Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 1

“Dawk li Jfittxu lil Ġeħova Ma Jonqoshom Xejn li Hu Tajjeb”

“Dawk li Jfittxu lil Ġeħova Ma Jonqoshom Xejn li Hu Tajjeb”

L-​ISKRITTURA GĦAS-​SENA 2022: “Dawk li jfittxu lil Ġeħova ma jonqoshom xejn li hu tajjeb.”—SALM 34:10.

GĦANJA 4 “Ġeħova huwa r-​Ragħaj tiegħi”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

David ħass li hu ‘ma naqsu xejn li hu tajjeb’ anki meta kien għaddej minn żmien diffiċli (Ara paragrafi 1-3) *

1. David liema sitwazzjoni diffiċli ffaċċja?

 DAVID kien qed jaħrab għax xi ħadd ried joqtlu. Dan kien Sawl, is-​Sultan taʼ Iżrael. Meta David kellu bżonn l-​ikel hu waqaf fil-​belt ta’ Nob u talab ħames ħobżiet lill-​qassis. (1 Sam. 21:1, 3) Iktar tard, hu u l-​irġiel li kienu miegħu daħlu jistkennu f’għar. (1 Sam. 22:1) David kif spiċċa f’din is-​sitwazzjoni?

2. Sawl liema affarijiet ħżiena għamel? (1 Samwel 23:16, 17)

2 Sawl kien jgħir ħafna għal David għax in-​nies kienu jħobbuh u jfaħħruh minħabba li rnexxielu jirbaħ ħafna gwerer. Sawl kien jaf ukoll li Ġeħova ma ridux iktar bħala sultan għax m’obdiehx u li Ġeħova kien għażel lil David minfloku. (Aqra l-1 Samwel 23:16, 17.) Imma Sawl kien għadu s-​sultan ta’ Iżrael u hu kellu armata kbira u ħafna nies li jaqbżu għalih. Għalhekk, David kellu jaħrab biex ma joqtluhx. Kien Sawl qed jaħseb li hu seta’ jwaqqaf lil Alla milli jagħmel lil David sultan? (Is. 55:11) Il-​Bibbja ma tgħidilniex, imma aħna nistgħu nkunu ċerti minn ħaġa waħda: Sawl kien qed jilgħab man-​nar, għax dawk li jiħduha kontra Alla dejjem jitilfu!

3. David kif ħassu minkejja s-​sitwazzjoni diffiċli li kien fiha?

3 David kien raġel umli. Ma kinitx l-​għażla tiegħu li jsir is-​sultan ta’ Iżrael. Kien Ġeħova li tah dan l-​inkarigu. (1 Sam. 16:1, 12, 13) Sawl kien jobgħod ħafna lil David. Imma David ma waħħalx f’Ġeħova minħabba l-​problemi li kien qed jiffaċċja. Hu ma qagħadx igerger għax kellu ftit ikel u kellu jistaħba f’għar. Anzi, jista’ jkun li waqt li kien qed jistaħba f’dak l-​għar kiteb il-​kliem sabiħ ta’ tifħir li nsibu fl-​iskrittura prinċipali ta’ dan l-​artiklu: “Dawk li jfittxu lil Ġeħova ma jonqoshom xejn li hu tajjeb.”—Salm 34:10.

4. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw, u dawn għala huma importanti?

4 Illum ħafna mill-​qaddejja ta’ Ġeħova mhux dejjem ikollhom ikel biżżejjed jew affarijiet oħrajn li jkollhom bżonn biex jgħixu. * Dan ġara iktar u iktar matul il-​pandemija. U l-​affarijiet se jkomplu jmorru għall-​agħar hekk kif qed toqrob it-​tribulazzjoni l-​kbira. (Mt. 24:21) Għalhekk, ikun tajjeb li nwieġbu dawn l-​erba’ mistoqsijiet: David b’liema mod ma kien ‘jonqsu xejn li hu tajjeb’? Għala għandna nkunu kuntenti b’dak li għandna? Għala nistgħu nkunu konvinti li Ġeħova se jieħu ħsiebna? U kif nistgħu nippreparaw minn issa għall-​futur?

“MA SE JONQOSNI XEJN”

5-6. Salm 23:1-​6 kif jgħinna nifhmu dak li ried ifisser David meta qal li l-​qaddejja t’Alla “ma jonqoshom xejn li hu tajjeb”?

5 David x’ried ifisser meta qal li l-​qaddejja ta’ Ġeħova mhu se jkun “jonqoshom xejn li hu tajjeb”? Meta David kiteb Salm 23 hu qal xi ħaġa simili, għalhekk dan is-​salm jista’ jgħinna nifhmu x’ried ifisser. (Aqra Salm 23:1-​6.) David beda bil-​kliem: “Ġeħova r-​Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn.” Fil-​kumplament tas-​salm, David semma affarijiet li huma importanti ħafna bħal pereżempju, l-​affarijiet tajbin li tah Ġeħova minħabba li hu aċċettah bħala r-​ragħaj tiegħu. Ġeħova mexxieh “fil-​mogħdijiet tas-​sewwa,” u dejjem ħa ħsiebu. David fehem li l-​ħajja tiegħu fl-​għelieqi “jħaddru” ta’ Ġeħova ma kinitx se tkun mingħajr problemi. Xi kultant hu setaʼ ħassu skuraġġit bħallikieku kien miexi f’“wied ta’ dlam ċappa” u kien se jkollu l-​għedewwa. Imma minħabba li Ġeħova kien ir-​Ragħaj tiegħu, David ma beża’ “mill-​ebda deni.”

6 Mela din hi t-​tweġiba għall-​mistoqsija: David b’liema mod ma kien ‘jonqsu xejn li hu tajjeb’? B’mod spiritwali, hu kellu dak kollu li kien hemm bżonn biex jibqa’ qrib Ġeħova. Il-​ferħ tiegħu ma kienx jiddependi mill-​affarijiet materjali. David kien kuntent b’dak li kien jipprovdilu Ġeħova. L-​iktar affarijiet importanti għalih kienu l-​barka u l-​protezzjoni taʼ Ġeħova.

7. Skont Luqa 21:20-​24, liema sitwazzjoni diffiċli ffaċċjaw il-​Kristjani li kienu jgħixu fil-​Lhudija?

7 Minn dak li qal David nistgħu naraw kemm hu importanti li jkollna ħarsa bilanċjata lejn l-​affarijiet materjali. Bla dubju, aħna nistgħu nieħdu pjaċir bl-​affarijiet li għandna, però, dawn m’għandhomx isiru l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Din kienet xi ħaġa importanti li l-​Kristjani li għexu fil-​Lhudija fehmu. (Aqra Luqa 21:20-​24.) Ġesù kien wissiehom li se jkun hemm żmien meta l-​belt ta’ Ġerusalemm se tkun imdawra “bil-​kampijiet ta’ l-​armati.” Meta dan kien se jiġri, huma kellhom “jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji.” Dawk li ħarbu salvaw ħajjithom, imma warajhom ħallew ħafna affarijiet. Xi snin ilu, It-​Torri tal-​Għassa qal: “Huma telqu l-​għelieqi u d-​djar, u lanqas saħansitra ma ħadu l-​affarijiet minn ġo darhom. Fiduċjużi mill-​protezzjoni u l-​appoġġ ta’ Jehovah, huma poġġew il-​qima tiegħu qabel kull ħaġa oħra li setgħet tidher importanti.”

8. X’lezzjoni importanti nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lill-​Kristjani tal-​bidu li kienu jgħixu fil-​Lhudija?

8 X’lezzjoni importanti nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lill-​Kristjani tal-​bidu li kienu jgħixu fil-​Lhudija? It-​Torri tal-​Għassa li diġà semmejna kompla jgħid: “Għandu mnejn ikun hemm provi iktar ’il quddiem li jinvolvu kif aħna nqisu l-​affarijiet materjali; huma dawn l-​iktar ħaġa importanti, jew hija iktar importanti s-​salvazzjoni li se tiġi għal kulmin qiegħed fuq in-​naħa t’Alla? Iva, li naħarbu jista’ jinvolvi xi tbatijiet u ċaħdiet. Irridu nkunu lesti li nagħmlu dak li jkun hemm bżonn, bħalma għamlu l-​Kristjani ta’ l-​ewwel seklu li kienu fl-​istess sitwazzjoni tagħna meta ħarbu mil-​Lhudija.” *

9. Il-​parir li Pawlu ta lil-​Lhud kif jinkuraġġik?

9 Tista’ timmaġina kemm kienet diffiċli għal dawk il-​Kristjani biex iħallu kważi kollox warajhom u jibdew ħajja ġdida f’post ġdid? Huma kellhom bżonn il-​fidi li Ġeħova se jipprovdilhom dak li kellhom bżonn. Imma kien hemm xi ħaġa li setgħet tgħinhom. Ħames snin qabel Ġerusalemm ġiet imdawra bir-​Rumani, l-​appostlu Pawlu lil-​Lhud tahom dan il-​parir tajjeb: “Ħa jkun il-​mod kif tgħixu ħieles mill-​imħabba għall-​flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-​preżent. Għax hu qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’ B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: ‘Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?’” (Ebr. 13:5, 6) Dawk li applikaw il-​parir tal-​appostlu Pawlu kien iktar faċli għalihom biex ikunu kuntenti b’dak li kellhom fil-​post fejn marru jgħixu. Huma kienu ċerti li Ġeħova kien se jipprovdilhom l-​affarijiet bżonjużi. Anki aħna rridu nkunu konvinti mill-​kliem ta’ Pawlu li Ġeħova se jipprovdilna dak li jkollna bżonn.

“GĦANDNA NKUNU KUNTENTI B’DAWN L-​AFFARIJIET”

10. Pawlu liema “sigriet” qasam magħna?

10 Pawlu ta parir simili lil Timotju u dan il-​parir japplika għalina wkoll. Hu kiteb: “Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.” (1 Tim. 6:8) Allura, ifisser dan li ma nistgħux nieħdu pjaċir nieklu ikla tajba, ikollna dar sabiħa, jew kultant nixtru xi ħwejjeġ? Pawlu ma kienx qed ifisser hekk. Hu kien qed jgħid li aħna għandna nkunu kuntenti bl-​affarijiet li għandna. (Flp. 4:12) Dan kien “is-​sigriet” ta’ Pawlu. L-​iktar ħaġa prezzjuża li għandu jkollna hi l-​ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova u mhux l-​affarijiet materjali li għandna.—Ħab. 3:17, 18.

L-​Iżraelin ‘ma naqashom xejn’ f’dawk l-​40 sena li għamlu fix-​xagħri. Aħna nistgħu nkunu kuntenti b’dak li għandna issa? (Ara paragrafu 11) *

11. X’nitgħallmu mill-​kliem li qal Mosè lill-​Iżraelin?

11 Dak li naħsbu li jkollna bżonn jaf ma jkunx dak li Ġeħova jaħseb li għandna bżonn. Aħseb dwar dak li qal Mosè lill-​Iżraelin wara li għamlu 40 sena fix-​xagħri: “Ġeħova Alla tiegħek bierkek f’kull għemil taʼ idek. Hu jaf tajjeb bil-​mixi tiegħek f’dan ix-​xagħri kbir. Matul dawn l-​erbgħin sena Ġeħova Alla tiegħek kien miegħek. Lanqas ħaġa waħda ma naqsitek.” (Dt. 2:7) Matul dawk l-​40 sena, Ġeħova pprovdielhom il-​manna x’jieklu. Ġeħova ħa ħsieb ukoll li l-​ħwejjeġ tagħhom ma jitqattgħux. Għalhekk, huma setgħu jibqgħu jużaw il-​ħwejjeġ li kellhom meta telqu mill-​Eġittu. (Dt. 8:3, 4) Għalkemm xi wħud ħasbu li dawn l-​affarijiet ma kinux biżżejjed, Mosè fakkarhom li huma kellhom dak kollu li kellhom bżonn. Ġeħova se jkun kuntent jekk aħna nitgħallmu nkunu kuntenti b’dak li għandna. Hu jridna napprezzaw anki l-​affarijiet sempliċi li jagħtina u nifhmu li dawn huma rigali mingħandu.

KUN KONVINT LI ĠEĦOVA SE JIEĦU ĦSIEBEK

12. X’juri li David straħ fuq Ġeħova u mhux fuq l-​abbiltajiet tiegħu?

12 David kien jaf li Ġeħova hu leali u jimpurtah ħafna minn dawk li jħobbuh. Minkejja li kien fil-​periklu meta kiteb Salm 34, il-​fidi ta’ David f’Ġeħova tant kienet b’saħħitha li hu kien ċert li “l-​anġlu ta’ Ġeħova” kien “qed jikkampja” madwaru. (Salm 34:7) Jista’ jkun li David qabbel l-​anġlu ta’ Ġeħova ma’ suldat li jkun ikkampjat f’għalqa, dejjem għassa għall-​għadu. Għalkemm David kien suldat kuraġġuż u Ġeħova wiegħdu li kien se jkun sultan, hu ma straħx fuq l-​abbiltà tiegħu biex juża l-​iżbandola jew is-​sejf biex jegħleb lill-​għadu tiegħu. (1 Sam. 16:13; 24:12) David straħ fuq Ġeħova għax kien ċert li l-​anġlu ta’ Ġeħova jeħles lil dawk li jibżgħu minnu. Bla dubju, illum ma nistennewx li nirċievu l-​protezzjoni b’mod mirakoluż. Imma aħna nafu li dawk kollha li jafdaw f’Ġeħova se jirċievu l-​ħajja ta’ dejjem anki jekk imutu.

Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, Gog taʼ Magog jistaʼ jkun li se jipprova jattakkana meta nkunu fid-​djar tagħna. Imma aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġesù u l-​anġli se jaraw x’qed jagħmel u se jipproteġuna (Ara paragrafu 13)

13. Meta se jattakkana Gog ta’ Magog, għala se jaħseb li se jkun faċli biex jirbħilna, imma għala m’għandniex nibżgħu? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

13 Dalwaqt, il-​fiduċja tagħna f’Ġeħova se tiġi ttestjata. Meta se jattakkana Gog ta’ Magog, grupp taʼ nazzjonijiet li jingħaqdu flimkien, forsi naħsbu li huma jistgħu joqtluna. Irridu nkunu konvinti li Ġeħova mhux biss jista’ imma se jsalvana. Għan-​nazzjonijiet se nkunu qisna bħal nagħaġ li m’għandhomx min jipproteġihom. (Eżek. 38:10-​12) Mhux se jkollna armi u aħna m’aħniex trenjati biex niġġieldu. Huma se jaħsbu li se jkun faċli għalihom biex jirbħulna għax ma jafux li l-​anġli ta’ Ġeħova se jkunu lesti biex jaqbżu għalina. Imma aħna ċerti minn dan għax għandna l-​fidi! Bla dubju, in-​nazzjonijiet ma jafuhx dan għax huma m’għandhomx fidi f’Alla. Huma se jkunu sorpriżi meta l-​armati fis-​sema se jiġġieldu għalina.—Riv. 19:11, 14, 15.

IPPREPARA MINN ISSA GĦALL-​FUTUR

14. X’nistgħu nagħmlu minn issa biex nippreparaw għall-​futur?

14 X’nistgħu nagħmlu minn issa biex nippreparaw għall-​futur? L-​ewwel nett, irid ikollna ħarsa bilanċjata lejn l-​affarijiet materjali, għax xi darba se jkollna nħalluhom warajna. Ukoll, irridu nkunu kuntenti b’dak li għandna u niftakru li l-​ferħ tagħna għandu jiġi mill-​ħbiberija li għandna ma’ Ġeħova. Iktar ma nsiru nafu lil Alla aħjar, iktar se nkunu konvinti li hu jista’ jipproteġina meta jattakkana Gog ta’ Magog.

15. Dak li għadda minnu David kif għenu jkun konvint li Ġeħova mhux se jiddiżappuntah?

15 Aħseb dwar dak li għen lil David u li jista’ jgħin lilna biex nippreparaw għall-​provi. David qal: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb; hieni r-​raġel b’saħħtu li jistkenn fih.” (Salm 34:8) Dan il-​kliem juri għala David kien jaf li seta’ jistrieħ fuq l-​għajnuna ta’ Ġeħova. David spiss straħ fuq l-​għajnuna ta’ Ġeħova, u Hu qatt ma ddiżappuntah. Meta David kien għadu żgħir, hu ġġieled kontra l-​ġgant Gulija u qallu: “Illum Ġeħova jagħtik f’idejja.” (1 Sam. 17:46) Iktar tard, meta David kien il-​qaddej ta’ Sawl, Sawl prova joqtlu ħafna drabi. Imma ma rnexxilux għax “Ġeħova kien miegħu.” (1 Sam. 18:12) Minħabba li David ra kif Ġeħova għenu fil-​passat, hu kien jaf li Ġeħova se jkompli jgħinu fil-​problemi li kien se jiffaċċja.

16. B’liema mod nistgħu naraw li Ġeħova hu tajjeb?

16 Iktar ma nistrieħu fuq Ġeħova għall-​gwida issa, iktar se nkunu konvinti li Ġeħova se jgħinna fil-​futur. Għandna bżonn il-​fidi u rridu nkunu lesti li nistrieħu fuq Ġeħova biex nistaqsu lill-​imgħallem tagħna għall-​off ħalli nkunu nistgħu nattendu l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet. U biex nirranġaw l-​iskeda ħalli nattendu l-​laqgħat kollha jew inqattgħu iktar ħin fil-​ministeru. Issa ejja ngħidu li l-​imgħallem ma jaċċettax u għalhekk nitilfu x-​xogħol, għandna fidi li Ġeħova qatt mhu se jabbandunana u dejjem se jipprovdilna dak li jkollna bżonn? (Ebr. 13:5) Ħafna li jaqdu fis-​servizz full-​time jafu x’jiġifieri għax huma esperjenzaw l-​għajnuna ta’ Ġeħova meta kellhom bżonn. Ġeħova hu leali.

17. X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2022, u għala hi f’waqtha?

17 B’Ġeħova magħna m’għandniex għalfejn nibżgħu minn dak li se jiġri fil-​futur. Hu qatt mhu se jabbandunana jekk aħna npoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna. Biex niftakru kemm hu importanti li nippreparaw minn issa għal dak li se jiġri dalwaqt u nkunu konvinti li Ġeħova qatt mhu se jabbandunana, il-​Ġemgħa li Tiggverna għażlet Salm 34:10 bħala l-​iskrittura għas-​sena 2022: “Dawk li jfittxu lil Ġeħova ma jonqoshom xejn li hu tajjeb.”

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

^ L-​iskrittura għas-​sena 2022 hija meħuda minn Salm 34:10: “Dawk li jfittxu lil Ġeħova ma jonqoshom xejn li hu tajjeb.” Ħafna mill-​qaddejja ta’ Ġeħova ma tantx għandhom flus jew affarijiet materjali. Allura għala nistgħu ngħidu li “ma jonqoshom xejn li hu tajjeb”? U li nifhmu dan il-​vers, kif se jgħinna nippreparaw għall-​provi li se niffaċċjaw fil-​futur?

^ Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fil-​ħarġa ta’ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 ta’ Settembru 2014.

^ Ara l-​ħarġa ta’ It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju 1999, paġna 19.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Minkejja li kien qed jaħrab mis-​Sultan Sawl u kellu jistkenn f’għar, David apprezza l-​affarijiet li tah Ġeħova.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Wara li l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, Ġeħova pprovdielhom il-​manna x’jieklu u ħa ħsieb li l-​ħwejjeġ tagħhom ma jitqattgħux.