Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 1

Ibqaʼ Kalm u Afda f’Ġeħova

Ibqaʼ Kalm u Afda f’Ġeħova

L-​ISKRITTURA GĦAS-SENA 2021: “Se tkunu setgħanin jekk ma tinkwetawx u jkollkom il-​fiduċja.”—IS. 30:15.

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Xi wħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova liema mistoqsija jaf jistaqsu?

KULĦADD jixtieq ikollu ħajja trankwilla. Ħadd minna ma jixtieq ikun inkwetat. Imma xi kultant, nistgħu nħossuna ansjużi ħafna. Fil-​fatt, xi wħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova jaf jistaqsu l-​istess mistoqsija li staqsa s-​Sultan David lil Ġeħova: “Kemm se ndum nirreżisti waħdi, bi swied taʼ qalb il-​jum kollu?”—Salm 13:2.

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Minkejja li xi kultant ilkoll inħossuna ansjużi, hemm xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nikkontrollaw l-​ansjetà. F’dan l-​artiklu, l-​ewwel se niddiskutu xi affarijiet li jġegħluna nkunu ansjużi. Imbagħad, se niddiskutu sitt affarijiet li nistgħu nagħmlu biex jgħinuna nibqgħu kalmi meta jkollna l-​problemi.

X’JISTAʼ JĠEGĦELNA NKUNU ANSJUŻI?

3. Liema affarijiet jistgħu jġegħluna nkunu ansjużi, u aħna għandna kontroll fuqhom?

3 Hemm affarijiet li jistgħu jġegħluna nkunu ansjużi u xi wħud minnhom m’għandniex kontroll fuqhom. Pereżempju, aħna m’għandniex kontroll fuq kemm jogħla l-​prezz tal-​ikel, tal-​ħwejjeġ, u tal-​kera. Ukoll, ma nistgħux nikkontrollaw kemm-​il darba dawk li jaħdmu magħna jew tal-​iskola jipprovaw iġegħluna nkunu diżonesti jew nagħmlu affarijiet immorali. U ma nistgħux inwaqqfu lin-​nies milli jwettqu l-​kriminalità. Aħna qed niffaċċjaw dawn il-​problemi għax ngħixu f’dinja fejn il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma jiħdux deċiżjonijiet fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Satana, l-​alla taʼ din id-​dinja, jaf li xi nies se jħallu “l-​ansjetà taʼ din is-​sistema” żżommhom milli jaqdu lil Ġeħova. (Mt. 13:22; 1 Ġw. 5:19) Mela mhux taʼ b’xejn li d-​dinja hi mimlija problemi li jġiegħlu n-​nies jinkwetaw.

4. X’jistaʼ jiġri jekk inkunu inkwetati żżejjed dwar il-​problemi tagħna?

4 Aħna nistgħu tant inkunu inkwetati dwar il-​problemi tagħna li ma nkunux nistgħu niffokaw fuq affarijiet oħrajn. Pereżempju, nistgħu ninkwetaw li mhux se naqilgħu biżżejjed flus biex nixtru l-​bżonnijiet tagħna. Jew ninkwetaw li nimirdu u ma nkunux nistgħu mmorru x-​xogħol jew saħansitra nitilfu l-​impjieg tagħna. Forsi ninkwetaw ukoll li mhux se nibqgħu leali lejn Ġeħova meta niġu ttantati biex nagħmlu xi ħaġa ħażina. Satana dalwaqt se jġiegħel lil dawk taħt il-​kontroll tiegħu biex jattakkaw lin-​nies t’Alla, għalhekk forsi ninkwetaw dwar kif se naġixxu għal dan l-​attakk. Forsi naħsbu, ‘Huwa ħażin li ninkwieta dwar dawn l-​affarijiet?’

5. Ġesù x’ried ifisser meta qal: “Tibqgħux tkunu ansjużi”?

5 Aħna nafu li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Tibqgħux tkunu ansjużi.” (Mt. 6:25) Ifisser dan li Ġesù qalilna biex ma ninkwetaw fuq xejn? Le! Ftakar, li xi qaddejja leali taʼ Ġeħova fil-​passat ukoll ħassewhom ansjużi. Imma Ġeħova xorta kien kuntent bihom. * (1 Slat. 19:4; Salm 6:3) Meta Ġesù qal dan il-​kliem kien qed jinkuraġġina. Hu ma jridniex noqogħdu ninkwetaw dwar l-​affarijiet li jkollna bżonn tant li ninsew kemm hu importanti li naqdu lil Ġeħova f’ħajjitna. Allura x’nistgħu nagħmlu meta nħossuna ansjużi?—Ara l-​kaxxa “ Kif Tagħmel Dan.”

SITT AFFARIJIET LI SE JGĦINUNA NIBQGĦU KALMI

Ara paragrafu 6 *

6. Skont Filippin 4:6, 7, x’jistaʼ jgħinek biex tħossok kalm?

6 (1Itlob spiss. Meta tkun inkwetat dwar xi problema, int tistaʼ titlob lil Ġeħova għall-​għajnuna. (1 Pt. 5:7) Ġeħova jistaʼ jwieġeb it-​talb tiegħek billi jagħtik “il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Aqra Filippin 4:6, 7.) Ġeħova se jagħtik din il-​paċi permezz tal-​ispirtu qaddis.—Gal. 5:22.

7. Meta nitolbu lil Alla, x’għandna nżommu f’moħħna?

7 Meta titlob lil Ġeħova, għidlu dak kollu li qed tħoss. Kun speċifiku. Għidlu x’inhi l-​problema u kif qed tħossok dwarha. Jekk hu possibbli li ssolvi din il-​problema, itolbu biex jagħtik l-​għerf ħalli tkun taf x’għandek tagħmel u jagħtik is-​saħħa biex tagħmilha. Jekk ma tistaʼ tagħmel xejn dwarha, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tikkontrolla l-​ħsibijiet u l-​ansjetà tiegħek. Meta tkun speċifiku fit-​talb tiegħek, maż-​żmien se tkun tistaʼ tara kif Ġeħova wieġbu. Jekk Ġeħova ma jweġibx it-​talb tiegħek mill-​ewwel, tiqafx titlob. Ġeħova mhux biss iridek tkun speċifiku imma jridek tibqaʼ titolbu.—Lq. 11:8-​10.

8. Xi rridu nsemmu wkoll fit-​talb tagħna?

8 Meta titfaʼ l-​ansjetà tiegħek fuq Ġeħova permezz tat-​talb, kun ċert li tirringrazzjah ukoll. Huwa tajjeb li naħsbu dwar l-​affarijiet tajbin li għandna, anki meta jkollna ħafna problemi. Imma x’għandek tagħmel jekk ma tafx x’se tgħid lil Ġeħova dwar kif qed tħossok? Ftakar li Ġeħova se jwieġeb it-​talba tiegħek, anki jekk tgħidlu sempliċement ‘Ġeħova, jekk jogħġbok, għinni!’—2 Kron. 18:31; Rum. 8:26.

Ara paragrafu 9 *

9. Xi trid tagħmel meta tkun qed tibżaʼ?

9 (2Strieħ fuq l-​għerf taʼ Ġeħova u mhux fuq fehmtek stess. Fi żmien il-​profeta Isaija, in-​nies f’​Ġuda bdew jibżgħu li se jiġu attakkati mill-​Assirjani. Huma ma ridux li l-​Assirjani jirbħulhom, u għalhekk talbu lill-​Eġizzjani biex jgħinuhom. (Is. 30:1, 2) Ġeħova wissiehom li jekk jafdaw fl-​Eġizzjani kien se jaħbtilhom ħażin. (Is. 30:7, 12, 13) Permezz taʼ Isaija, Ġeħova qal lin-​nies x’kellhom jagħmlu biex ma jibżgħux. Hu qalilhom: “Se tkunu setgħanin jekk ma tinkwetawx u jkollkom il-​fiduċja” f’Ġeħova.—Is. 30:15b.

10. F’liema sitwazzjonijiet nistgħu nuru li nafdaw f’Ġeħova?

10 Kif nistgħu nuru li nafdaw f’Ġeħova? Ejja nikkunsidraw xi eżempji. Ejja ngħidu li offrewlek xogħol b’paga aħjar, imma se jkollok taħdem ħafna iktar sigħat u b’hekk mhux se tkun tistaʼ taqdi lil Ġeħova daqs kemm qed taqdih issa. Jew forsi xi ħadd fuq ix-​xogħol jieħu grazzja miegħek, imma din il-​persuna mhijiex Xhud taʼ Ġeħova. Jew xi ngħidu jekk membru tal-​familja ma jkunx irid jaf iżjed bik jekk tibqaʼ taqdi lil Ġeħova? F’kull sitwazzjoni se jkollok tieħu deċiżjoni diffiċli, imma Ġeħova se jagħtik id-​direzzjoni li jkollok bżonn. (Mt. 6:33; 10:37; 1 Kor. 7:39) Il-​mistoqsija hi, se tafda f’Ġeħova u tobdi d-​direzzjoni tiegħu?

Ara paragrafu 11 *

11. Liema rakkonti tal-​Bibbja tistaʼ tistudja biex tibqaʼ kalm meta tiffaċċja l-​oppożizzjoni?

11 (3Tgħallem mill-​eżempji tajbin u ħżiena. Fil-​Bibbja nsibu ħafna rakkonti li juruna kemm hu importanti li nibqgħu kalmi u nafdaw f’Ġeħova. Hekk kif tistudja dawn ir-​rakkonti, innota x’għen lill-​qaddejja t’Alla jibqgħu kalmi waqt li ffaċċjaw oppożizzjoni minn oħrajn li opponewhom. Pereżempju, meta l-​qorti suprema Lhudija ordnat lill-​appostli biex ma jibqgħux jippritkaw, huma ma beżgħux. Minflok, bil-​kuraġġ wieġbu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.” (Atti 5:29) Anki wara li ġew imsawtin, l-​appostli baqgħu kalmi. Għala? Għax huma kienu jafu li Ġeħova qiegħed magħhom u li kien kuntent bihom. B’hekk, huma baqgħu jippritkaw l-​aħbar tajba. (Atti 5:40-​42) U anki meta d-​dixxiplu Stiefnu kien se jiġi maqtul, hu baqaʼ kalm tant li wiċċu “kien bħal wiċċ t’anġlu.” (Atti 6:12-​15) Għala? Għax hu kien ċert li Ġeħova kien kuntent bih.

12. Skont l-​1 Pietru 3:14 u 4:14, għala nistgħu nkunu ferħanin meta nkunu ppersegwitati?

12 L-​appostli kellhom evidenza ċara li Ġeħova kien qiegħed magħhom. Hu kien tahom il-​qawwa biex jagħmlu l-​mirakli. (Atti 5:12-​16; 6:8) Ġeħova lilna ma jagħtiniex il-​qawwa biex nagħmlu l-​mirakli. Però, permezz tal-​Kelma tiegħu, Ġeħova jgħidilna li meta nkunu ppersegwitati minħabba s-​sewwa, hu jkun kuntent bina u l-​ispirtu tiegħu jkun magħna. (Aqra l-​1 Pietru 3:14; 4:14.) Allura, m’għandniex ninkwetaw dwar x’se nagħmlu jekk fil-​futur inkunu ppersegwitati. Minflok, għandna nagħmlu l-​almu tagħna biex insaħħu l-​fiduċja tagħna li Ġeħova jistaʼ jgħinna u jsalvana. Bħalma għamlu d-​dixxipli tal-​bidu, aħna rridu nafdaw fil-​wegħda taʼ Ġesù: ‘Nagħtikom kliem u għerf, li dawk kollha li jopponukom ma jkunux jistgħu jiqfulkom jew imerukom.’ Hu qalilna: “Bis-​sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” (Lq. 21:12-​19) Qatt tinsa li Ġeħova jibqaʼ jiftakar sal-​inqas ħaġa li jagħmlu l-​qaddejja tiegħu li jmutu leali lejh, biex b’hekk ikun jistaʼ jirxoxtahom.

13. Kif nistgħu nibbenefikaw meta nistudjaw dwar dawk li ma baqgħux kalmi u ma fdawx f’Ġeħova?

13 Aħna nistgħu nitgħallmu wkoll mill-​esperjenzi taʼ dawk li ma baqgħux kalmi u ma fdawx f’Ġeħova. Billi nistudjaw dawn l-​eżempji ħżiena, se nkunu nistgħu nevitaw li nagħmlu l-​istess żbalji tagħhom. Pereżempju, meta Asa sar is-​sultan taʼ Ġuda u armata kbira ġiet biex tattakkah, hu straħ fuq Ġeħova. (2 Kron. 14:9-​12) Imma iktar tard, meta Bagħsa, is-​sultan taʼ Iżrael, ġie biex jattakkah b’armata ħafna iżgħar, hu ma straħx fuq Ġeħova bħalma għamel qabel. Minflok, ħallas lis-​Sirjani biex jgħinuh. (2 Kron. 16:1-​3) Ukoll, fl-​aħħar taʼ ħajtu meta kien marid serjament, hu ma straħx fuq Ġeħova biex jgħinu.—2 Kron. 16:12.

14. X’nistgħu nitgħallmu mill-​iżbalji taʼ Asa?

14 Fil-​bidu meta Asa kellu l-​problemi, hu mar għand Ġeħova għall-​għajnuna. Imma iktar tard, hu ma straħx fuq Alla għall-​għajnuna. Minflok, prova jsolvi l-​problemi tiegħu hu. Meta Asa talab l-​għajnuna mingħand l-​Assirjani biex jiġġieled kontra Iżrael forsi kienet tidher idea tajba. Imma, il-​paċi f’Iżrael ma damitx wisq. Permezz taʼ profeta, Ġeħova qallu: “Talli striħajt fuq is-​sultan tas-​Sirja u ma striħajtx fuq Ġeħova Alla tiegħek, il-​qawwa militari tas-​sultan tas-​Sirja ħarbitlek minn idejk.” (2 Kron. 16:7) Aħna rridu noqogħdu attenti u ma naħsbux li nistgħu nsolvu l-​problemi aħna stess mingħajr ma nitolbu lil Ġeħova biex jiggwidana permezz tal-​Kelma tiegħu. Anki meta jkollna bżonn nieħdu deċiżjoni malajr, aħna rridu nistrieħu fuq Ġeħova, u hu se jgħinna biex nieħdu d-​deċiżjoni t-​tajba.

Ara paragrafu 15 *

15. X’tistaʼ tagħmel meta taqra l-​Bibbja?

15 (4Tgħallem bl-​amment versi mill-​Bibbja. Meta ssib versi mill-​Bibbja li juru kemm hu importanti li tibqaʼ kalm u tafda f’Ġeħova, ipprova tgħallimhom bl-​amment. Jekk taqrahom b’leħen għoli jew tiktibhom u tarahom spiss, jistaʼ jgħinek biex tiftakarhom iktar. Ġeħova kmanda lil Ġożwè biex jaqra l-​ktieb tal-​Liġi minn taħt l-​ilsien kuljum biex jaġixxi b’mod għaqli. Dak li qara mil-​Liġi kien se jgħinu wkoll biex ma jibżax u bil-​kuraġġ imexxi lin-​nies t’Alla. (Ġoż. 1:8, 9, ntt.) Ħafna versi mill-​Bibbja jistgħu jgħinuk tibqaʼ kalm f’sitwazzjonijiet li spiss tħossok ansjuż jew beżgħan.—Salm 27:1-​3; Prov. 3:25, 26.

Ara paragrafu 16 *

16. Ġeħova kif juża l-​aħwa biex jgħinna nibqgħu kalmi u nafdaw fih?

16 (5Agħmilha man-​nies t’Alla. Ġeħova juża lill-​aħwa biex jgħinna nibqgħu kalmi u nafdaw fih. Fil-​laqgħat tagħna, aħna nistgħu nibbenefikaw mit-​taħditiet, mill-​kummenti, u mill-​konversazzjonijiet inkuraġġanti li jkollna mal-​aħwa. (Ebr. 10:24, 25) Aħna nistgħu nkunu inkuraġġiti wkoll meta ngħidu lill-​ħbieb tal-​qalb fil-​kongregazzjoni dak li qed jinkwetana. ‘Kelma tajba’ mingħand ħabib tistaʼ tgħinna biex ma nħossuniex inkwetati żżejjed.—Prov. 12:25.

Ara paragrafu 17 *

17. Skont Ebrej 6:19, it-​tama tagħna fis-​Saltna kif tistaʼ tgħinna nibqgħu kalmi fi żminijiet diffiċli?

17 (6Żomm it-​tama tiegħek soda. It-​tama tagħna fis-​Saltna hi “bħal ankra għal ruħna,” għax tgħinna nibqgħu sodi minkejja l-​isfidi jew il-​ħsibijiet li jinkwetawna. (Aqra Ebrej 6:19.) Aħseb u mmedita dwar il-​futur li wegħedna Ġeħova. F’dak iż-​żmien, ħadd mhu se jkollu fuq xiex jinkwieta. (Is. 65:17) Immaġina lilek innifsek f’dinja mimlija paċi, fejn mhux se jkun hemm iktar affarijiet ħżiena. (Mik. 4:4) Int se tkompli ssaħħaħ it-​tama tiegħek meta titkellem m’oħrajn dwar id-​dinja l-​ġdida. Agħmel dak kollu li tistaʼ fl-​ippritkar u fix-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli. Jekk tagħmel hekk, inti se ‘jkollok fiduċja sħiħa fit-​tama sat-​tmiem.’—Ebr. 6:11.

18. X’se niffaċċjaw fil-​futur, u aħna x’nistgħu nagħmlu?

18 Minħabba li qegħdin viċin it-​tmiem taʼ din is-​sistema, se niffaċċjaw iktar problemi li jagħmluna ansjużi. L-​iskrittura għas-​sena 2021 tistaʼ tgħinna niffaċċjaw dawn il-​problemi u nibqgħu kalmi, mhux bis-​saħħa tagħna, imma billi nafdaw f’Ġeħova. Matul din is-​sena, ejja nuru bl-​azzjonijiet tagħna li għandna fidi fil-​wegħda taʼ Ġeħova: “Se tkunu setgħanin jekk ma tinkwetawx u jkollkom il-​fiduċja.”Is. 30:15.

GĦANJA 8 Ġeħova hu l-​kenn tagħna

^ par. 5 L-​iskrittura għas-​sena 2021 tenfasizza kemm hu importanti li nafdaw f’Ġeħova meta jkollna l-​problemi li jġegħluna nkunu ansjużi. Dan l-​artiklu se jiddiskuti affarijiet li nistgħu nagħmlu biex napplikaw il-​parir li nsibu fl-​iskrittura tas-​sena.

^ par. 5 Xi aħwa leali jbatu minn ansjetà jew paniku. Din it-​tip taʼ ansjetà hija problema taʼ saħħa serja, u mhijiex it-​tip taʼ ansjetà li Ġesù kien qed jitkellem dwarha.

^ par. 63 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (1) Matul il-​ġurnata, oħt titlob mill-​qalb dwar l-​ansjetajiet tagħha.

^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (2) Matul il-​brejk tax-​xogħol, hi taqra l-​Kelma t’Alla biex ikollha l-​għerf.

^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (3) Hi timmedita fuq eżempji tajbin u oħrajn ħżiena li hemm fil-​Bibbja.

^ par. 69 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (4) Mal-​friġġ twaħħal skrittura inkuraġġanti li trid tiftakar.

^ par. 71 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (5) Qed tieħu pjaċir m’oħt fuq il-​ministeru.

^ par. 73 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (6) Hi ssaħħaħ it-​tama tagħha billi taħseb dwar il-​futur.