Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 2

Dak li Nitgħallmu “mid-Dixxiplu li Ġesù Kien Iħobb”

Dak li Nitgħallmu “mid-Dixxiplu li Ġesù Kien Iħobb”

“Ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-​imħabba ġejja minn Alla.”1 ĠW. 4:7.

GĦANJA 105 “Alla hu mħabba”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Kif tħossok meta taħseb dwar l-​imħabba t’Alla?

L-​APPOSTLU Ġwanni kiteb, “Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8) Aħna nafu li Alla tana l-​ħajja imma dan il-​kliem jgħinna niftakru wkoll li l-​imħabba ġejja mingħandu. Ġeħova jħobbna! L-​imħabba tiegħu tgħinna nħossuna protetti, ferħanin, u sodisfatti.

2. Skont Mattew 22:37-​40, liema huma l-​ikbar żewġ kmandamenti, u għala xi kultant ikun diffiċli biex nobdu t-​tieni wieħed?

2 Il-​Kristjani ma jistgħux jagħżlu jekk jurux l-​imħabba jew le, għax dan hu kmand. (Aqra Mattew 22:37-​40.) Meta nkunu nafu sew lil Ġeħova, se jkun faċli biex nobdu l-​ewwel kmandament għax hu perfett. Hu jieħu ħsiebna u ħanin magħna. Imma jaf ma jkunx faċli biex nobdu t-​tieni kmandament. Għala? Għax ħutna fil-​kongregazzjoni, li wkoll jagħmlu parti mill-​proxxmu li ssemmi l-​Bibbja, huma imperfetti. Għalhekk, xi kultant jistgħu jweġġgħuna. Ġeħova kien jaf li jistaʼ jkun diffiċli li nobdu dan il-​kmand. Allura hu uża xi nies li kitbu l-​Bibbja biex jgħallmuna għala għandna nuru l-​imħabba lejn xulxin u kif nagħmlu dan. Wieħed minn dawn il-​kittieba kien Ġwanni.—1 Ġw. 3:11, 12.

3. Ġwanni x’enfasizza?

3 Fil-​kotba li kiteb Ġwanni, hu enfasizza li l-​Kristjani għandhom juru l-​imħabba. Fil-​ktieb taʼ Ġwanni, li fih ir-​rakkont tal-​ħajja taʼ Ġesù, hu uża l-​kliem “imħabba” u “maħbubin” iktar minn Mattew, Marku, u Luqa. Meta kiteb il-​ktieb u t-​tliet ittri tiegħu, Ġwanni kellu madwar mitt sena. Dawn il-​kotba tal-​Bibbja jgħallmuna li dak kollu li nagħmlu jrid ikun immotivat mill-​imħabba. (1 Ġw. 4:10, 11) Però, Ġwanni ħa ż-​żmien biex jitgħallem dan.

4. Ġwanni dejjem wera l-​imħabba?

4 Meta Ġwanni kien għadu żagħżugħ mhux dejjem wera l-​imħabba. Pereżempju, darba waħda, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu għaddew mis-​Samarija biex imorru Ġerusalemm. In-​nies taʼ raħal żgħir fis-​Samarija ma wrewx ospitalità magħhom. Ġwanni x’għamel? Hu u ħuh, Ġakbu, staqsew lil Ġesù jekk setgħux jitolbu biex jinżel nar mis-​sema u jeqred lil dawk kollha li kienu jgħixu f’dak ir-​raħal! (Lq. 9:52-​56) Darba oħra, Ġwanni ma weriex imħabba mal-​appostli l-​oħrajn. Milli jidher, hu u ħuh talbu lil ommhom biex tgħid lil Ġesù ħalli jagħtihom post importanti fis-​Saltna. Meta l-​appostli l-​oħra saru jafu x’għamlu Ġwanni u Ġakbu, irrabjaw ħafna! (Mt. 20:20, 21, 24) Imma minkejja li Ġwanni għamel dawn l-​iżbalji kollha, Ġesù kien iħobbu.—Ġw. 21:7.

5. X’se neżaminaw f’dan l-​artiklu?

5 F’dan l-​artiklu se neżaminaw l-​eżempju taʼ Ġwanni u xi affarijiet li hu kiteb dwar l-​imħabba. Hekk kif nagħmlu dan, se nitgħallmu kif nuru l-​imħabba maʼ ħutna. Se nitgħallmu wkoll kif kap tal-​familja jistaʼ juri li jħobb lill-​familja tiegħu.

KIF NURU L-​IMĦABBA

Ġeħova wriena kemm iħobbna meta bagħat lil Ibnu fuq l-art biex imut għalina (Ara paragrafi 6-7)

6. Ġeħova x’għamel biex jurina li jħobbna?

6 Forsi naħsbu li meta nħobbu lil xi ħadd, hu biżżejjed li ngħidulu. Imma jekk veru nħobbuh, irridu nuruh dan bl-​azzjonijiet tagħna. (Qabbel Ġakbu 2:17, 26.) Pereżempju, Ġeħova jħobbna. (1 Ġw. 4:19) U hu jgħidilna li jħobbna permezz tal-​kliem sabiħ li nsibu fil-​Bibbja. (Salm 25:10; Rum. 8:38, 39) Imma aħna nafu li Alla jħobbna mhux biss b’dak li jgħidilna, imma wkoll b’dak li jagħmel għalina. Ġwanni kiteb: “B’dan intweriet l-​imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fid-​dinja biex niksbu l-​ħajja permezz tiegħu.” (1 Ġw. 4:9) Ġeħova ppermetta lil Ibnu l-​maħbub ibati u jmut għalina. (Ġw. 3:16) Għalhekk, aħna ċerti li Ġeħova jħobbna.

7. Ġesù x’għamel biex juri li jħobbna?

7 Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li jħobbhom. (Ġw. 13:1; 15:15) Hu wera kemm iħobb lilhom u lilna mhux biss b’dak li qal, imma wkoll b’dak li għamel. Ġesù qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġw. 15:13) Meta naħsbu dwar dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina, x’se nkunu rridu nagħmlu?

8. Skont l-​1 Ġwanni 3:18, x’għandna nagħmlu?

8 Aħna nuru li nħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù billi nobduhom. (Ġw. 14:15; 1 Ġw. 5:3) U Ġesù kmandana biex inħobbu lil xulxin. (Ġw. 13:34, 35) Aħna għandna ngħidu lil ħutna li nħobbuhom, imma rridu wkoll nagħtu prova taʼ dan b’dak li nagħmlu. (Aqra l-​1 Ġwanni 3:18.) X’inhuma xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nuru li nħobbuhom?

ĦOBB LILL-​AĦWA

9. L-​imħabba x’ġegħlitu jagħmel lil Ġwanni?

9 Kieku ried, Ġwanni setaʼ baqaʼ fin-​negozju tas-​sajd maʼ missieru u b’hekk kien jaqlaʼ l-​flus. Imma minflok, hu uża ħajtu biex jgħin lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova u Ġesù. Il-​ħajja li għażel Ġwanni ma kinitx faċli. Hu ġie ppersegwitat, u madwar is-​sena 96 wara Kristu (WK) meta kien xjaħ ġie mitfugħ il-​ħabs. (Atti 3:1; 4:1-​3; 5:18; Riv. 1:9) Però, waqt li hu kien qiegħed fil-​ħabs minħabba li pprietka dwar Ġesù, hu xorta wera li kien jaħseb f’oħrajn. Pereżempju, meta kien fuq il-​gżira taʼ Patmos, hu kiteb il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni u bagħtu lill-​kongregazzjonijiet biex ikunu jafu “dak li jrid iseħħ dalwaqt.” (Riv. 1:1) Imbagħad, wara li kien meħlus minn Patmos, Ġwanni kiteb ir-​rakkont tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù. Hu kiteb ukoll tliet ittri biex jinkuraġġixxi u jsaħħaħ lill-​aħwa. Kif tistaʼ timita s-​sagrifiċċji li għamel Ġwanni fil-​ħajja tiegħu?

10. Kif tistaʼ turi li tħobb lin-​nies?

10 B’dak li tagħmel fil-​ħajja tiegħek tistaʼ turi li tħobb lin-​nies. Id-​dinja taʼ Satana tridek taħseb fik innifsek, tagħmel il-​flus, jew issir famuż. Imma, Kristjani minn madwar id-​dinja kollha jqattgħu kemm jistaʼ jkun ħin jippritkaw l-​aħbar tajba u jgħinu lin-​nies biex jersqu qrib Ġeħova. Xi wħud jagħmlu dan ix-​xogħol full-​time.

Nuru li nħobbu lil ħutna u l-familja tagħna b’dak li nagħmlu għalihom (Ara paragrafi 11, 17) *

11. Ħafna aħwa kif juru li jħobbu lil Ġeħova u lil ħuthom?

11 Ħafna Kristjani jkollhom jaħdmu full-​time biex imantnu lilhom infushom u l-​familja tagħhom. Imma dawn il-​pubblikaturi leali xorta jappoġġjaw l-​organizzazzjoni t’Alla kif jistgħu. Pereżempju, xi wħud jgħinu meta jkun hemm diżastru, oħrajn jaħdmu fuq proġetti tal-​kostruzzjoni, u kulħadd għandu l-​opportunità li jagħti donazzjoni għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja. Huma jagħmlu dawn l-​affarijiet għax iħobbu lil Alla u lil oħrajn. Nuru li nħobbu lil ħutna wkoll billi kull ġimgħa nattendu l-​laqgħat u nipparteċipaw fihom. Minkejja li forsi nkunu għajjenin, xorta mmorru. Minkejja li nkunu eċċitati, xorta nikkummentaw. U minkejja li lkoll kemm aħna għandna l-​problemi, xorta ninkuraġġixxu lil xulxin qabel u wara l-​laqgħa. (Ebr. 10:24, 25) Kemm aħna grati għax-​xogħol li jagħmlu ħutna!

12. Ġwanni kif wera b’mod ieħor li jħobb lil ħutu?

12 Ġwanni wera li jħobb lil ħutu mhux biss billi faħħarhom, imma wkoll billi tahom parir. Pereżempju, fl-​ittri tiegħu, Ġwanni faħħar lill-​aħwa għall-​fidi u x-​xogħol tajjeb tagħhom, imma tahom ukoll parir dwar id-​dnub. (1 Ġw. 1:8-​10; 2:1, 13, 14) Bl-​istess mod, aħna rridu nfaħħru lill-​aħwa għall-​affarijiet tajbin li jagħmlu. Imma jekk xi ħadd jibda juri attitudni ħażina jew jagħmel xi ħaġa li tistaʼ tfixkel il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova, nistgħu nuru l-​imħabba billi ngħidulu b’qalb tajba. Jeħtieġ kuraġġ biex tagħti parir lil ħu jew oħt, imma l-​Bibbja tgħid li ħbieb veri jsinnu, jew jikkoreġu, lil xulxin.—Prov. 27:17.

13. X’m’għandniex nagħmlu?

13 Kultant, aħna nuru li nħobbu lil ħutna billi ma nagħmlux ċertu affarijiet. Pereżempju, aħna ma niħdux għalina malajr b’dak li jgħidu. Aħseb dwar x’ġara meta Ġesù kien fuq l-​art. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu li biex jiksbu l-​ħajja għandhom jieklu laħmu u jixorbu demmu. (Ġw. 6:53-​57) Ħafna mid-​dixxipli taʼ Ġesù ma ħadux pjaċir b’dan il-​kliem, u ma baqgħux jimxu warajh. Imma l-​ħbieb leali tiegħu, bħal Ġwanni, baqgħu miegħu. Huma ma kinux fehmu dak li qal Ġesù u x’aktarx dan issorprendiehom. Imma ma ħasbux li dak li qal Ġesù kien ħażin u tkażaw bih. Minflok, huma fdaw fih għax kienu jafu li kien jgħid il-​verità. (Ġw. 6:60, 66-​69) Kemm hu importanti li ma niħdux għalina malajr meta jgħidu xi ħaġa ħutna! Minflok, nagħtuhom ċans jispjegaw dak li riedu jgħidu.—Prov. 18:13; Ekk. 7:9.

14. Għala qatt m’għandna nobogħdu lil ħutna?

14 Ġwanni ħeġġiġna wkoll biex ma nobogħdux lil ħutna. Jekk ma nobdux dan il-​parir, Satana jistaʼ jinfluwenzana. (1 Ġw. 2:11; 3:15) Dan ġara lil xi wħud mill-​Kristjani tal-​bidu. Dak iż-​żmien, Satana ħadem iebes biex iġiegħel il-​qaddejja t’Alla jobogħdu lil xulxin u jifridhom. Sa ma Ġwanni kiteb l-​ittri tiegħu, uħud fil-​kongregazzjoni kellhom din l-​attitudni. Pereżempju, Dijotrefe kien qed jikkaġuna l-​firda fil-​kongregazzjoni. (3 Ġw. 9, 10) Hu ma kienx jirrispetta lill-​anzjani li ġew mibgħutin mill-​ġemgħa li tiggverna. Ukoll, prova jkeċċi mill-​kongregazzjoni lill-​aħwa li kienu ospitabbli maʼ wħud li hu ma kellux grazzja magħhom. Kemm kien arroganti! Illum, Satana għadu qed jipprova jifred lin-​nies t’Alla. Jalla qatt ma nħallu l-​mibegħda tifridna.

ĦOBB LILL-​FAMILJA TIEGĦEK

Ġesù talab lil Ġwanni biex jieħu ħsieb lil ommu u biex jibqaʼ jinkuraġġiha taqdi lil Ġeħova. Il-​kapijiet tal-​familja għandhom jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tagħhom (Ara paragrafi 15-16)

15. X’għandu jiftakar kap taʼ familja?

15 Mod importanti kif kap taʼ familja juri li jħobb lill-​familja tiegħu hu billi jipprovdi għall-​bżonnijiet tagħhom. (1 Tim. 5:8) Imma hu jrid jiftakar li l-​iktar ħaġa importanti hi li jgħin lill-​familja tiegħu jkollha ħbiberija maʼ Ġeħova. (Mt. 5:3) Aħseb dwar l-​eżempju tajjeb li tana Ġesù. Il-​ktieb taʼ Ġwanni jgħidilna li meta Ġesù kien qed imut fuq iz-​zokk tat-​tortura, hu kien għadu qed jaħseb fil-​familja tiegħu. Ġwanni kien qiegħed m’omm Ġesù, Marija, fil-​post fejn Ġesù kien qed jiġi maqtul. Minkejja li kien għaddej minn uġigħ kbir, Ġesù talab lil Ġwanni biex jieħu ħsieb lil ommu. (Ġw. 19:26, 27) Ħut Ġesù żgur li kienu se jieħdu ħsieb dak li kellha bżonn Marija, imma milli jidher ħadd minnhom ma kien dixxiplu taʼ Ġesù sa dak iż-​żmien. Ġesù ried ikun ċert li kien se jkun hemm xi ħadd li jieħu ħsieb lil Marija u jinkuraġġiha biex tkompli taqdi lil Ġeħova.

16. Ġwanni liema responsabbiltajiet kellu?

16 Ġwanni kellu ħafna responsabbiltajiet. Hu kien appostlu, u għalhekk kellu jkun żeluż fix-​xogħol tal-​ippritkar. Hu jaf kien miżżewweġ ukoll, għalhekk kellu jipprovdi għall-​familja tiegħu u jgħinhom ikollhom ħbiberija maʼ Ġeħova. (1 Kor. 9:5) Illum, il-​kapijiet tal-​familja x’jistgħu jitgħallmu minn Ġwanni?

17. Kap taʼ familja x’responsabbiltajiet importanti għandu, u l-​familja tiegħu kif tibbenefika?

17 Ħu li hu kap taʼ familja jaf ikollu ħafna responsabbiltajiet importanti. Pereżempju, hu għandu jkun ħaddiem bieżel biex b’hekk iġib tifħir lil Ġeħova. (Efes. 6:5, 6; Titu 2:9, 10) Hu jaf ikollu responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni bħal li jinkuraġġixxi u jieħu ħsieb lill-​aħwa, u li jkun minn taʼ quddiem fl-​ippritkar. Fl-​istess ħin, hu importanti li jistudja l-​Bibbja regolarment mal-​mara u t-​tfal tiegħu. Huma żgur se jkunu grati għal dak kollu li jagħmel biex huma jkunu kuntenti u biex jgħinhom jibqgħu jaqdu li Ġeħova.—Efes. 5:28, 29; 6:4.

‘IBQGĦU FI MĦABBTI’

18. Ġwanni minn xiex kien ċert?

18 Ġwanni għex ħajja twila u hu kellu esperjenzi mill-​isbaħ. Hu esperjenza wkoll ħafna diffikultajiet li setgħu jdgħajfu l-​fidi tiegħu. Imma hu dejjem għamel l-​almu tiegħu biex jobdi l-​kmandamenti taʼ Ġesù, bħal li jħobb lil ħutu. B’hekk, Ġwanni kien ċert li Ġeħova u Ġesù jħobbuh u li kienu se jagħtuh is-​saħħa biex ikampa maʼ kull prova. (Ġw. 14:15-​17; 15:10; 1 Ġw. 4:16) Satana u d-​dinja tiegħu ma setgħux iwaqqfu lil Ġwanni milli juri l-​imħabba b’dak li qal u għamel.

19. L-​1 Ġwanni 4:7, x’jinkuraġġina nagħmlu, u għala?

19 Bħal Ġwanni, aħna qed ngħixu f’dinja maħkuma minn Satana, li hu mimli mibegħda. (1 Ġw. 3:1, 10) Hu jridna nieqfu nħobbu lil ħutna, però ma jistax jagħmel dan sakemm ma nħalluhx aħna. Jalla nkunu determinati li nibqgħu nħobbu lil ħutna, u nuruhom l-​imħabba bl-​affarijiet li ngħidu u nagħmlu. Meta nuru din l-​imħabba, se nkunu kuntenti li nagħmlu parti mill-​familja taʼ Ġeħova u se nkunu ferħanin ħafna.—Aqra l-​1 Ġwanni 4:7.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

^ par. 5 X’aktarx Ġwanni hu l-​appostlu li l-​Bibbja ssejjaħlu “d-​dixxiplu li Ġesù kien iħobb.” (Ġw. 21:7) Dan jurina li anki meta kien għadu żgħir, Ġwanni kellu kwalitajiet sbieħ. Meta mbagħad kiber, Ġeħova użah biex jikteb ħafna affarijiet dwar l-​imħabba. F’dan l-​artiklu se niddiskutu xi affarijiet li kiteb Ġwanni u x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu.

^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Kap taʼ familja qed jgħin fejn seħħ diżastru, jgħin billi jagħti donazzjoni, u jistieden aħwa oħrajn biex jagħmlu l-​qima bħala familja flimkien.