Kont Taf?
Kliem imnaqqax fuq ġebla kif jikkonferma dak li tgħid il-Bibbja?
F’MUŻEW li jismu Bible Lands, li qiegħed f’Ġerusalemm, hemm ġebla bil-kliem imnaqqax fuqha li kien inkiteb madwar 700-600 sena qabel Kristu (QK). Din il-ġebla nstabet f’għar li kien jintuża bħala qabar, mhux ’il bogħod minn Ħebron f’Iżrael. Il-kitba mnaqqxa tgħid: “Misħut ikun Hagaf iben Hagav minn Jaħweh Sabaot.” Din il-kitba kif tikkonferma dak li tgħid il-Bibbja? Din turi li isem Alla, Ġeħova, miktub bl-Ebrajk JĦWH, kien magħruf sew u n-nies kienu jużawh fil-ħajja taʼ kuljum fi żminijiet Bibliċi. Fil-fatt, instab kliem ieħor imnaqqax min-nies li kienu jmorru jiltaqgħu u jistaħbew hemmhekk. Spiss, huma kitbu mal-ħitan isem Alla, flimkien maʼ ismijiet persunali li kienu jinkludu l-isem t’Alla.
Dwar dawn is-sejbiet, Dr. Rachel Nabulsi mill-Università taʼ Georgia qalet: “L-isem JĦWH jidher ħafna drabi f’dawn il-kitbiet. Dan jgħallimna ħafna. . . . Kitbiet Bibliċi u kitbiet imnaqqxin juru l-importanza taʼ JĦWH fil-ħajja tan-nies f’Iżrael u Ġuda.” Dan jikkonferma dak li hemm miktub fil-Bibbja, fejn l-isem t’Alla, miktub bl-Ebrajk JĦWH, jidher eluf taʼ drabi. Spiss ismijiet persunali kienu jinkludu l-isem t’Alla.
Il-kliem “Jaħweh Sabaot,” imnaqqax fuq din il-ġebla, ifisser “Ġeħova tal-armati.” Milli jidher fi żminijiet Bibliċi, in-nies mhux biss kienu jużaw l-isem t’Alla imma wkoll l-espressjoni “Ġeħova tal-armati.” Dan jikkonferma wkoll għala l-Bibbja tuża l-espressjoni “Ġeħova tal-armati” iktar minn 270 darba fl-Iskrittura Ebrajka, l-iktar fil-kotba taʼ Isaija, Ġeremija, u Żakkarija.