Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Unità mill-isbaħ u t-Tifkira

Unità mill-isbaħ u t-Tifkira

“Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-​aħwa jgħammru flimkien f’unità!”—SALM 133:1.

GĦANJIET: 149, 99

1, 2. Fl-​2018, liema ġrajja se tgħaqqadna b’mod uniku, u għala? (Ara l-​ewwel stampa.)

FIL-​31 taʼ Marzu 2018, miljuni taʼ nies madwar id-​dinja se jattendu ġrajja li ssir biss darba fis-​sena. Wara li tinżel ix-​xemx, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova u ħafna oħrajn se jiltaqgħu flimkien biex jiftakru fis-​sagrifiċċju li Ġesù għamel għalina. Kull sena, it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu tgħaqqad lin-​nies b’mod tal-​għaġeb, bil-​wisq iktar minn kwalunkwe ġrajja oħra fuq l-​art.

2 Ġeħova u Ġesù żgur li jkunu verament ferħanin meta jaraw miljuni taʼ nies imorru għal din l-​okkażjoni speċjali siegħa wara siegħa, madwar id-​dinja kollha. Il-​Bibbja tiddeskrivi “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù u poplu u lsien,” jgħajtu: “Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.” (Rivelazzjoni 7:9, 10) Kemm hi ħaġa mill-​isbaħ li kull sena, fit-​Tifkira, daqstant nies jonoraw lil Ġeħova u lil Ġesù għall-​affarijiet kbar li għamlu!

3. Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu, se ssib it-​tweġibiet għal dawn l-​erbaʼ mistoqsijiet: (1) Kif nistaʼ nipprepara għat-​Tifkira sabiex verament nibbenefika minnha? (2) It-​tifkira b’liema modi tgħin lin-​nies t’Alla kollha jkunu magħqudin? (3) Jien x’nistaʼ nagħmel biex nippromwovi l-​unità fost in-​nies t’Alla? (4) Qatt se jkun hemm l-​aħħar Tifkira? Jekk iva, meta?

KIF NISTGĦU NIPPREPARAW GĦAT-​TIFKIRA U NIBBENEFIKAW MILLI NATTENDUHA?

4. Għala hu importanti li aħna mmorru t-​Tifkira?

Ġeħova u Ġesù jinnotaw lil kull wieħed minna li jagħmel l-​almu tiegħu biex jattendi t-​Tifkira

4 Għala hu importanti li aħna mmorru t-​Tifkira? Waħda mir-​raġunijiet li nattendu l-​laqgħat hi għax dan hu mod kif inqimu lil Ġeħova. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù jinnotaw lil kull wieħed minna li jagħmel l-​almu tiegħu biex jattendi l-​iktar laqgħa importanti tas-​sena. Aħna rridu li Ġeħova u Ġesù jarawna nattendu għat-​Tifkira, sakemm ma jkunx assolutament impossibbli għalina li nkunu hemm. Meta dak li nagħmlu jagħti prova li l-​laqgħat tagħna huma importanti għalina, se nagħtu lil Ġeħova raġuni oħra biex iżomm isimna fil-​‘ktieb tat-​tifkira.’ Dan il-​ktieb jissejjaħ ukoll “il-​ktieb tal-​ħajja.” Fih hemm l-​ismijiet taʼ dawk kollha li Ġeħova jrid li jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem.—Malakija 3:16; Rivelazzjoni 20:15.

5. Fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, kif tistaʼ ‘tibqaʼ tgħarbel jekk intix fil-​fidi’?

5 Fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, nistgħu nqattgħu iktar ħin nitolbu u naħsbu bis-​serjetà dwar kemm hi b’saħħitha r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. (Aqra t-​2 Korintin 13:5.) L-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-​fidi.” Kif nistgħu nagħmlu dan? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Nemmen verament li din hi l-​unika organizzazzjoni li Ġeħova għażel biex jagħmel ir-​rieda tiegħu? Qed nagħmel l-​aħjar li nistaʼ biex nipprietka u ngħallem l-​aħbar tajba? Dak li nagħmel, juri li jien verament nemmen li qed ngħixu fl-​aħħar jiem u li dalwaqt se tispiċċa l-​ħakma taʼ Satana? Il-​fiduċja tiegħi f’Ġeħova u Ġesù, hi b’saħħitha bħal meta bdejt naqdi lil Ġeħova?’ (Mattew 24:14; 2 Timotju 3:1; Ebrej 3:14) Li naħsbu dwar it-​tweġibiet taʼ dawn il-​mistoqsijiet se jgħinna biex ‘nibqgħu ngħarblu’ x’aħna.

6. (a) X’inhu l-​uniku mod biex nirċievu l-​ħajja taʼ dejjem? (b) Wieħed li jaqdi bħala anzjan, kif jipprepara għat-​Tifkira kull sena, u int kif tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili?

6 Mod wieħed kif tistaʼ tipprepara għat-​Tifkira hu billi taqra u taħseb dwar artikli li jispjegaw għala din il-​ġrajja hi daqstant importanti. (Aqra Ġwanni 3:16; 17:3.) L-​uniku mod biex aħna nirċievu l-​ħajja taʼ dejjem hu billi nsiru nafu lil Ġeħova u billi jkollna fidi f’Ibnu, Ġesù. Biex nippreparaw għat-​Tifkira, aħna nistgħu nagħżlu li nistudjaw affarijiet li jgħinuna nersqu eqreb tagħhom. Ħu li ilu jaqdi bħala anzjan hekk jagħmel. Hu ilu ħafna snin jiġbor artikli tat-​Torri tal-​Għassa li jitkellmu dwar it-​Tifkira u l-​imħabba li Ġeħova u Ġesù wrewna. Fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, hu jerġaʼ jaqra dawn l-​artikli u jaħseb bis-​serjetà dwar din il-​ġrajja tant importanti. Xi kultant, iżid xi artiklu jew tnejn maʼ din il-​kollezzjoni. Ukoll, hu jaqra u jaħseb fil-​fond dwar il-​qari mill-​Bibbja għat-​Tifkira. Dan l-​anzjan jgħid li billi jagħmel hekk, jitgħallem affarijiet ġodda kull sena. Iktar importanti minn hekk, b’dan l-​istudju jsir iħobb iktar lil Ġeħova u lil Ġesù. Meta tistudja b’dan il-​mod, anki int se ssir tħobb iktar u iktar lil Ġeħova u lil Ġesù. Se tkun ukoll iktar grat għal dak li għamlu għalina, u se tibbenefika iktar mit-​Tifkira.

IT-​TIFKIRA TGĦINNA NKUNU MAGĦQUDIN

7. (a) Ġesù għal xiex talab fl-​ewwel Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej? (b) X’juri li Ġeħova wieġeb it-​talba taʼ Ġesù?

7 Fil-​lejl tal-​ewwel Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, Ġesù qal talba speċjali. Fiha talab dwar l-​unità prezzjuża li hu għandu maʼ Missieru. Ġesù talab ukoll biex id-​dixxipli tiegħu jkunu magħqudin bl-​istess mod. (Aqra Ġwanni 17:20, 21.) Ġeħova żgur li wieġeb din it-​talba tal-​għażiż Ibnu. Iktar minn kull laqgħa oħra, it-​Tifkira turi b’mod ċar li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma magħqudin. Dakinhar, mad-​dinja kollha, miljuni taʼ nies minn bosta pajjiżi u b’kulur tal-​ġilda differenti se jiltaqgħu flimkien u juru li jemmnu li Ġeħova bagħat lil Ibnu. F’xi postijiet, hi xi ħaġa stramba li nies minn razez differenti jkollhom laqgħat reliġjużi flimkien, jew jekk ikollhom, ikun hemm min iħoss li mhijiex xi ħaġa xierqa. Imma Ġeħova u Ġesù ma jħossuhomx hekk. Għalihom, l-​unità tagħna fit-​Tifkira hi xi ħaġa mill-​isbaħ.

8. Ġeħova liema messaġġ ta lil Eżekjel?

8 Bħala poplu taʼ Ġeħova, m’aħniex mistagħġbin li aħna magħqudin b’dan il-​mod. Ġeħova kien bassar din l-​unità meta ta messaġġ lil Eżekjel. Hu qal lil Eżekjel biex jieħu żewġ bsaten, wieħed “għal Ġuda” u wieħed “għal Ġużeppi,” u jagħmilhom flimkien sabiex isiru bastun wieħed. (Aqra Eżekjel 37:15-17.) L-​artiklu l-​“Mistoqsijiet mill-​qarrejja” ppubblikat fit-​Torri tal-​Għassa taʼ Lulju 2016 spjega: “Permezz tal-​profeta Eżekjel, Ġeħova bassar li n-​nies tiegħu kellhom imorru lura lejn l-​Art Imwiegħda u jerġgħu jingħaqdu bħala ġens wieħed. Din il-​profezija bassret ukoll li dawk li jqimu lil Alla matul l-​aħħar jiem kienu se jkunu magħqudin bħala poplu wieħed.”

9. Fit-​Tifkira taʼ kull sena, kif naraw l-​unità li ġiet imbassra fil-​profezija taʼ Eżekjel?

9 Mill-​1919, Ġeħova bil-​mod il-​mod reġaʼ organizza u għaqqad mill-​ġdid lill-​midlukin. Huma kienu bħall-​bastun “għal Ġuda.” Imbagħad, iktar u iktar nies li kellhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art bdew jingħaqdu mal-​midlukin. Dawn l-​uħud bit-​tama għall-​art huma bħall-​bastun “għal Ġużeppi.” Ġeħova wiegħed li jgħaqqad dawn iż-​żewġ bsaten flimkien u ‘jagħmilhom bastun wieħed’ f’idu. (Eżekjel 37:19) Lill-​midlukin u n-​“nagħaġ oħrajn” għamilhom “merħla waħda.” (Ġwanni 10:16; Żakkarija 8:23) Illum, iż-​żewġ gruppi huma magħqudin u jaqdu lil Ġeħova flimkien. U huma għandhom Sultan wieħed, Ġesù Kristu, li fil-​profezija taʼ Eżekjel jissejjaħ “David,” il-​qaddej t’Alla. (Eżekjel 37:24, 25) Fit-​Tifkira taʼ kull sena, meta niltaqgħu flimkien biex niftakru fil-​mewt taʼ Ġesù, aħna naraw l-​unita li għandhom dawn iż-​żewġ gruppi bħalma ġie mbassar minn Eżekjel. Imma kull wieħed minna, x’jistaʼ jagħmel biex iżomm u jippromwovi l-​unità tal-​poplu t’Alla?

KULL WIEĦED MINNA X’JISTAʼ JAGĦMEL BIEX JIPPROMWOVI L-​UNITÀ?

10. Kif nistgħu nippromwovu l-​unità fost in-​nies t’Alla?

10 X’inhu l-​ewwel mod li bih nistgħu nippromwovu l-​unità fost in-​nies t’Alla? Dan hu billi naħdmu iebes biex inkunu umli. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu qal lid-​dixxipli tiegħu li għandhom ikunu umli. (Mattew 23:12) In-​nies tad-​dinja spiss iqisu lilhom infushom iktar importanti minn oħrajn. Imma jekk inkunu umli, aħna se nirrispettaw lill-​uħud li jieħdu t-​tmexxija u nobdu d-​direzzjoni tagħhom. Hekk biss il-​kongregazzjoni tistaʼ tkun magħquda. U iktar importanti minn hekk, jekk nibqgħu umli, aħna se nogħġbu lil Alla għax hu “jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli.”—1 Pietru 5:5.

11. Il-​fatt li naħsbu dwar il-​ħobż u l-​inbid li jintużaw fit-​Tifkira, kif jgħinna nippromwovu l-​unità?

11 X’inhu t-​tieni mod li bih nistgħu nippromwovu l-​unità? Hu billi naħsbu bis-​serjetà dwar xi jfissru verament il-​ħobż u l-​inbid. Għandna nagħmlu dan qabel it-​Tifkira u speċjalment f’dak il-​lejl. (1 Korintin 11:23-​25) Il-​ħobż bla ħmira jirrappreżenta l-​ġisem perfett li Ġesù ta bħala sagrifiċċju. L-​inbid aħmar jirrappreżenta demmu. Imma mhux biżżejjed li sempliċement nifhmu dawn il-​fatti bażiċi. Hemm bżonn li niftakru li s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa involva l-​ikbar żewġ atti taʼ mħabba. Ġeħova ta lil Ibnu għalina, u Ġesù minn jeddu ta ħajtu għalina. Meta naħsbu dwar l-​imħabba tagħhom, se niġu mqanqlin inħobbuhom. U l-​imħabba li lkoll għandna għal Ġeħova se ssaħħaħ l-​unità tagħna.

Meta naħfru lil oħrajn, aħna nippromwovu l-unità (Ara paragrafi 12, 13)

12. Fl-​istorja dwar sultan u l-​ilsiera tiegħu, Ġesù kif għamilha ċara li Ġeħova jridna naħfru lil oħrajn?

12 X’inhu t-​tielet mod li bih nistgħu nippromwovu l-​unità? Li naħfru lil xulxin mill-​qalb. Meta nagħmlu hekk, nuru li aħna grati li Ġeħova jaħfrilna dnubietna minħabba s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. Biex juri kemm hu importanti li naħfru, Ġesù qal storja dwar sultan u l-​ilsiera tiegħu. Jekk jogħġbok aqra Mattew 18:23-​34 u saqsi lilek innifsek: ‘Nitqanqal jien biex nagħmel dak li Ġesù għallem? Nuri paċenzja u ħniena maʼ ħuti? Lest li naħfer lil dawk li weġġgħuni?’ Veru, xi dnubiet huma iktar gravi minn oħrajn. U bħala bnedmin imperfetti, xi kultant insibuha bi tqila biex naħfru xi dnubiet. Imma l-​istorja taʼ Ġesù tgħallimna xi jridna nagħmlu Ġeħova. (Aqra Mattew 18:35.) Ġesù għamilha ċara li Ġeħova ma jaħfrilniex jekk ma naħfrux lil ħutna meta jkun verament iddispjaċiehom. Din żgur li hi xi ħaġa taʼ min jaħseb dwarha bis-​serjetà. Biex nipproteġu u nżommu l-​unità prezzjuża tagħna, hemm bżonn li naħfru lil oħrajn bħalma għallimna Ġesù.

13. Kif nippromwovu l-​unità meta nżommu l-​paċi m’oħrajn?

13 Meta naħfru lil oħrajn, aħna nżommu l-​paċi maʼ ħutna. L-​appostlu Pawlu qal li għandna naħdmu iebes biex nibqgħu f’unità wieħed mal-​ieħor u jkollna l-​paċi. (Efesin 4:3) Għalhekk, fiż-​żmien tat-​Tifkira, u speċjalment dak il-​lejl, immedita dwar kif tittratta lil oħrajn. Staqsi lilek innifsek: ‘Hu ovvju għal min jafni li jien ma nibqax irrabjat għal dawk li jweġġgħuni? Jistgħu n-​nies jaraw li nagħmel kulma nistaʼ biex nirranġa u nippromwovi l-​unità?’ Dawn huma mistoqsijiet serji li għandna naħsbu dwarhom.

14. Kif nistgħu nuru li qed ‘nissaportu lil xulxin bl-​imħabba’?

14 X’inhu r-​rabaʼ mod li bih nistgħu nippromwovu l-​unità? Billi nimitaw lil Ġeħova f’li nuru mħabba. (1 Ġwanni 4:8) Aħna qatt mhu se ngħidu, “Għandi nżomm il-​paċi maʼ ħuti, imma m’għandix għalfejn inkun qrib tagħhom.” Jekk naħsbu b’dan il-​mod, ma nkunux qed insegwu l-​parir taʼ Pawlu biex ‘nissaportu lil xulxin bl-​imħabba.’ (Efesin 4:2) Innota li Pawlu ma qalx sempliċement li għandna ‘nissaportu lil xulxin’ imma li għandna nagħmlu dan “bl-​imħabba.” Hemm differenza. Hemm diversi tipi taʼ nies fil-​kongregazzjonijiet tagħna, u Ġeħova ġibidhom lejh ilkoll. (Ġwanni 6:44) Allura hu żgur li għandu ħafna raġunijiet validi biex iħobbhom. Jekk ħutna jistħoqqilhom l-​imħabba t’Alla, kif nistgħu ngħidu li ma jistħoqqilhomx l-​imħabba tagħna? Irridu nkunu ħerqanin biex inħobbuhom bil-​mod kif Ġeħova jridna.—1 Ġwanni 4:20, 21.

META SE TKUN L-​AĦĦAR TIFKIRA?

15. Kif nafu li se jkun hemm l-​aħħar Tifkira?

15 Xi darba, aħna se mmorru t-​Tifkira għall-​aħħar darba. Kif nafuh dan? Pawlu qal lill-​Kristjani midlukin li meta huma jiftakru fil-​mewt taʼ Ġesù kull sena, huma ‘jibqgħu jxandru l-​mewt tal-​Mulej, sakemm jasal.’ (1 Korintin 11:26) Anki Ġesù tkellem dwar il-​‘miġja’ tiegħu fil-​profezija dwar iż-​żmien tat-​tmiem. Meta tkellem dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira li daqt ġejja, hu qal: “Imbagħad jidher fis-​sema s-​sinjal taʼ Bin il-​bniedem, u mbagħad it-​tribujiet kollha taʼ l-​art jibku u jħabbtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema b’qawwa u glorja kbira. U jibgħat lill-​anġli tiegħu b’ħoss kbir taʼ trumbetta, u jiġbru flimkien il-​magħżulin tiegħu mill-​erbat irjieħ, minn tarf sa tarf tas-​smewwiet.” (Mattew 24:29-​31) Ġesù se ‘jiġbor flimkien il-​magħżulin tiegħu’ meta jieħu fis-​sema lill-​Kristjani midlukin li jkun għad baqaʼ fuq l-​art. Dan se jiġri wara li tkun bdiet it-​tribulazzjoni l-​kbira imma qabel il-​gwerra t’Armageddon. F’dik il-​gwerra, Ġesù, flimkien mal-​144,000 kollha, se jiġġieled kontra s-​slaten tal-​art u jirbaħ. (Rivelazzjoni 17:12-14) L-​aħħar Tifkira li se nattendu se tkun dik taʼ qabel ma Ġesù ‘jiġi’ biex jiġbor lill-​midlukin li jkun fadal fuq l-​art.

16. Għala int determinat li tattendi t-​Tifkira din is-​sena?

16 Kun determinat li tattendi t-​Tifkira fil-​31 taʼ Marzu 2018. U itlob lil Ġeħova biex jgħinek tagħti sehmek sabiex bħala poplu nibqgħu magħqudin. (Aqra Salm 133:1.) Xi darba, se mmorru għat-​Tifkira għall-​aħħar darba. Sa dakinhar, ejja nuru kemm l-​unità mill-​isbaħ li jkollna kull sena, fit-​Tifkira, hi prezzjuża ħafna għalina.