Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 4

Għala Nattendu għat-Tifkira

Għala Nattendu għat-Tifkira

“Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—LQ. 22:19.

GĦANJA 20 Int tajt lill-​Iben għażiż tiegħek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Meta l-​iktar li tiftakar fil-​mewt taʼ xi ħadd li tħobb? (b) Ġesù x’għamel fil-​lejl qabel miet?

 GĦALKEMM xi ħadd li nħobbu jkun ilu li miet, aħna qatt ma ninsewh, speċjalment meta tasal id-​data tal-​ġurnata li jkun miet fiha.

2 Kull sena, aħna nkunu fost miljuni taʼ nies li jiltaqgħu flimkien madwar id-​dinja għall-​anniversarju tal-​mewt taʼ xi ħadd li nħobbu ħafna, Ġesù Kristu. (1 Pt. 1:8) Niltaqgħu flimkien biex niftakru fil-​wieħed li ta ħajtu bħala fidwa biex jeħlisna mid-​dnub u l-​mewt. (Mt. 20:28) Fil-​fatt, Ġesù ried li d-​dixxipli tiegħu jiftakru fil-​mewt tiegħu. Fil-​lejl qabel miet, hu għamel ikla speċjali u kkmanda: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—Lq. 22:19.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Ammont żgħir minn dawk li jattendu t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu għandhom it-​tama li jgħixu fis-​sema. Imma ħafna miljuni oħrajn li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art ukoll jattendu. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw diversi raġunijiet għala ż-​żewġ gruppi jkunu jixtiequ jattendu t-​Tifkira kull sena. Se naraw ukoll kif nibbenefikaw meta nattendu. Ejja nibdew billi nikkunsidraw xi raġunijiet għala jattendu l-​midlukin.

IL-​MIDLUKIN GĦALA JATTENDU?

4. Il-​midlukin għala jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira?

4 Kull sena, il-​midlukin li jattendu għat-​Tifkira jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid. Huma għala jistgħu jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid? Biex tkun taf it-​tweġiba, aħseb x’ġara fl-​aħħar lejl qabel miet Ġesù. Wara l-​ikla tal-​Qbiż, Ġesù għamel dik li llum tissejjaħ l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. Fiha hu għadda l-​ħobż u l-​inbid lill-​11-​il appostlu leali tiegħu u qalilhom biex jieklu u jixorbu. Ġesù tkellem magħhom dwar il-​patt il-​ġdid u l-​patt tas-​Saltna. * (Lq. 22:19, 20, 28-​30) Dawn iż-​żewġ pattijiet għamluha possibbli għall-​appostli u numru żgħir taʼ nies biex isiru slaten u qassisin fis-​sema. (Riv. 5:10; 14:1) Il-​midlukin li fadal fuq l-​art biss u li għandhom sehem f’dawn iż-​żewġ pattijiet jistgħu jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira.

5. Il-​midlukin x’jafu dwar it-​tama li tahom Ġeħova?

5 Issa se naraw raġuni oħra għala l-​midlukin iħarsu ’l quddiem biex jattendu għat-​Tifkira. Din tgħinhom biex jaħsbu dwar it-​tama tagħhom. Ġeħova tahom tama tal-​għaġeb. Hu se jtihom ġisem spirtu li ma jinqeridx u ħajja fis-​sema li ma tispiċċa qatt, biex imexxu maʼ Ġesù Kristu u l-​bqija tal-​144,000, u fuq kollox il-​privileġġ li jaraw lil Ġeħova! (1 Kor. 15:51-​53; 1 Ġw. 3:2) Il-​midlukin jafu li huma ġew mistidnin biex igawdu dawn il-​privileġġi fis-​sema. Imma biex ikunu jistgħu jmorru fis-​sema, huma jridu jibqgħu leali sal-​mewt. (2 Tim. 4:7, 8) Meta jaħsbu dwar it-​tama tagħhom għas-​sema, dan iġibilhom ħafna ferħ. (Titu 2:13) Xi ngħidu għan-​“nagħaġ oħrajn”? (Ġw. 10:16) X’inhuma xi raġunijiet għala jattendu għat-​Tifkira?

IN-​NAGĦAĠ OĦRAJN GĦALA JATTENDU?

6. In-​nagħaġ oħrajn għala jattendu għat-​Tifkira kull sena?

6 In-​nagħaġ oħrajn jattendu t-​Tifkira, imma ma jiħdux mill-​ħobż u l-​inbid. Però, huma xorta jkunu ferħanin li qegħdin hemmhekk. Fl-​1938, dawk bit-​tama li jgħixu fuq l-​art ġew mistidnin biex jattendu għall-​ewwel darba t-​Tifkira. It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Marzu 1938, qal: “Huwa bix-​xieraq li n-​[nagħaġ oħrajn] ikunu preżenti għat-​Tifkira u jaraw xi jkun qed jiġri. . . . Għandha tkun, kif fil-​fatt hi, okkażjoni taʼ ferħ għalihom ukoll.” Bħalma l-​mistidnin jieħdu pjaċir jaraw iċ-​ċerimonja tat-​tieġ, in-​nagħaġ oħrajn jieħdu pjaċir ikunu preżenti għat-​Tifkira.

7. In-​nagħaġ oħrajn għala jħarsu ’l quddiem biex jisimgħu t-​taħdita tat-​Tifkira?

7 In-​nagħaġ oħrajn ukoll jaħsbu dwar it-​tama tagħhom. Huma jħarsu ’l quddiem biex jisimgħu t-​taħdita tat-​Tifkira li tispjega dak li Kristu u l-​144,000 se jagħmlu għan-​nies leali matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena. Taħt it-​tmexxija tas-​Sultan tagħhom, Ġesù Kristu, dawk li se jmexxu fis-​sema se jgħinu biex l-​art terġaʼ ssir ġenna u biex in-​nies isiru perfetti. Kemm hu eċitanti għan-​nagħaġ oħrajn li jattendu t-​Tifkira li jimmaġinaw il-​profeziji li se jitwettqu fil-​futur, bħalma nsibu f’​Isaija 35:5, 6; 65:21-​23 u Rivelazzjoni 21:3, 4. Billi jimmaġinaw lilhom infushom u lil dawk li jħobbu fid-​dinja l-​ġdida, huma jsaħħu t-​tama tagħhom għall-​futur. Dan jgħinhom biex qatt ma jieqfu jaqdu lil Ġeħova.—Mt. 24:13; Gal. 6:9.

8. X’raġuni oħra hemm għala n-​nagħaġ oħrajn jattendu t-​Tifkira?

8 Ikkunsidra raġuni oħra għala n-​nagħaġ oħrajn jattendu għat-​Tifkira. Huma jagħmlu dan għax jixtiequ juru li jħobbu lill-​midlukin u jgħinuhom. Il-​Kelma t’Alla bassret li l-​midlukin u dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art, se jaħdmu flimkien mill-​qrib. Kif? Ejja naraw xi eżempji.

9. Skont il-​profezija taʼ Żakkarija 8:23, in-​nagħaġ oħrajn kif iħossuhom dwar il-​midlukin?

9 Aqra Żakkarija 8:23. Din il-​profezija tispjega b’mod tajjeb kif in-​nagħaġ oħrajn iħossuhom dwar il-​midlukin. Il-​kliem “Lhudi” u “magħkom” jirreferi għall-​istess grupp—il-​midlukin li għad fadal fuq l-​art. (Rum. 2:28, 29) L-​“għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” jirrappreżentaw lin-​nagħaġ oħrajn. Huma “jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi,” jiġifieri, jieħdu pjaċir jaqdu lil Ġeħova mal-​midlukin. Għalhekk, f’dik il-​lejla tat-​Tifkira, in-​nagħaġ oħrajn juru li huma magħqudin mal-​midlukin billi jattendu għat-​Tifkira.

10. Ġeħova x’għamel biex iwettaq il-​profezija li nsibu f’​Eżekjel 37:15-​19, 24, 25?

10 Aqra Eżekjel 37:15-​19, 24, 25. Ġeħova wettaq din il-​profezija billi għamel ċert li l-​midlukin u n-​nagħaġ oħrajn jaħdmu flimkien mill-​qrib. Il-​profezija ssemmi żewġ bsaten. Dawk li għandhom it-​tama għas-​sema huma bħall-​bastun taʼ “Ġuda” (it-​tribù li minnu ntgħażlu s-​slaten taʼ Iżrael), u dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art huma bħall-​bastun “t’Efrajm.” * Ġeħova kien se jressaq iż-​żewġ gruppi lejn xulxin biex isiru “bastun wieħed.” Dan ifisser li huma se jaqduh magħqudin flimkien taħt is-​Sultan Kristu Ġesù. Kull sena, il-​midlukin u n-​nagħaġ oħrajn jattendu għat-​Tifkira, mhux bħala żewġ gruppi separati, imma bħala “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed.”—Ġw. 10:16.

11. In-​nagħaġ li jissemmew f’​Mattew 25:31-​36, 40 kif juru li jgħinu lil ħut Kristu?

11 Aqra Mattew 25:31-​36, 40. “In-​nagħaġ” f’din il-​parabbola jirrappreżentaw lil uħud leali f’dan iż-​żmien tal-​aħħar li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art. Dawn huma n-​nagħaġ oħrajn. Huma jgħinu lil ħut Kristu li għad fadal fuq l-​art biex iwettqu responsabbiltà kbira, l-​ippritkar mad-​dinja kollha u x-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli.—Mt. 24:14; 28:19, 20.

12-13. X’inhuma xi modi oħra kif in-​nagħaġ oħrajn jgħinu lil ħut Kristu?

12 Kull sena fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, in-​nagħaġ oħrajn juru li jgħinu lil ħut Kristu billi jieħdu sehem f’kampanja mad-​dinja kollha biex jistiednu lil dawk li jkunu interessati għat-​Tifkira. (Ara l-​kaxxa “ Qiegħed Tipprepara għat-​Tifkira?”) Ukoll, huma jaraw li kollox ikun ippreparat għat-​Tifkira, anki jekk ma jkun hemm ħadd fil-​kongregazzjoni tagħhom li jkun se jieħu mill-​ħobż u l-​inbid. Huma ferħanin ħafna li jistgħu jgħinu lil ħut Kristu b’dawn il-​modi. Dawn in-​nagħaġ jafu li dak li qed jagħmlu mal-​midlukin, għal Ġesù qishom qed jagħmluh miegħu.—Mt. 25:37-​40.

13 X’inhuma xi raġunijiet oħrajn għala lkoll kemm aħna nattendu għat-​Tifkira, hi x’inhi t-​tama tagħna?

GĦALA NATTENDU?

14. Ġeħova u Ġesù kif urew li jħobbuna ħafna?

14 Aħna napprezzaw l-​imħabba li wrewna Ġeħova u Ġesù. Ġeħova wera li jħobbna b’diversi modi, imma l-​aqwa mod kien meta bagħat lil Ibnu prezzjuż biex ibati u jmut għalina. (Ġw. 3:16) U Ġesù wkoll wera li jħobbna ħafna billi kien lest li jagħti ħajtu għalina. (Ġw. 15:13) Aħna qatt ma nistgħu npattu għal dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina. Imma nistgħu nuru li napprezzaw bil-​mod kif ngħixu ħajjitna. (Kol. 3:15) U aħna nattendu t-​Tifkira għax irridu naħsbu dwar l-​imħabba li wrewna u nuruhom li nħobbuhom.

15. Għala l-​midlukin u n-​nagħaġ oħrajn japprezzaw ħafna r-​rigal tal-​fidwa?

15 Aħna napprezzaw ħafna r-​rigal tal-​fidwa. (Mt. 20:28) Il-​fidwa hija importanti ħafna għall-​midlukin għax mingħajrha ma jistgħux imorru fis-​sema. Minħabba li għandhom il-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu, Ġeħova jqishom ġusti, u adottahom bħala wliedu. (Rum. 5:1; 8:15-​17, 23) In-​nagħaġ oħrajn ukoll japprezzaw il-​fidwa. Minħabba li huma għandhom il-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu, huma nodfa f’għajnejn Ġeħova, jistgħu jaqduh, u għandhom it-​tama li ‘joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira.’ (Riv. 7:13-​15) Mod wieħed kif il-​midlukin u n-​nagħaġ oħrajn juru li japprezzaw il-​fidwa hu billi jattendu għat-​Tifkira kull sena.

16. X’raġuni oħra għandna biex nattendu għat-​Tifkira?

16 Raġuni oħra għala nattendu għat-​Tifkira hi għaliex aħna rridu nobdu lil Ġesù. Hi x’inhi t-​tama li għandna għall-​futur, kull wieħed u waħda minna jrid jobdi l-​kmand li tana Ġesù fil-​lejl meta għamel l-​ewwel Tifkira: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—1 Kor. 11:23, 24.

META NATTENDU KIF NIBBENEFIKAW?

17. It-​Tifkira kif tgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova?

17 Aħna nersqu eqreb lejn Ġeħova. (Ġak. 4:8) Kif tgħallimna, it-​Tifkira tagħtina l-​opportunità biex naħsbu dwar it-​tama li tana Ġeħova u nimmeditaw fuq l-​imħabba kbira li wera magħna. (Ġer. 29:11; 1 Ġw. 4:8-​10) Meta naħsbu sew dwar it-​tama li għandna għall-​futur u dwar l-​imħabba li ma tispiċċa qatt li Alla għandu għalina, aħna se nsiru nħobbuh iktar u se nsaħħu l-​ħbiberija tagħna miegħu.—Rum. 8:38, 39.

18. Meta nimmeditaw fuq l-​eżempju taʼ Ġesù, x’se nkunu rridu nagħmlu?

18 Se nkunu rridu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. (1 Pt. 2:21) Fil-​ġranet taʼ qabel it-​Tifkira, aħna niffokaw fuq rakkonti mill-​Bibbja dwar l-​aħħar ġimgħa li Ġesù għex fuq l-​art, u dwar il-​mewt u l-​irxoxt tiegħu. Imbagħad fil-​lejl tat-​Tifkira, it-​taħdita tfakkarna fl-​imħabba li Ġesù għandu għalina. (Efes. 5:2; 1 Ġw. 3:16) Meta naqraw dwar is-​sagrifiċċji li għamel Ġesù u nimmeditaw fuqhom, se nkunu rridu ‘nibqgħu mexjin bħalma mexa hu.’—1 Ġw. 2:6.

19. Kif nistgħu nibqgħu ħbieb maʼ Ġeħova?

19 Aħna nsiru iktar determinati li nibqgħu l-​ħbieb taʼ Ġeħova. (Ġuda 20, 21) Nistgħu nibqgħu ħbieb miegħu billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nobduh, infaħħru lil ismu, u nferrħulu qalbu. (Prov. 27:11; Mt. 6:9; 1 Ġw. 5:3) It-​Tifkira tgħinna biex inkunu iktar determinati li ngħixu kull jum taʼ ħajjitna b’mod li jogħġob lilu, b’hekk inkunu qed ngħidulu, ‘Jien irrid nibqaʼ l-​ħabib tiegħek għal dejjem!’

20. Liema raġunijiet tajbin għandna biex nattendu t-​Tifkira?

20 Sew jekk it-​tama tagħna hi li ngħixu fis-​sema u sew jekk għandna t-​tama li ngħixu fuq l-​art, għandna ħafna raġunijiet tajbin għala nattendu għat-​Tifkira. Kull sena meta niltaqgħu flimkien f’dik il-​ġurnata niftakru fil-​mewt taʼ xi ħadd li nħobbu ħafna, Ġesù Kristu. U fuq kollox, niftakru fl-​ikbar att taʼ mħabba, l-​imħabba li wera Ġeħova billi bagħat lil Ibnu biex imut għalina bħala fidwa. Din is-​sena, it-​Tifkira ser issir fil-​lejla tal-​Ġimgħa, 15 t’April 2022. Aħna nħobbuhom ħafna lil Ġeħova u lil Ibnu Ġesù. Għalhekk, fl-​anniversarju tal-​mewt taʼ Ġesù, xejn mhu se jkun iktar importanti milli nkunu preżenti għat-​Tifkira.

GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-​Midluk

^ Sew jekk għandna t-​tama li ngħixu fis-​sema u sew jekk għandna t-​tama li ngħixu fil-​ġenna tal-​art, aħna lkoll inħarsu ’l quddiem biex nattendu t-​Tifkira kull sena. F’dan l-​artiklu se naraw xi skritturi li jagħtuna raġunijiet tajba għala nattendu u kif aħna nibbenefikaw.

^ Għal iktar informazzjoni dwar il-​patt il-​ġdid u l-​patt tas-​Saltna, ara l-​artiklu “Issiru ‘saltna taʼ qassisin’” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 2014, pp. 15-​17.

^ Għal iktar informazzjoni dwar il-​profezija taż-​żewġ bsaten li nsibu f’​Eżekjel kapitlu 37, ara Mistoqsijiet mill-​Qarrejja fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ Lulju 2016, u Pure Worship of Jehovah—Restored At Last!, pp. 130-​135, para. 3-​17.