf li kwalunkwe kwalità, abbiltà, u privileġġ li kellu kienu minħabba li Alla kien umli u ta kasu. (Salm 113:5-8) David irrealizza li kull ħaġa tajba li kellu kienet ġejja mingħand Ġeħova.—Qabbel l-1 Korintin 4:7.
In-nies jistgħu jinġibdu lejn Alla minħabba l-umiltà tal-qaddejja tiegħu
7. X’jistaʼ jgħinna nuru li aħna umli?
7 Bħal David, in-nies taʼ Ġeħova llum jipprovaw ikunu umli. Il-fatt li nafu li Ġeħova stess hu umli, għalkemm hu l-Iktar Għoli, imissilna qalbna. (Salm 18:35) Aħna rridu napplikaw dan il-kliem: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul.” (Kolossin 3:12) Aħna nafu wkoll li l-imħabba “ma tiftaħarx” u “ma tintefaħx.” (1 Korintin 13:4) Meta oħrajn jaraw li aħna umli, huma wkoll ikunu jridu jsiru jafu lil Ġeħova. Bħalma raġel miżżewweġ li ma jaqdix lil Ġeħova jistaʼ jinġibed lejn il-verità minħabba l-kondotta tajba taʼ martu, in-nies jistgħu jinġibdu lejn Alla minħabba l-umiltà tal-qaddejja tiegħu.—1 Pietru 3:1.
KIF AĦNA NITTRATTAW NIES OĦRAJN
8. (a) Xi nies illum kif iqisuha d-diżubbidjenza lejn il-ġenituri? (b) Il-Bibbja x’tgħidilhom jagħmlu lit-tfal?
8 Pawlu ddeskriva kif in-nies kienu se jittrattaw lil xulxin fl-aħħar jiem. Hu kiteb li t-tfal kienu se jkunu diżubbidjenti lejn il-ġenituri. Illum, ħafna kotba, films, u programmi tat-televixin iġibu din l-imġiba tidher normali u aċċettabbli. Imma l-verità hi li d-diżubbidjenza ddgħajjef il-familja, u dan iġib effetti negattivi fuq is-soċjetà inġenerali. In-nies ilhom jafuh dan il-fatt. Pereżempju, fil-Greċja tal-qedem, raġel li jsawwat lill-ġenituri kien jitlef id-drittijiet tiegħu fil-komunità. Taħt il-liġi Rumana, xi ħadd li jsawwat lil missieru setaʼ jiġi kkastigat l-istess bħal qattiel. L-Iskrittura Ebrajka u l-Iskrittura Griega t-tnejn jikkmandaw lit-tfal biex jobdu l-ġenituri.—Eżodu 20:12; Efesin 6:1-3.
9. X’se jgħin lit-tfal jobdu lill-ġenituri?
9 X’jistaʼ jgħin lit-tfal biex jobdu l-ġenituri anki jekk dawk taʼ madwarhom mhumiex ubbidjenti? Meta t-tfal jaħsbu dwar l-affarijiet tajbin kollha li l-ġenituri għamlu għalihom, huma għandhom iħossuhom grati u jkunu jridu jobduhom. Iż-żgħażagħ jeħtieġ ukoll jifhmu li Alla, il-Missier taʼ kull wieħed u waħda minna, jistenna li huma jobdu l-ġenituri tagħhom. Hekk kif iż-żgħażagħ jitkellmu pożittiv dwar ommhom u missierhom, huma jgħinu lil sħabhom jirrispettaw iktar il-ġenituri tagħhom stess. Ovvjament, jekk il-ġenituri m’għandhomx imħabba naturali għal uliedhom, jistaʼ jkun iktar diffiċli li t-tfal jobduhom. Imma meta żagħżugħ iħoss li l-ġenituri verament iħobbuh, dan jistaʼ jgħinu jobdihom
anki meta jkun diffiċli li jagħmel hekk. Ħu żagħżugħ jismu Austin jgħid: “Għalkemm spiss kont nitħajjar li nevita kastig talli nkun għamilt xi ħaġa ħażina, il-ġenituri għamlu regoli raġunevoli, spjegawli r-raġunijiet għar-regoli, u żammew komunikazzjoni miftuħa. Dan għenni nkun ubbidjenti. Stajt nara li huma kien jinteressahom minni, u dan ġegħelni nkun irrid nogħġobhom.”10, 11. (a) Liema kwalitajiet ħżiena juru li n-nies m’għandhomx imħabba għal xulxin? (b) Il-Kristjani veri sa liema punt iħobbu lil nies oħrajn?
10 Pawlu ddeskriva wkoll kwalitajiet oħra li juru li n-nies m’għandhomx imħabba għal xulxin. Wara “diżubbidjenti lejn il-ġenituri,” hu semma ingrati. Dan jagħmel sens għax nies ingrati ma japprezzawx l-affarijiet tajbin li oħrajn jagħmlu għalihom. Pawlu qal ukoll li n-nies kienu se jkunu żleali. Huma ma jkunux iridu jiftiehmu, li jfisser li ma jkunux iridu jagħmlu paċi m’oħrajn. Huma kienu se jkunu midgħija u tradituri, u jgħidu affarijiet koroh u li jweġġgħu dwar in-nies u saħansitra dwar Alla. U huma kienu se jkunu kalunnjaturi, uħud li jgħidu gideb taʼ ħsara biex iħassru r-reputazzjoni t’oħrajn. *—Ara n-nota taʼ taħt.
11 Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma differenti ħafna mill-biċċa l-kbira tan-nies fid-dinja għax huma juru mħabba ġenwina lejn oħrajn. Dan dejjem kien minnu. Fil-fatt, Ġesù qal li l-uniku kmand li kien iktar importanti mill-kmand biex inħobbu lil ħaddieħor fil-Liġi taʼ Mosè kien il-kmand biex inħobbu lil Alla. (Mattew 22:37-39) Ġesù qal ukoll li l-Kristjani veri kienu se jkunu magħrufin għall-imħabba li juru lejn xulxin. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) Il-Kristjani veri kienu se jħobbu saħansitra lill-għedewwa tagħhom.—Mattew 5:43, 44.
12. Ġesù kif wera mħabba lejn oħrajn?
12 Ġesù wera mħabba kbira lejn oħrajn. Hu għamel dan billi vvjaġġa minn belt għal oħra biex jgħid lin-nies l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. Hu fejjaq lill-għomja, liz-zopop, lil dawk li kellhom il-ġdiem, u lit-torox. Ukoll, hu rxoxta lil dawk li kienu mietu. (Luqa 7:22) Ġesù saħansitra ta ħajtu biex isalva l-bnedmin, allavolja ħafna kienu jobogħduh. Ġesù imita perfettament l-imħabba taʼ Missieru. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja kollha qed jimitaw lil Ġesù u juru mħabba lejn oħrajn.
13. L-imħabba li nuru lejn oħrajn kif tistaʼ tgħin lin-nies jersqu qrib lejn Ġeħova?
13 L-imħabba li nuru lejn oħrajn tiġbed lin-nies lejn Missierna tas-sema. Pereżempju, raġel fit-Tajlandja attenda konvenzjoni reġjonali u impressjona ruħu meta ra kif l-aħwa wrew imħabba lejn xulxin. Wara li wasal id-dar, hu talab li jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova darbtejn fil-ġimgħa. Imbagħad hu ta xhieda lil dawk kollha li jiġu minnu. Wara sitt xhur biss, dan ir-raġel ta l-ewwel qari tal-Bibbja tiegħu fis-Sala tas-Saltna. Qegħdin aħna nuru mħabba lejn oħrajn? Staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed nagħmel kulma nistaʼ biex ngħin lil oħrajn fil-familja, fil-kongregazzjoni
tiegħi, u fil-ministeru tiegħi? Nipprova nqis lil oħrajn kif iqishom Ġeħova?’ILPUP U ĦRIEF
14, 15. Ħafna nies liema kwalitajiet ħżiena juru? Xi wħud kif bidlu l-personalità tagħhom?
14 Fl-aħħar jiem, in-nies juru wkoll kwalitajiet ħżiena oħra li aħna għandna nevitaw. Pereżempju, ħafna m’għandhomx imħabba għat-tajjeb. Huma jobogħdu dak li hu tajjeb u saħansitra jagħmlu l-kontra. Nies bħal dawn huma mingħajr rażan u feroċi. Xi wħud għandhom rashom iebsa. Huma jagħmlu l-affarijiet mingħajr ma jaħsbu u ma jinteressahomx mill-effett li l-azzjonijiet tagħhom se jkollhom fuq oħrajn.
15 Ħafna nies li qabel kienu jaġixxu bħal annimali feroċi bidlu l-personalità tagħhom. Din il-bidla impressjonanti ġiet imbassra fi profezija tal-Bibbja. (Aqra Isaija 11:6, 7.) Hemmhekk naqraw dwar annimali salvaġġi, bħal-lupu u l-iljun, li jgħixu fil-paċi m’annimali domestiċi, bħall-ħaruf u l-għoġol. Għala kien se jkollhom il-paċi? Il-profezija tkompli: “Għax l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) L-annimali ma jistgħux jitgħallmu dwar Ġeħova, allura b’mod simboliku, din il-profezija tirreferi għall-bidliet li n-nies jagħmlu fil-personalità tagħhom.
16. Il-Bibbja kif għenet lin-nies jibdlu l-personalitajiet tagħhom?
Il-bidliet mhumiex faċli, imma l-ispirtu t’Alla se jgħin lil dawk li jridu jogħġbuh
16 Ħafna minn ħutna li darba kienu feroċi bħal-lupu issa qed jgħixu fil-paċi m’oħrajn. Int tistaʼ taqra xi ftit mill-esperjenzi tagħhom fis-serje Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet,” li nsibu fuq jw.org/mt. Dawk li saru jafu lil Ġeħova u bdew jaqduh mhumiex bħal dawk li għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha. Nies bħal dawn taparsi jaqdu lil Alla, imma l-mod kif iġibu ruħhom juri mod ieħor. Madankollu, fost il-poplu taʼ Ġeħova hemm ħafna li qabel kienu feroċi imma issa ‘libsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’ (Efesin 4:23, 24) Meta n-nies jitgħallmu dwar Alla, huma jirrealizzaw li għandhom bżonn jimxu mal-livelli tiegħu. Dan jgħinhom jagħmlu bidliet f’dak li jemmnu, fil-mod kif jaħsbu, u f’dak li jagħmlu. Dawn il-bidliet mhumiex faċli, imma l-ispirtu t’Alla se jgħin lil dawk li verament iridu jogħġbuh.
““NIES BĦAL DAWN AĦRABHOM”
17. Kif nistgħu nevitaw li niġu influwenzati min-nies li għandhom kwalitajiet ħżiena?
17 Qed isir iktar faċli li naraw id-differenza bejn dawk li jaqdu lil Alla u dawk li ma jaqduhx. Irridu noqogħdu attenti biex ma niġux influwenzati mill-kwalitajiet ħżiena taʼ dawk li ma jaqdux lil Alla. Aħna rridu nimxu mad-direzzjoni taʼ Ġeħova biex naħarbu min-nies li huma deskritti fit-2 Timotju 3:2-5. Bla dubju, ma nistgħux nevitaw għalkollox lil kull min għandu kwalitajiet ħżiena. Jistaʼ jkollna naħdmu magħhom, immorru l-iskola magħhom, jew ngħixu magħhom. Imma m’għandniex għalfejn naħsbu jew naġixxu bħalhom. X’jistaʼ jgħinna? Nistgħu nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova billi nistudjaw il-Bibbja u nagħmluha maʼ dawk li huma determinati li jaqduh.
18. Dak li ngħidu u nagħmlu kif jistaʼ jgħin lil oħrajn ikunu jridu jsiru jafu lil Ġeħova?
18 Irridu wkoll ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova. Fittex għal opportunitajiet biex tagħti xhieda, u itlob lil Ġeħova biex jgħinek tgħid il-ħaġa t-tajba f’waqtha. Aħna għandna ngħidu lil oħrajn li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. B’dal-mod, il-kondotta tajba tagħna se ġġib glorja lil Alla u mhux lilna nfusna. Ġeħova għallimna “nwarrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema.” (Titu 2:11-14) Jekk nimitaw lil Ġeħova u nagħmlu dak li jrid hu, oħrajn se jinnotawna, u xi wħud jistgħu saħansitra jgħidu: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żakkarija 8:23.
^ par. 10 Il-kelma Griega għal “kalunnjatur” jew “akkużatur” hi djabolos. Fil-Bibbja, din il-kelma tintuża bħala titlu għal Satana, il-wieħed mill-agħar li jimmalafama lil Alla.