Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 4

Uri Affezzjoni Tenera Lejn l-Aħwa

Uri Affezzjoni Tenera Lejn l-Aħwa

“Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa.”—RUM. 12:10.

GĦANJA 109 Ħobb mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’juri li f’ħafna familji llum hemm nuqqas taʼ mħabba?

Il-​BIBBJA bassret li fl-​aħħar jiem, in-​nies kienu se jkunu “mingħajr imħabba naturali.” (2 Tim. 3:1, 3) Illum qed naraw din il-​profezija titwettaq. Pereżempju, ħafna ġenituri qed jiddivorzjaw u jibqgħu rrabjati għal xulxin. Minħabba dan, it-​tfal ma jħossuhomx maħbubin. Anki familji li jgħixu fl-​istess dar jaf ma jkollhomx relazzjoni b’saħħitha. Fil-​fatt, konsulent tal-​familja jgħid hekk: “Illum hawn familji li minkejja li jgħixu fl-​istess dar ma jafux sew lil xulxin. L-​ommijiet, il-​missirijiet, u t-​tfal ma tantx jitkellmu flimkien għax iqattgħu ħafna ħin fuq il-​kompjuter, il-​mowbajl, jew jilagħbu l-​video games.”

2-3. (a) Skont Rumani 12:10, lejn min għandna nuru affezzjoni tenera? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Aħna ma rridux insiru bħal ħafna nies tal-​lum li ma jurux imħabba. (Rum. 12:2) Minflok, irridu nitgħallmu jkollna affezzjoni tenera għall-​membri tal-​familja u anki għall-​aħwa fil-​kongregazzjoni. (Aqra Rumani 12:10.) X’inhi affezzjoni tenera? Din hi tip taʼ mħabba li l-​membri tal-​familja jħossu għal xulxin u biha jkollhom relazzjoni tajba bejniethom. Però, għandu jkollna din it-​tip taʼ mħabba lejn ħutna fil-​kongregazzjoni wkoll. Meta nuru affezzjoni tenera, ngħinu biex inżommu l-​għaqda bejnietna u biex kulħadd jaqdi lil Ġeħova bil-​ferħ.—Mik. 2:12.

3 Ejjew naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tal-​Bibbja biex nuru din it-​tip taʼ mħabba.

“ĠEĦOVA JURI AFFEZZJONI B’TENEREZZA KBIRA”

4. Ġakbu 5:11, x’jgħidilna dwar l-​imħabba taʼ Ġeħova?

4 Il-​Bibbja tgħallimna dwar il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova. Pereżempju, tgħid li “Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8) Meta nitgħallmu dan dwar Ġeħova, se nkunu rridu nsiru l-​ħbieb tiegħu. Imma l-​Bibbja tgħid ukoll li “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira.” (Aqra Ġakbu 5:11.) Dan il-​vers jiddeskrivi sew kemm iħobbna Ġeħova!

5. Ġeħova kif juri l-​ħniena, u aħna kif nistgħu nimitawh?

5 Innota li Ġakbu 5:11 isemmi l-​affezzjoni tenera taʼ Ġeħova flimkien maʼ kwalità oħra li tgħinna nersqu eqreb lejh—il-​ħniena. (Eżo. 34:6) Mod wieħed kif Ġeħova jurina l-​ħniena hu billi jaħfrilna n-​nuqqasijiet tagħna. (Salm 51:1) Fil-​Bibbja, il-​ħniena tfisser iktar milli taħfer lil xi ħadd li jkun għamel żball. Tfisser ukoll is-​sentiment qawwi li tħoss meta tara lil xi ħadd imdejjaq u b’hekk tkun trid tgħinu. Ġeħova jgħidilna li x-​xewqa tiegħu biex jgħinna hija qawwija iktar mis-​sentiment li jkollha omm lejn it-​tarbija tagħha. (Is. 49:15) Meta nkunu mdejqin, il-​ħniena taʼ Ġeħova ġġiegħlu jgħinna. (Salm 37:39; 1 Kor. 10:13) Aħna nistgħu nuru l-​ħniena maʼ ħutna billi ma nibqgħux irrabjati għalihom meta jonqsuna. (Efes. 4:32) Mod importanti ieħor kif nuruha hu billi ngħinu lil ħutna meta jiffaċċjaw il-​problemi. Meta l-​imħabba ġġegħelna nuru ħniena m’oħrajn, inkunu qed nimitaw lil Ġeħova, l-​iktar wieħed li juri affezzjoni tenera.—Efes. 5:1.

ĠONATAN U DAVID SARU ĦBIEB KBAR

6. Ġonatan u David kif urew affezzjoni tenera lejn xulxin?

6 Il-​Bibbja ssemmi wħud imperfetti li ħabbew lil xulxin bħala ħbieb tal-​qalb. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġonatan u David. Il-​Bibbja tgħid: “Ruħ Ġonatan intrabtet maʼ ruħ David, u Ġonatan beda jħobbu bħalu nnifsu.” (1 Sam. 18:1) Ġeħova kien għażel lil David biex isir sultan wara Sawl. Iktar tard, Sawl tant beda jgħir għal David li ried joqtlu. Imma t-​tifel taʼ Sawl, Ġonatan, m’appoġġjax lil missieru meta prova joqtol lil David. Ġonatan u David wiegħdu lil xulxin li se jibqgħu ħbieb u li dejjem se jgħinu lil xulxin.—1 Sam. 20:42.

Ġonatan u David kienu ħbieb kbar minkejja d-differenza fl-età (Ara paragrafi 6-9)

7. X’setaʼ waqqaf lil Ġonatan u David milli jkunu ħbieb?

7 Jaf nibqgħu sorpriżi bil-​ħbiberija li kellhom Ġonatan u David minħabba li kien hemm xi affarijiet li setgħu waqqfu l-​ħbiberija tagħhom. Pereżempju, Ġonatan kien 30 sena ikbar minn David. Ġonatan setaʼ ħaseb li hu ma setax ikun ħabib tal-​qalb maʼ xi ħadd iżgħar minnu u taʼ ftit esperjenza. Imma Ġonatan ma ħasibx hekk, u hu wera rispett kbir lejn David.

8. Għala taħseb li Ġonatan kien ħabib kbir taʼ David?

8 Ġonatan setaʼ għer għal David. Bħala t-​tifel tas-​Sultan Sawl, Ġonatan setaʼ insista li hu kellu jkun is-​sultan li jmiss. (1 Sam. 20:31) Imma Ġonatan kien umli u leali lejn Ġeħova. Għalhekk, appoġġja bis-​sħiħ l-​għażla taʼ Ġeħova biex David ikun is-​sultan. Hu kien leali wkoll lejn David, minkejja li dan irrabja ħafna lil missieru, Sawl.—1 Sam. 20:32-​34.

9. Kif nafu li Ġonatan ma kienx għajjur għal David?

9 Minħabba li Ġonatan kellu affezzjoni tenera għal David, ma kienx jgħir għalih. Ġonatan kien kuraġġuż, rebaħ ħafna battalji, u kien jaf juża sew il-​qaws. Hu u missieru, Sawl, kienu magħrufin li huma “eħfef mill-​ajkli” u “setgħanin iktar mill-​iljuni.” (2 Sam. 1:22, 23) Għalhekk, Ġonatan setaʼ qagħad jiftaħar bl-​affarijiet li bil-​kuraġġ kien għamel. Imma hu ma provax ikun aħjar minn David, u ma għerx għalih. Anzi, Ġonatan ammira lil David għal kuraġġ li wera u għax kien jistrieħ fuq Ġeħova. Fil-​fatt, kien wara li David qatel lil Gulija li Ġonatan beda jħobb lil David bħalu nnifsu. Kif nistgħu nuru li nħobbu lil ħutna bħalma Ġonatan ħabb lil David?

KIF NISTGĦU NURU AFFEZZJONI TENERA LLUM?

10. Xi jfisser li ‘nħobbu lil xulxin mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha’?

10 Il-​Bibbja tgħidilna biex ‘inħobbu lil xulxin mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha.’ (1 Pt. 1:22) Ġeħova ħallielna l-​eżempju. Hu tant iħobb li jekk nibqgħu leali lejh qatt mhu se jieqaf iħobbna. (Rum. 8:38, 39) Il-​kelma “ħeġġa” tagħti l-​idea li xi ħadd jagħmel sforz kbir biex juri l-​imħabba. Kultant, mhux faċli li nħobbu lil ħutna spiritwali. Meta oħrajn jiddiżappuntawna, aħna rridu nibqgħu ‘nissaportu lil xulxin bl-​imħabba u nagħmlu ħilitna biex bil-​ħeġġa kollha nħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.’ (Efes. 4:1-​3) Jekk nagħmlu l-​almu tagħna biex inżommu l-​paċi maʼ ħutna, mhux se niffokaw fuq l-​iżbalji tagħhom. Għandna nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex lil ħutna nqisuhom kif iqishom Ġeħova.—1 Sam. 16:7; Salm 130:3.

Pawlu qal lil Evodja u Sintike biex jitgħallmu jkunu ħbieb. Kultant, anki aħna jaf insibuha diffiċli biex ningwalawha maʼ ħutna (Ara paragrafu 11)

11. Għala mhux dejjem faċli nuru affezzjoni tenera?

11 Mhux dejjem faċli nuru affezzjoni tenera lejn ħutna, speċjalment meta nkunu nafu bin-​nuqqasijiet tagħhom. Milli jidher, din kienet sfida li kellhom xi Kristjani tal-​bidu. Pereżempju, Evodja u Sintike ma kellhomx problema jaħdmu “spalla maʼ spalla [maʼ Pawlu] fl-​aħbar tajba.” Imma għal xi raġuni ma kinux jaqblu bejniethom. Għalhekk, Pawlu ħeġġiġhom “biex ikunu taʼ l-​istess fehma fil-​Mulej.”—Flp. 4:2, 3.

Anzjani kbar u żgħar fl-età jistgħu jsiru ħbieb kbar (Ara paragrafu 12)

12. Kif jistaʼ jkollna affezzjoni tenera lejn ħutna llum?

12 Kif jistaʼ jkollna affezzjoni tenera lejn ħutna llum? Meta nsiru nafu sew lil ħutna, se jkun iktar faċli biex nifhmuhom u nuruhom l-​imħabba. Dan minkejja li jkunu ikbar jew iżgħar fl-​età jew ikunu ġejjin minn kultura differenti. Ftakar li Ġonatan kien madwar 30 sena ikbar minn David, però huma xorta waħda saru ħbieb kbar. Hemm xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li hu ikbar jew iżgħar minnek li tistaʼ ssir ħabib tiegħu? Meta tagħmel hekk, inti turi li ‘tħobb il-​fratellanza kollha.’—1 Pt. 2:17.

Ara paragrafu 12 *

13. Għala mhux possibbli li nkunu ħbieb kbar maʼ kulħadd fil-​kongregazzjoni?

13 Li jkollna affezzjoni tenera lejn ħutna fil-​kongregazzjoni, ifisser li se nkunu ħbieb kbar maʼ kulħadd? Le, dan mhux possibbli. Huwa normali li tħossok iżjed komdu maʼ ċertu aħwa minħabba li tkunu tħobbu l-​istess affarijiet. Ġesù rrefera għall-​appostli kollha bħala “ħbieb,” imma hu kellu affezzjoni speċjali lejn Ġwanni. (Ġw. 13:23; 15:15; 20:2) Minkejja dan, Ġesù ma ttrattax lil Ġwanni aħjar mill-​oħrajn. Pereżempju, meta Ġwanni u ħuh, Ġakbu, talbu lil Ġesù biex jagħtihom pożizzjoni prominenti fis-​Saltna t’Alla, Ġesù qalilhom: “Li toqogħdu bil-​qiegħda fuq il-​lemin jew fuq ix-​xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien.” (Mk. 10:35-​40) Bħal Ġesù, aħna rridu nittrattaw lill-​aħwa kollha bħala ħbieb tal-​qalb tagħna. (Ġak. 2:3, 4) Għax jekk nagħmlu hekk, inkunu qed ngħinu l-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda.—Ġuda 17-​19.

14. Filippin 2:3, kif jistaʼ jgħinna biex ma nipprovawx inkunu aħjar minn ħutna?

14 Meta nuru affezzjoni tenera lejn xulxin, mhux se nipprovaw inkunu aħjar minn ħutna fil-​kongregazzjoni. Ftakar li Ġonatan ma kienx għajjur għal David, u ma provax jilħaq sultan minfloku. Ilkoll kemm aħna nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġonatan. Tgħirx għal ħutek minħabba l-​abbiltajiet tagħhom, ‘imma b’umiltà qis lill-​oħrajn superjuri għalik.’ (Aqra Filippin 2:3.) Żomm f’moħħok li kulħadd jistaʼ jagħmel xi ħaġa biex jgħin fil-​kongregazzjoni. Jekk nibqgħu umli, se nkunu nistgħu naraw il-​kwalitajiet tajbin taʼ ħutna u nibbenefikaw mill-​eżempju tajjeb tagħhom.—1 Kor. 12:21-​25.

15. X’titgħallem mill-​esperjenza taʼ Tanya u l-​familja tagħha?

15 Meta tiġrilna xi ħaġa, Ġeħova jgħinna permezz tal-​affezzjoni tenera u l-​għajnuna li nirċievu mingħand l-​aħwa. Dan li ġej huwa eżempju taʼ familja bi tlett itfal li attendew waħda mill-​Konvenzjonijiet Internazzjonali fl-​Istati Uniti tal-​2019, “L-​imħabba ma tbatti qatt!” Is-​Sibt, meta kienu qed isuqu lura lejn il-​lukanda, karozza daħlet ġo fihom. Tanya, l-​omm, tgħid: “Ħadd minna ma weġġaʼ, imma ħadna qatgħa kbira. Ħriġna mill-​karozza u bdejna nistennew mal-​ġenb tat-​triq. Xi ħadd qalilna biex nirkbu fil-​karozza tiegħu ħalli ma nkunux fil-​periklu. Kien wieħed minn ħutna li kien sejjer lura d-​dar mill-​konvenzjoni. Hu ma kienx l-​uniku wieħed li waqaf. Waqfu wkoll ħames aħwa mill-​Iżvezja. L-​aħwa nisa għannqu lit-​tifla u lili. Kien dak li kellna bżonn! Jiena għedt lill-​aħwa li ma kellhomx għalfejn jibqgħu magħna, imma ma ridux jitilqu. Huma baqgħu magħna anki wara li ġiet l-​ambulanza biex ikunu ċerti li ma kellna bżonn xejn. Dakinhar ħassejna l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Din l-​esperjenza saħħet l-​imħabba tagħna għall-​aħwa, u l-​imħabba u l-​apprezzament tagħna għal Ġeħova.” Tiftakar meta kellek bżonn l-​għajnuna u ħu jew oħt uriet affezzjoni tenera lejk?

16. Għala għandna nuru affezzjoni tenera lejn xulxin?

16 Aħseb dwar il-​benefiċċji li jkollna meta nuru affezzjoni tenera lejn xulxin. Aħna ninkuraġġixxu lil ħutna meta jkunu qed jiffaċċjaw il-​problemi. Ngħinu lil ħutna biex bil-​ferħ naqdu lil Ġeħova flimkien. Nuru li aħna dixxipli taʼ Ġesù, u dan se jgħin biex dawk l-​uħud sinċieri jkunu jridu jaqdu lil Ġeħova. U l-​iktar ħaġa importanti hi li nonoraw “il-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Kor. 1:3) Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nkomplu nuru iżjed imħabba!

GĦANJA 130 Aħfer

^ par. 5 Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu kellhom jintgħarfu mill-​imħabba taʼ bejniethom. Ilkoll kemm aħna nipprovaw nuru din l-​imħabba. Aħna rridu nitgħallmu nħobbu lil ħutna daqs kemm inħobbu lill-​membri tal-​familja tagħna. Dan l-​artiklu se jgħinna biex ikollna iktar imħabba lejn l-​aħwa fil-​kongregazzjoni.

^ par. 55 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Anzjan żagħżugħ jaqsam dak li tgħallem mill-anzjan kbir fl-età. Fir-ritratt l-ieħor, l-anzjan kbir fl-età qed jilqaʼ lill-anzjan żagħżugħ u lil martu fid-dar tiegħu.