X’nistgħu nagħtu lill-Wieħed li għandu kollox?
“O Alla tagħna, aħna qed nirringrazzjawk u nfaħħru l-isem sabiħ tiegħek.”—1 KRONAKI 29:13.
1, 2. Ġeħova kif inhu ġeneruż magħna?
ĠEĦOVA hu Alla ġeneruż. Dak kollu li għandna ġej mingħandu. L-affarijiet prezzjużi kollha tal-art huma tiegħu, u hu jużahom biex jieħu ħsieb il-ħolqien. (Salm 104:13-15; Ħaggaj 2:8) Mill-Bibbja nitgħallmu kif Ġeħova kultant juża dawn l-affarijiet prezzjużi b’mod mirakoluż biex jipprovdi għan-nies tiegħu.
2 Pereżempju, meta l-poplu taʼ Iżrael għex fix-xagħri għal 40 sena, Ġeħova pprovdielu l-manna u l-ilma. (Eżodu 16:35) Minħabba dan, huma “ma kien jonqoshom xejn.” (Neħemija 9:20, 21) Wara xi żmien, Ġeħova ta lill-profeta Eliżew il-qawwa biex iżid l-ammont żgħir taʼ żejt li kellha armla leali. Dan ir-rigal mingħand Alla għenha biex tħallas id-dejn kollu li kellha u xorta jibqgħalha biżżejjed flus biex kemm hi u kemm it-tfal subien tagħha jibqgħu ħajjin. (2 Slaten 4:1-7) Ukoll, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, Ġesù b’mod mirakoluż ipprovda ikel u anke flus meta kien hemm bżonn.—Mattew 15:35-38; 17:27.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Ġeħova jistaʼ juża dak li jrid hu biex jieħu ħsieb il-ħolqien tiegħu. Imma hu xorta jistieden lill-qaddejja tiegħu biex jagħtu dak li jistgħu ħalli jappoġġjaw ix-xogħol tal-organizzazzjoni tiegħu. (Eżodu 36:3-7; aqra Proverbji 3:9.) Ġeħova għala jistenna li nagħtuh lura mill-affarijiet prezzjużi tagħna? Il-qaddejja taʼ Ġeħova fi żminijiet Bibliċi kif appoġġjaw ix-xogħol tiegħu? Illum, l-organizzazzjoni kif tuża l-kontribuzzjonijiet li tirċievi? Dan l-artiklu se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
AĦNA GĦALA NAGĦTU MILLI GĦANDNA LIL ĠEĦOVA?
4. Xi nkunu qed nuruh lil Ġeħova meta nappoġġjaw ix-xogħol tiegħu?
Aħna nagħtu lil Ġeħova għax inħobbuh
4 Aħna nagħtu lil Ġeħova għax inħobbuh u għax aħna grati għal kulma hu għamel magħna. Meta naħsbu dwar dak kollu li Ġeħova għamel għalina, qalbna titqanqal profondament. Is-Sultan David hekk ħassu meta spjega x’kien hemm bżonn għall-bini tat-tempju. David qal li dak kollu li nirċievu ġej mingħand Ġeħova u dak li nagħtu lil Ġeħova, ġej minn dak li Hu diġà tana.—Aqra l-1 Kronaki 29:11-14.
5. Il-Bibbja kif turina illi li nagħtu b’mod ġeneruż hu parti importanti mill-qima vera?
5 Ukoll, aħna nagħtu lil Ġeħova għax dan hu mod kif inqimuh. Permezz taʼ viżjoni, l-appostlu Ġwanni semaʼ lill-qaddejja taʼ Ġeħova fis-sema jgħidu: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha, u bir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:11) Żgur naqblu li Ġeħova jistħoqqlu kull glorja u unur, u allura aħna se nkunu rridu nagħtuh mill-aħjar tagħna. Ġeħova kkmanda lill-poplu taʼ Iżrael, permezz taʼ Mosè, biex jagħmel tliet festi kull sena. F’dawn il-festi, li jagħtu lil Ġeħova kienet parti mill-qima tagħhom. Il-poplu kien intqallu biex ma ‘jidhirx quddiem Ġeħova b’idu vojta.’ (Dewteronomju 16:16) Anke llum il-ġurnata, li nagħtu b’mod ġeneruż hu parti importanti mill-qima tagħna. B’dan il-mod, inkunu qed nuru li napprezzaw u nappoġġjaw ix-xogħol tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.
6. Għala hu għall-ġid tagħna li nagħtu mill-affarijiet prezzjużi li għandna? (Ara l-ewwel stampa.)
6 Li nagħtu b’mod ġeneruż u mhux biss nirċievu, hu għall-ġid tagħna. (Aqra Proverbji 29:21.) Immaġina tifla li l-ġenituri tagħha jagħtuha l-pocket money u mbagħad tuża ftit minn dawk il-flus biex tixtri rigal għall-ġenituri tagħha. Kif taħseb li ħa jħossuhom bir-rigal li tkun tathom? Jew immaġina pijunier żagħżugħ li jgħix mal-ġenituri tiegħu u hu jagħtihom xi flus biex jgħinhom iħallsu l-kera jew jixtru l-ikel għall-familja. Il-ġenituri tiegħu forsi ma jistennewx li jagħmel hekk, imma huma xorta jaċċettaw ir-rigal. Għala? Għax għalih, dan hu mod kif juri li japprezza dak kollu li jagħmlu miegħu. B’mod simili, Ġeħova jaf li hu għall-ġid tagħna li nagħtu mill-affarijiet prezzjużi li għandna.
KIF IL-QADDEJJA T’ALLA TAW KONTRIBUZZJONIJIET FIL-PASSAT
7, 8. In-nies taʼ Ġeħova fi żminijiet Bibliċi, kif ħallew eżempju meta (a) taw kontribuzzjonijiet għall-proġetti speċifiċi? (b) għenu bil-flus lil dawk li kienu qed imexxu x-xogħol?
7 Mill-Bibbja nitgħallmu li l-poplu taʼ Ġeħova kien jagħti kontribuzzjonijiet biex jappoġġja x-xogħol Tiegħu. Kultant taw għall-proġetti speċifiċi. Pereżempju, Mosè inkuraġġixxa lill-Iżraelin biex jikkontribwixxu għall-bini tat-tabernaklu. Żmien wara, is-Sultan David għamel l-istess għall-bini tat-tempju. (Eżodu 35:5; 1 Kronaki 29:5-9) Matul it-tmexxija tas-Sultan Ġeħogħas, il-qassisin irranġaw it-tempju billi użaw il-flus li kienu taw in-nies. (2 Slaten 12:4, 5) Fl-ewwel seklu, kien hemm Kristjani li saru jafu li fil-Lhudija kien hemm ġuħ kbir u li l-aħwa kellhom bżonn l-għajnuna. Allura kull Kristjan ra kemm setaʼ jagħti lill-aħwa t’hemmhekk.—Atti 11:27-30.
8 In-nies taʼ Ġeħova taw ukoll il-flus biex jgħinu lil dawk li kienu qed imexxu x-xogħol tiegħu. Pereżempju, taħt il-Liġi taʼ Mosè, il-Leviti ma kellhomx wirt bħalma kellhom it-tribujiet l-oħra. Għalhekk, il-bqija tal-Iżraelin kellhom jgħinuhom permezz taʼ kontribuzzjonijiet regolari, u b’hekk il-Leviti setgħu jiffokaw fuq ix-xogħol tagħhom fit-tabernaklu. (Numri 18:21) B’mod simili, nisa ġenerużi użaw minn dak li kellhom biex jgħinu lil Ġesù u lill-appostli tiegħu.—Luqa 8:1-3.
Kulħadd setaʼ jagħti xi ħaġa, kemm min kien sinjur ħafna u kemm min kien fqir ħafna
9. Fil-passat, il-kontribuzzjonijiet b’liema modi differenti kienu ngħataw?
9 Dawk il-kontribuzzjonijiet kienu ngħataw b’modi differenti. L-Iżraelin li kkontribwew għall-bini tat-tabernaklu, setgħu taw affarijiet prezzjużi li kienu ġabu mill-Eġittu. (Eżodu 3:21, 22; 35:22-24) Fl-ewwel seklu, xi Kristjani biegħu xi affarijiet li kellhom, bħal għelieqi jew djar, u l-flus tawhom lill-appostli. Imbagħad, l-appostli użaw dawk il-flus għall-aħwa li kellhom bżonn l-għajnuna. (Atti 4:34, 35) Kristjani oħra kienu jwarrbu l-flus regolarment biex bihom jgħinu fix-xogħol. (1 Korintin 16:2) Allura kulħadd setaʼ jagħti xi ħaġa, kemm min kien sinjur ħafna u kemm min kien fqir ħafna.—Luqa 21:1-4.
ILLUM AĦNA KIF NAGĦTU?
10, 11. (a) Kif nistgħu nimitaw il-qaddejja ġenerużi taʼ Ġeħova li kienu jgħixu fi żminijiet Bibliċi? (b) Kif tħossok dwar il-privileġġ li għandek biex tappoġġja x-xogħol tas-Saltna?
10 Illum, aħna wkoll nistgħu niġu mitlubin biex nagħtu għal xi ħaġa speċifika. Forsi l-kongregazzjoni tiegħek qed tippjana biex tagħmel rinnovazzjoni
tas-Sala tas-Saltna jew tibni waħda ġdida. Jew forsi l-uffiċċju tal-fergħa lokali għandu bżonn jiġi irrinnovat. Aħna forsi nistgħu wkoll ngħinu fl-ispejjeż tal-konvenzjoni. Jew forsi ħutna f’pajjiż ieħor sofrew diżastru naturali u għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Il-kontribuzzjonijiet tagħna jappoġġjaw ukoll lill-missjunarji, il-pijunieri speċjali, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, u lil dawk li jaħdmu fil-kwartieri ġenerali u f’uffiċċji tal-fergħa madwar id-dinja. Il-kongregazzjoni tiegħek tistaʼ wkoll tkun qed tibgħat kontribuzzjonijiet regolari biex tgħin ħalli jinbnew Swali tal-Assemblea u Swali tas-Saltna għal ħutna f’partijiet oħra tad-dinja.11 Kollha kemm aħna nistgħu nagħtu xi ħaġa biex nappoġġjaw ix-xogħol li qed tagħmel l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova f’dawn l-aħħar jiem. Il-biċċa l-kbira mid-donazzjonijiet ma nkunux nafu min tahom. Meta npoġġu l-flus fil-kaxxi tal-kontribuzzjonijiet fis-Sala tas-Saltna jew nagħtu donazzjonijiet onlajn permezz taʼ jw.org/mt, aħna ma noqogħdux ngħidu lil oħrajn kemm tajna. Imma xi ngħidu jekk tħoss li l-kontribuzzjonijiet tiegħek huma żgħar wisq biex jagħmlu differenza? Ir-realtà hi li l-biċċa l-kbira mid-donazzjonijiet li tirċievi l-organizzazzjoni, jiġu minn ħafna donazzjonijiet żgħar u mhux minn ftit kbar. Anke ħutna li għandhom veru ftit flus jimitaw il-Kristjani tal-bidu tal-Maċedonja. Dawn kienu ‘f’faqar kbir,’ imma talbu biex jitħallew jagħtu u għamlu dan b’mod ġeneruż.—2 Korintin 8:1-4.
12. L-organizzazzjoni kif tipprova tuża l-kontribuzzjonijiet bl-aħjar mod possibbli?
12 Il-Ġemgħa li Tiggverna hi leali u għaqlija fil-mod kif tuża l-kontribuzzjonijiet. (Mattew 24:45) Il-membri tagħha jitolbu lil Ġeħova biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin, u jippjanaw b’għaqal kif se jużaw il-flus. (Luqa 14:28) Fi żminijiet Bibliċi, irġiel leali li kienu jieħdu ħsieb il-kontribuzzjonijiet għamlu ċert li dawn jintużaw biss għall-qima taʼ Ġeħova. Pereżempju, Esdra mar lura Ġerusalemm b’kontribuzzjonijiet prezzjużi ħafna li kien tah is-sultan tal-Persja. Dawn kienu jinkludu deheb, fidda, u teżori oħra li llum jiġu jiswew iktar minn 90 miljun ewro. Esdra qies dawn il-kontribuzzjonijiet bħala rigali għal Ġeħova. Allura lil dawk li kienu se jġorruhom tahom istruzzjonijiet speċifiċi, biex waqt li jkunu għaddejjin minn artijiet perikolużi dawn l-affarijiet ikunu protetti. (Esdra 8:24-34) Ħafna snin wara, l-appostlu Pawlu ġabar il-flus biex jgħin lill-aħwa fil-Lhudija li kienu fil-bżonn. Hu għamel ċert li dawk li wasslu l-flus ħadu ħsiebhom ‘b’mod onest mhux biss quddiem Ġeħova imma wkoll quddiem il-bnedmin.’ (Aqra t-2 Korintin 8:18-21.) Illum, l-organizzazzjoni tagħna timita lil Esdra u lil Pawlu u tuża l-kontribuzzjonijiet b’għaqal kbir.
13. L-organizzazzjoni għala għamlet ċerti bidliet dan l-aħħar?
13 Membri taʼ familja jaf ikollhom bżonn jagħmlu bidliet fil-mod kif jużaw il-flus biex ma jonfqux iktar milli jaqilgħu. Jew għandhom mnejn ifittxu modi kif jissimplifikaw ħajjithom biex jagħmlu iktar għal Ġeħova. L-istess jistaʼ
jingħad għall-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Reċentement, saru ħafna proġetti sbieħ ġodda, u xi drabi, intefqu iktar flus milli daħlu. Allura l-organizzazzjoni, bħal familja, tfittex modi kif tonfoq inqas flus u tissimplifika x-xogħol, biex b’hekk tkun tistaʼ tuża l-kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom bl-aħjar mod possibbli.KIF NIBBENEFIKAW MILL-KONTRIBUZZJONIJIET TAGĦNA
14-16. (a) Il-kontribuzzjonijiet tiegħek għal xiex qed jiġu użati? (b) B’liema modi bbenefikajt int minn dawn il-proġetti?
14 Ħafna li ilhom snin fil-verità jgħidu li issa qed nirċievu ħafna iżjed rigali sbieħ mill-organizzazzjoni. Issa għandna l-websajt jw.org u l-JW Broadcasting. Għandna wkoll it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa b’ħafna iktar lingwi. Fl-2014/2015, il-Konvenzjonijiet Internazzjonali taʼ tlett ijiem “Ibqgħu fittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla!” saru fi ftit mill-ikbar stejdjums f’14-il belt madwar id-dinja. Dawk kollha li attendew kienu ferħanin li kienu preżenti!
15 Ħafna esprimew kemm huma grati għar-rigali li qed tagħtina l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Pereżempju, koppja li taqdi fl-Asja kitbet: “L-inkarigu tagħna hu f’belt żgħira. Minħabba f’hekk, xi kultant inħossuna maqtugħin minn kulħadd, u malajr ninsew li x-xogħol taʼ Ġeħova qed isir mad-dinja kollha. Imma malli naraw il-ħafna programmi fuq il-JW Broadcasting, niftakru li aħna parti minn familja kbira madwar id-dinja. Ħutna lokali huma ferħanin ħafna bil-JW Broadcasting. Taʼ spiss nisimgħuhom jgħidu li wara li jaraw il-programmi taʼ kull xahar, iħossuhom qrib tal-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna. Issa huma kburin iktar minn qatt qabel li jagħmlu parti mill-organizzazzjoni t’Alla.”
16 Madwar id-dinja, bħalissa, kważi 2,500 Sala tas-Saltna qed jiġu mibnijin jew irrinnovati. L-aħwa taʼ kongregazzjoni waħda fil-Honduras jgħidu li qabel kienu biss joħolmu li jkollhom Sala tas-Saltna tagħhom, imma issa din il-ħolma saret realtà. Huma kitbu: “Inħossuna veru ferħanin li aħna parti mill-familja universali taʼ Ġeħova u li ngawdu l-ħbiberiji tal-aħwa madwar id-dinja kollha.” Ħafna jesprimu lilhom infushom b’mod simili meta jirċievu l-Bibbja u pubblikazzjonijiet oħra fil-lingwa tagħhom, meta aħwa jmorru jgħinuhom wara xi diżastru naturali, jew meta jkollhom riżultati tajbin f’għoti taʼ xhieda fi bliet kbar u fit-territorju tagħhom.
17. Kif nafu li Ġeħova qed jappoġġja l-organizzazzjoni tiegħu llum?
17 Ħafna li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova ma jistgħux jifhmu kif nagħmlu dan kollu b’kontribuzzjonijiet volontarji biss. Maniġer taʼ kumpanija kbira żar waħda mill-istamperiji tagħna. Hu baqaʼ skantat li x-xogħol kollu jsir mill-volontieri, b’donazzjonijiet volontarji, u mingħajr ma qatt jiġu organizzati attivitajiet biex jinġabru l-flus. Hu qal li dak li nagħmlu hu impossibbli. Aħna naqblu miegħu! Ilkoll nafu li dan hu possibbli biss għax Ġeħova qed jappoġġja dan ix-xogħol.—Ġob 42:2.
INGAWDU BARKIET META NAGĦTU LURA LIL ĠEĦOVA
18. (a) X’barkiet nirċievu meta nagħtu biex nappoġġjaw is-Saltna? (b) Kif nistgħu ngħallmu lit-tfal tagħna u wħud ġodda biex jagħmlu l-istess?
18 Ġeħova jagħtina l-privileġġ u l-opportunità biex nappoġġjaw ix-xogħol kbir tas-Saltna li qed isir. Hu jassigurana li meta nagħmlu hekk se jberikna. (Malakija 3:10) Ġeħova jwegħedna li jekk nagħtu mill-qalb se nirċievu ħafna barkiet. (Aqra Proverbji 11:24, 25.) Hu anke jgħidilna li meta nagħtu lil oħrajn se nkunu ferħanin għax “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) B’dak li ngħidu u nagħmlu, nistgħu ngħallmu lit-tfal tagħna u wħud ġodda li huma wkoll jistgħu jgħinu f’dan ix-xogħol u jgawdu ħafna barkiet.
19. Dan l-artiklu kif inkuraġġiek?
19 Dak kollu li għandna ġej mingħand Ġeħova. Meta aħna nagħtu lura lilu, inkunu qed nuruh li nħobbuh u napprezzaw dak kollu li għamel magħna. (1 Kronaki 29:17) Meta l-Iżraelin taw kontribuzzjonijiet għall-bini tat-tempju, huma ‘ferħu minħabba l-offerti li taw minn rajhom, għax kien b’qalb sħiħa li taw offerti minn rajhom lil Ġeħova.’ (1 Kronaki 29:9) Ejja aħna wkoll inkomplu nsibu l-ferħ meta nagħtu lura lil Ġeħova minn dak li hu diġà tana.