ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 3
Il-Folla l-Kbira min-Nagħaġ Oħrajn Tfaħħar lil Alla u lil Kristu
“Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf.”—RIV. 7:10.
GĦANJA 14 Infaħħru s-Sultan ġdid tal-art
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. It-taħdita li ngħatat fil-konvenzjoni tal-1935, kif effettwat lil żagħżugħ?
ŻAGĦŻUGĦ taʼ 18-il sena tgħammed fl-1926. Il-ġenituri tiegħu kienu Studenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Ġeħova qabel. Huma kellhom tliet subien u żewġt ibniet, li għallmuhom jaqdu lil Alla Ġeħova u jimitaw lil Ġesù Kristu. Bħall-Istudenti tal-Bibbja kollha f’dak iż-żmien, dan iż-żagħżugħ leali kien jieħu mill-ħobż u l-inbid kull sena fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Però, it-tama tiegħu għal futur inbidlet meta semaʼ t-taħdita importanti bit-tema, “Il-Kotra Kbira.” Din it-taħdita ngħatat fl-1935 minn Ħuna J. F. Rutherford f’konvenzjoni f’Washington, D.C., l-Istati Uniti. L-Istudenti tal-Bibbja x’tgħallmu f’dik il-konvenzjoni?
2. Fit-taħdita tiegħu, Ħuna Rutherford liema verità eċċitanti spjega?
2 Fit-taħdita tiegħu, Ħuna Rutherford spjega min huma dawk li jagħmlu parti mill-“folla l-kbira” li tissemma f’Rivelazzjoni 7:9. Sa dakinhar, l-Istudenti tal-Bibbja kienu jaħsbu li l-folla l-kbira kien grupp ieħor taʼ aħwa inqas leali mill-midlukin li kienu se jmorru fis-sema. Ħuna Rutherford uża l-Iskrittura biex jispjega li l-folla l-kbira mhix magħżula biex tgħix fis-sema, imma huma n-nagħaġ oħrajn * taʼ Kristu li se jgħaddu ħajjin “mit-tribulazzjoni l-kbira” u se jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Riv. 7:14) Ġesù wiegħed: “Għandi nagħaġ oħrajn, li m’humiex minn dan il-maqjel; lil dawn ukoll irrid inġibhom, u jisimgħu leħni, u jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.” (Ġw. 10:16) Dawn “in-nagħaġ oħrajn” huma Xhieda leali taʼ Ġeħova li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art. (Mt. 25:31-33, 46) Ejja naraw kif dan id-dawl ġdid biddel il-ħajja taʼ ħafna min-nies taʼ Ġeħova, inkluż taʼ dak iż-żagħżugħ.—Salm 97:11; Prov. 4:18.
DAWL ĠDID LI BIDDEL IL-ĦAJJA TAʼ ĦAFNA WĦUD
3-4. Fil-konvenzjoni tal-1935, eluf taʼ wħud x’fehmu dwar it-tama tagħhom, u għala?
3 Mument eċċitanti waqt din il-konvenzjoni kien xħin il-kelliemi staqsa lill-udjenza: “Jistgħu dawk kollha li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art iqumu bilwieqfa, jekk jogħġobhom?” Ħu li kien preżenti fil-konvenzjoni qal li ra iktar min-nofs in-nies fl-udjenza jqumu bilwieqfa. Imbagħad, Ħuna Rutherford qal: “Ara! Din il-folla l-kbira!” Wara dan, kulħadd beda jifraħ u jċapċap. Dawk li qamu bilwieqfa fehmu li Ġeħova m’għażilhomx biex jgħixu fis-sema. Huma kienu jafu li ma ġewx midlukin bl-ispirtu t’Alla. Fil-ġurnata taʼ wara tgħammdu 840 Xhud, li ħafna minnhom kienu min-nagħaġ oħrajn.
4 Wara dik it-taħdita, iż-żagħżugħ li semmejna qabel u eluf oħra ma baqgħux jieħdu mill-ħobż u l-inbid fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Ħafna ħassewhom bħal dan il-ħu umli li qal: “It-Tifkira tal-1935 kienet l-aħħar darba li ħadt mill-ħobż u l-inbid. Għax kont naf li Ġeħova ma użax l-ispirtu qaddis tiegħu biex jagħtini t-tama li ngħix fis-sema. Minflok, jien kelli t-tama li ngħix fuq l-art u ngħin biex din issir ġenna.” (Rum. 8:16, 17; 2 Kor. 1:21, 22) Minn dak iż-żmien ’l hawn, ħafna nies ingħaqdu mal-folla l-kbira u qed jaħdmu flimkien mal-midlukin li fadal fuq l-art.
5. Ġeħova kif iħossu dwar dawk li waqfu jieħdu mill-emblemi fit-Tifkira?
5 Ġeħova kif iħossu dwar dawk li waqfu jieħdu mill-emblemi wara t-Tifkira tal-1935? U Ġeħova x’jaħseb jekk xi ħadd mgħammed illum jaħseb li għandu jieħu mill-ħobż u l-inbid fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, imma wara jinduna li mhux midluk bl-ispirtu qaddis? (1 Kor. 11:28) Minħabba li ma fehmux sew it-tama tagħhom xi wħud ħadu mill-emblemi. Imma jekk jammettu li żbaljaw, jieqfu jieħdu mill-emblemi, u jibqgħu jaqdu lealment lil Ġeħova, żgur li se jaċċettahom fost in-nagħaġ oħrajn. Minkejja li ma jiħdux mill-ħobż u l-inbid, huma xorta jattendu għat-Tifkira għax japprezzaw ħafna dak li għamlu Ġeħova u Ġesù.
TAMA UNIKA
6. Ġesù xi kmandahom jagħmlu lill-anġli?
6 Minħabba li t-tribulazzjoni l-kbira qiegħda fil-qrib, huwa inkuraġġanti għalina li niddiskutu dak li jgħid Rivelazzjoni kapitlu 7 dwar il-Kristjani midlukin u l-folla l-kbira min-nagħaġ oħrajn. Ġesù jikkmanda lill-anġli biex ikomplu jżommu l-erbat irjieħ qerrieda tal-art. Huma m’għandhomx jitilqu l-irjieħ fuq l-art sakemm il-Kristjani midlukin kollha jkunu ssiġillati, jiġifieri, Ġeħova jkun iddeċieda li huma leali. (Riv. 7:1-4) Bħala premju tal-lealtà tagħhom, ħut Kristu se jsiru slaten u qassisin miegħu fis-sema. (Riv. 20:6) Ġeħova, Ġesù, u l-anġli se jkunu ferħanin ħafna meta jaraw lill-144,000 jirċievu l-premju tagħhom fis-sema.
7. F’Rivelazzjoni 7:9, 10, Ġwanni x’ra fil-viżjoni, u x’kienu qed jagħmlu? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
7 Wara li semma lill-144,000 bħala slaten u qassisin, Ġwanni ra xi ħaġa tal-għaġeb, “folla kbira” li tibqaʼ ħajja wara Armageddon. Dawn iż-żewġ gruppi huma differenti minn xulxin għax il-“folla l-kbira” se tkun iktar minn 144,000, u ma nafux eżatt kemm se tkun. (Aqra Rivelazzjoni 7:9, 10.) Huma kienu “lebsin ilbiesi bojod.” Dan juri li huma baqgħu “mingħajr tebgħa” mid-dinja taʼ Satana, u baqgħu leali lejn Alla u Kristu. (Ġak. 1:27) Huma għajtu bil-ferħ għax ġew salvati minħabba dak li għamlu Ġeħova u Ġesù, il-Ħaruf t’Alla. Ukoll, huma kienu qed iżommu friegħi tal-palm, li juri li huma b’ferħ aċċettaw lil Ġesù bħala s-Sultan li Ġeħova għażel.—Qabbel Ġwanni 12:12, 13.
8. Rivelazzjoni 7:11 u 12, x’jgħidulna dwar Ġeħova, Ġesù, l-anġli, u l-midlukin irxoxtati?
8 Aqra Rivelazzjoni 7:11, 12. X’ġara meta Ġeħova, Ġesù, l-anġli, u l-midlukin irxoxtati raw il-folla l-kbira? Ġwanni ra li dawk fis-sema kienu ferħanin u bdew ifaħħru lil Alla. Ġeħova, Ġesù, l-anġli, u l-midlukin irxoxtati se jkunu ferħanin ħafna meta jaraw it-twettiq taʼ din il-viżjoni, meta l-folla l-kbira se tgħaddi ħajja mit-tribulazzjoni l-kbira.
9. Skont Rivelazzjoni 7:13-15, dawk tal-folla l-kbira x’qed jagħmlu bħalissa?
9 Aqra Rivelazzjoni 7:13-15. Ġwanni kiteb li dawk tal-folla l-kbira “ħaslu l-ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.” Dan ifisser li huma għandhom kuxjenza nadifa u li Ġeħova hu kuntent bihom. (Is. 1:18) Huma Kristjani dedikati u mgħammdin li għandhom fidi soda fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù u li għandhom ħbiberija maʼ Ġeħova. (Ġw. 3:36; 1 Pt. 3:21) Għalhekk, Alla hu kuntent bihom u jistgħu jagħtu “servizz sagru lejl u nhar fit-tempju tiegħu” hawn fuq l-art. Bħalissa, huma b’żelu jagħmlu l-biċċa l-kbira mix-xogħol tal-ippritkar u jagħmlu dixxipli, għax is-Saltna t’Alla hi l-iktar ħaġa importanti għalihom.—Mt. 6:33; 24:14; 28:19, 20.
10. Il-folla l-kbira minn xiex hi ċerta, u liema wegħda se tara titwettaq?
10 Il-folla l-kbira li tgħaddi ħajja mit-tribulazzjoni l-kbira hija ċerta li Alla se jkompli jieħu ħsiebha, għax “Dak li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron jifrex it-tinda tiegħu fuqhom.” Il-wegħda li n-nagħaġ oħrajn ilhom jistennew biex titwettaq fl-aħħar se ssir realtà: “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Riv. 21:3, 4.
11-12. (a) Skont Rivelazzjoni 7:16, 17, il-folla l-kbira liema barkiet se jkollha fil-futur? (b) In-nagħaġ oħrajn x’jagħmlu meta jattendu t-Tifkira, u għala?
11 Aqra Rivelazzjoni 7:16, 17. Bħalissa xi wħud min-nies taʼ Ġeħova qed ibatu l-ġuħ minħabba li m’għandhomx flus biżżejjed biex jixtru l-ikel jew minħabba l-problemi kkaġunati mill-gwerer. Oħrajn qegħdin fil-ħabs minħabba l-fidi tagħhom. Però, minkejja dan, dawk tal-folla l-kbira huma ferħanin ħafna għax jafu li wara li jgħaddu ħajjin mill-qerda taʼ din id-dinja ħażina, huma se jkollhom ħafna ikel materjali u spiritwali. Meta Ġeħova se jeqred din is-sistema ħażina, hu se jagħmel ċert li l-folla l-kbira tkun protetta mir-rabja “tikwi” tiegħu. Wara li tispiċċa t-tribulazzjoni l-kbira, Ġesù se jiggwida lil dawk li jibqgħu ħajjin fuq l-art għall-“ilmijiet tal-ħajja.” Aħseb dwar it-tama mill-isbaħ li għandha l-folla l-kbira. Mill-biljuni taʼ nies li qatt għexu, huma jistgħu ma jmutu qatt!—Ġw. 11:26.
12 In-nagħaġ oħrajn jirringrazzjaw lil Ġeħova u lil Ġesù għal din it-tama meraviljuża! Minkejja li Ġeħova m’għażilhomx biex jgħixu fis-sema, hu jħobbhom daqs kemm iħobb lill-midlukin. Kemm il-midlukin kif ukoll in-nagħaġ oħrajn jistgħu jfaħħru lil Alla u lil Kristu. Mod wieħed kif jagħmlu dan hu billi jattendu għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej.
FAĦĦAR LIL ĠEĦOVA U LIL KRISTU FIT-TIFKIRA
13-14. Għala l-midlukin li fadal fuq l-art u n-nagħaġ oħrajn għandhom jattendu għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu?
13 Fi snin riċenti, madwar wieħed minn kull elf li jattendi t-Tifkira jieħu mill-ħobż u l-inbid. Dan ifisser li l-maġġoranza tal-kongregazzjonijiet madwar id-dinja m’għandhom lil ħadd li jieħu mill-emblemi. Għalhekk, il-maġġorparti li jattendu għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art. Allura, għala jattendu għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej? Huma jattendu għall-istess raġuni li l-mistidnin jattendu għal tieġ. Il-mistidnin imorru t-tieġ biex juru li jħobbu u jappoġġjaw lill-koppja. Bl-istess mod, in-nagħaġ oħrajn jattendu għat-Tifkira biex juru li jħobbu u jappoġġjaw lil Kristu u lill-midlukin. Ukoll, in-nagħaġ oħrajn jattendu biex juru l-apprezzament tagħhom għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, sagrifiċċju li jagħmilha possibbli li jgħixu għal dejjem fuq l-art.
14 Raġuni importanti oħra għala 1 Kor. 11:23-26) Għalhekk, in-nagħaġ oħrajn jibqgħu jattendu l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej sakemm uħud mill-midlukin ikunu għadhom ħajjin fuq l-art. Fil-fatt, in-nagħaġ oħrajn jistiednu lil kulħadd biex jattendi t-Tifkira magħhom.
n-nagħaġ oħrajn jattendu għat-Tifkira hija biex jobdu l-kmand taʼ Ġesù. Meta Ġesù għamel dik l-ikla speċjali mal-appostli leali tiegħu, hu qalilhom: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (15. X’nistgħu nagħmlu biex infaħħru lil Ġeħova u lil Kristu fit-Tifkira?
15 Fit-Tifkira għandna l-opportunità li nfaħħru lil Alla u lil Kristu hekk kif inkantaw u nitolbu flimkien. It-tema tat-taħdita li se tingħata din is-sena hi: “Apprezza Dak li Alla u Kristu Għamlu Għalik!” Din se tgħinna napprezzaw iżjed dak li għamlu għalina. Waqt li ngħaddu l-ħobż u l-inbid, inkunu nistgħu naħsbu x’jirrappreżentaw—il-ġisem u d-demm taʼ Ġesù. U nkunu nistgħu naħsbu dwar l-imħabba li wriena Ġeħova meta bagħat lil Ibnu biex imut għalina ħalli nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. (Mt. 20:28) Kull min iħobb lil Missierna tas-sema u lil Ibnu se jkun irid jattendi t-Tifkira.
IRRINGRAZZJA LIL ĠEĦOVA GĦAT-TAMA LI TAK
16. B’liema modi l-midlukin u n-nagħaġ oħrajn huma l-istess?
16 Sa ċertu punt, in-nagħaġ oħrajn u l-midlukin huma l-istess. Ġeħova ma jħobbx lil grupp iktar minn ieħor. Iż-żewġ gruppi huma importanti għal Alla, u l-imħabba tiegħu għalihom hi ndaqs. Aħna nafu dan għax il-prezz biex jixtri lill-midlukin u lin-nagħaġ oħrajn kien l-istess, il-ħajja taʼ Ibnu l-għażiż. Id-differenza bejn iż-żewġ gruppi hi t-tama differenti tagħhom. It-tnejn iridu jibqgħu leali lejn Alla u Kristu. (Salm 31:23) U ftakar li Alla jagħti l-ispirtu qaddis lil kull persuna skont dak li jkollha bżonn, sew jekk tkun mill-midlukin u sew jekk min-nagħaġ oħrajn.
17. Il-Kristjani midlukin li fadal fuq l-art għal xiex qed iħarsu ’l quddiem?
17 Il-Kristjani midlukin ma jitwildux bit-tama għas-sema. Alla jagħtihom din it-tama. Huma jaħsbu dwar it-tama tagħhom, jitolbu dwarha, u ħerqanin li jirċievu l-premju tagħhom fis-sema. Huma ma jafux kif se jkun ġisimhom fis-sema. (Flp. 3:20, 21; 1 Ġw. 3:2) Imma l-Kristjani midlukin li fadal fuq l-art iħarsu ’l quddiem biex jiltaqgħu maʼ Ġeħova, Ġesù, l-anġli, u l-midlukin li hemm fis-sema u jkunu magħhom fis-Saltna.
18. In-nagħaġ oħrajn għal xiex qed iħarsu ’l quddiem?
18 In-nagħaġ oħrajn iħarsu ’l quddiem biex jgħixu għal dejjem fuq l-art. Din hija xewqa li n-nies kollha għandhom. (Ekk. 3:11) Huma jħarsu ’l quddiem għal dak iż-żmien meta se jbiddlu d-dinja kollha f’ġenna tal-art. Huma jixxennqu għal dak iż-żmien meta se jibnu d-djar tagħhom, iħawlu fil-ġonna tagħhom, u jrabbu t-tfal tagħhom mingħajr inkwiet. (Is. 65:21-23) Huma jħarsu ’l quddiem biex iżuru ħafna postijiet fid-dinja, jaraw il-muntanji, il-foresti, u l-oċeani, u jistudjaw dwar l-affarijiet kollha li ħalaq Ġeħova. Imma l-iktar ħaġa li tagħmilhom ferħanin hi li jafu li l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova se tkompli tikber.
19. Liema opportunità tagħtina t-Tifkira, u din is-sena meta se ssir?
19 Lill-qaddejja dedikati kollha tiegħu, Ġeħova tahom tama mill-isbaħ għall-futur. (Ġer. 29:11) It-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu hija ġurnata speċjali għal kull wieħed u waħda minna biex infaħħru lil Alla u lil Kristu għal dak li għamlu għalina biex inkunu nistgħu ngawdu ħajja taʼ dejjem. It-Tifkira hija l-iktar laqgħa importanti li jkollhom il-Kristjani veri kull sena. Din se ssir is-Sibt, 27 taʼ Marzu 2021, wara nżul ix-xemx. Din is-sena ħafna se jkunu jistgħu jattendu din l-okkażjoni importanti bil-libertà. Oħrajn se jattendu minkejja l-oppożizzjoni. Xi wħud se jagħmluha fil-ħabs. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, Ġeħova, Ġesù, l-anġli, u l-midlukin irxoxtati qegħdin jarawna. Jalla kulħadd ikollu Tifkira sabiħa!
GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek
^ par. 5 Is-27 taʼ Marzu 2021, hi ġurnata speċjali għax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dakinhar filgħaxija, aħna se nattendu għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Il-biċċa l-kbira taʼ dawk li jattendu jagħmlu parti minn grupp li Ġesù sejjaħlu “nagħaġ oħrajn.” Fl-1935, liema verità eċċitanti tgħallmu x-Xhieda taʼ Ġeħova? In-nagħaġ oħrajn lejn xiex iħarsu ʼl quddiem wara t-tribulazzjoni l-kbira? U n-nagħaġ oħrajn kif jistgħu jfaħħru lil Alla u lil Kristu meta jattendu għat-Tifkira?
^ par. 2 ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: In-nagħaġ oħrajn huma n-nies li jsegwu lil Kristu u jħarsu ’l quddiem biex jgħixu għal dejjem fuq l-art. Xi wħud minnhom bdew jaqdu lil Ġeħova matul l-aħħar jiem. Il-folla kbira huma dawk min-nagħaġ oħrajn li se jkunu ħajjin meta Kristu se jiġġudika lin-nies matul it-tribulazzjoni l-kbira, u huma se jsalvaw f’Armageddon.