Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 2

Tgħallem minn Ħu Ġesù

Tgħallem minn Ħu Ġesù

“Ġakbu, ilsir t’Alla u tal-​Mulej Ġesù Kristu.”—ĠAK. 1:1.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Kif tiddeskrivi l-​familja taʼ Ġakbu?

 ĠAKBU, ħu Ġesù, trabba f’familja li kienet leali lejn Ġeħova. * Il-​ġenituri tiegħu, Ġużeppi u Marija, kienu jħobbu ħafna lil Ġeħova u għamlu l-​aħjar tagħhom biex jaqduh. Ġakbu setaʼ jgawdi xi ħaġ’oħra—ħuh il-​kbir kien il-​Messija mwiegħed. Għal Ġakbu kien privileġġ speċjali li jagħmel parti minn din il-​familja!

Matul iż-​żmien li Ġakbu għex maʼ ħuh Ġesù, hu setaʼ jsir jafu sew (Ara paragrafu 2)

2. Ġakbu liema raġunijiet kellu biex jammira lil ħuh?

2 Ġakbu kellu ħafna raġunijiet biex jammira lil ħuh il-​kbir. (Mt. 13:55) Pereżempju, meta kellu 12-​il sena, Ġesù tant kien jaf l-​Iskrittura sew li l-​għalliema f’Ġerusalemm baqgħu impressjonati bih. (Lq. 2:46, 47) Ġakbu jaf għamel ix-​xogħol taʼ mastrudaxxa flimkien maʼ Ġesù. Jekk dan kien il-​każ, lil ħuh sar jafu sew. Nathan H. Knorr spiss kien jgħid, “Meta taħdem maʼ persuna, issir tafha sew.” * X’aktarx Ġakbu nnota wkoll li “Ġesù baqaʼ javanza fl-​għerf u fl-​iżvilupp fiżiku u approvat minn Alla u mill-​bnedmin.” (Lq. 2:52) Minħabba dan forsi naħsbu li Ġakbu kien wieħed mill-​ewwel dixxipli taʼ Ġesù. Imma ma kienx hekk.

3. Waqt il-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, Ġakbu x’għamel?

3 Waqt il-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, Ġakbu ma kienx wieħed mid-​dixxipli tiegħu. (Ġw. 7:3-​5) Fil-​fatt, jistaʼ jkun li Ġakbu kien wieħed minn tal-​familja taʼ Ġesù li ħaseb li Ġesù kien “tilef moħħu.” (Mk. 3:21) U m’hemm imkien miktub li Ġakbu kien maʼ ommu, Marija, meta Ġesù kien qed imut fuq iz-​zokk tat-​tortura.—Ġw. 19:25-​27.

4. Liema lezzjonijiet se nikkunsidraw?

4 Iktar tard, Ġakbu beda jemmen f’Ġesù u sar anzjan rispettat fil-​kongregazzjoni Kristjana. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw żewġ lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minn Ġakbu: (1) għala għandna nibqgħu umli u (2) kif nistgħu nkunu għalliema tajbin.

IBQGĦU UMLI BĦAL ĠAKBU

Wara li Ġesù deher lil Ġakbu, Ġakbu b’umiltà aċċetta li Ġesù kien il-​Messija. Wara dan, hu sar dixxiplu leali taʼ Kristu (Ara paragrafi 5-7)

5. Ġakbu x’għamel wara li Ġesù qam mill-​mewt u tkellem miegħu?

5 Ġakbu meta sar dixxiplu leali taʼ Ġesù? Wara li Ġesù qam mill-​mewt, hu “deher lil Ġakbu, imbagħad lill-​appostli kollha.” (1 Kor. 15:7) Wara li kellmu Ġesù, Ġakbu sar wieħed mid-​dixxipli tiegħu. Hu kien mal-​appostli fil-​kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm meta kienu qegħdin jistennew biex jirċievu l-​ispirtu qaddis. (Atti 1:13, 14) Iktar tard, Ġakbu kellu l-​privileġġ li jaqdi bħala wieħed mill-​ġemgħa li tiggverna. (Atti 15:6, 13-​22; Gal. 2:9) U xi żmien qabel is-​sena 62, hu ġie ispirat biex jikteb ittra lill-​Kristjani midlukin. Din l-​ittra tgħin lilna wkoll illum, sew jekk għandna t-​tama li ngħixu fis-​sema u sew jekk għandna t-​tama li ngħixu fuq l-​art. (Ġak. 1:1) Il-​kittieb tal-​istorja Ġużeppi Flavju kiteb li Ġakbu ngħata s-​sentenza għall-​mewt mill-​Qassis il-​Kbir Lhudi Ananija, it-​tifel t’Anna. Ġakbu baqaʼ leali lejn Ġeħova sakemm spiċċa l-​ħajja tiegħu fuq l-​art.

6. Ġakbu kif kien differenti mill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu?

6 Ġakbu kien umli. Għala nistgħu ngħidu dan? Aħseb dwar dak li għamel Ġakbu meta sar jaf lil Ġesù u dak li għamlu ħafna mill-​mexxejja reliġjużi. Meta Ġakbu ra evidenza ċara li Ġesù hu l-​Iben t’Alla, b’umiltà hu emmen. Imma l-​mexxejja reliġjużi f’Ġerusalemm m’għamlux hekk. Pereżempju, minkejja li kellhom l-​evidenza li Ġesù qajjem lil Lazzru mill-​mewt, huma xorta m’emmnux li kien Ġeħova li bagħat lil Ġesù. Minflok, huma pprovaw joqtlu kemm lilu kif ukoll lil Lazzru. (Ġw. 11:53; 12:9-​11) Iktar tard, meta Ġesù ġie rxoxtat mill-​mewt, huma għamlu minn kollox biex in-​nies ma jsirux jafu b’dan. (Mt. 28:11-​15) Minħabba li dawn il-​mexxejja reliġjużi kienu kburin, huma m’aċċettawx lill-​Messija.

7. Għala għandna nevitaw il-​kburija?

7 Il-​lezzjoni: Tkunx kburi, u ħalli lil Ġeħova jgħallmek. Bħalma marda tistaʼ tagħmilha diffiċli biex il-​qalb taħdem sew, il-​kburija tistaʼ tagħmilha diffiċli għalina biex nobdu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova. Il-​Fariżej tant kienu kburin li huma rrifjutaw li jemmnu evidenza ċara li Ġesù kellu l-​ispirtu t’Alla u li kien Ibnu. (Ġw. 12:37-​40) Il-​kburija tagħhom tellfitilhom il-​ħajja taʼ dejjem. (Mt. 23:13, 33) Huwa importanti ħafna li nkomplu nħallu l-​Bibbja u l-​ispirtu t’Alla jbiddlu l-​personalità tagħna u jaffettwaw il-​ħsibijiet u d-​deċiżjonijiet tagħna! (Ġak. 3:17) Minħabba li Ġakbu kien umli, hu ħalla lil Ġeħova jgħallmu. U kif se naraw, minħabba li kien umli, hu sar għalliem tajjeb.

KUN GĦALLIEM TAJJEB BĦAL ĠAKBU

8. X’jistaʼ jgħinna nsiru għalliema tajbin?

8 Ġakbu ma kienx jaf ħafna skola. Il-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu x’aktarx li kienu jqisuh “komuni u taʼ ftit skola,” bħalma qiesu komuni lill-​appostli Pietru u Ġwanni. (Atti 4:13) Imma Ġakbu tgħallem ikun għalliem effettiv. Nistgħu naraw dan meta naqraw il-​ktieb taʼ Ġakbu, li kiteb hu stess. Bħal Ġakbu, forsi aħna ma tantx nafu skola. Però, bl-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova u t-​trejning mill-​organizzazzjoni tiegħu, aħna wkoll nistgħu nsiru għalliema tajbin. Ejja nikkunsidraw l-​eżempju li ħallielna Ġakbu bħala għalliem u naraw x’nistgħu nitgħallmu.

9. Ġakbu kif kien jgħallem?

9 Ġakbu uża kliem sempliċi u spjega b’mod faċli. B’hekk, dawk li semgħuh kienu jafu x’kellhom jagħmlu u kif kellhom jagħmluh. Pereżempju, aħseb dwar l-​eżempju sempliċi li Ġakbu uża biex jgħallem lezzjoni lill-​Kristjani meta jiġu ttrattati ħażin. Hu kiteb: “Aħna niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew. Smajtu bis-​sabar taʼ Ġob u rajtu t-​tmiem li tah Ġeħova; għax Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġak. 5:11) Innota li Ġakbu uża l-​Iskrittura biex jgħallem il-​lezzjoni. Hu uża l-​Kelma t’Alla biex jgħin in-​nies jaraw li Ġeħova dejjem jippremja lil dawk li bħal Ġob jibqgħu leali Lejh. Ġakbu għallem din il-​lezzjoni billi uża kliem sempliċi u li jagħmel sens. B’hekk, hu ma ġibidx l-​attenzjoni lejh, imma lejn Ġeħova.

10. Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġakbu meta ngħallmu?

10 Il-​lezzjoni: Uża kliem sempliċi u għallem mill-​Kelma t’Alla. Meta ngħallmu lil oħrajn, m’għandniex nipprovaw nuruhom kemm aħna bravi. Minflok, irridu ngħallmuhom kemm hu għaref Ġeħova u kemm jimpurtah minnhom. (Rum. 11:33) Nistgħu nagħmlu dan billi dejjem nużaw il-​Bibbja meta ngħallmu. Pereżempju, minflok ma ngħidu lill-​istudenti tal-​Bibbja tagħna x’nagħmlu aħna kieku qegħdin flokhom, irridu ngħinu lilhom jaħsbu dwar eżempji mill-​Bibbja u jifhmu kif Ġeħova jaħsibha u jħossu. Imbagħad huma se japplikaw dak li se jitgħallmu għax ikunu jridu jogħġbu lil Ġeħova, u mhux lilna.

11. Liema sfidi kienu qed jiffaċċjaw xi Kristjani fi żmien Ġakbu, u hu liema parir tahom? (Ġakbu 5:13-​15)

11 Ġakbu kien jaf bl-​isfidi li kienu qed jiffaċċjaw l-​aħwa. Mill-​ittra tiegħu jidher ċar li Ġakbu kien jaf dwar il-​problemi li l-​Kristjani kienu qed jiffaċċjaw, u hu tahom pariri ċari dwar dak li kellhom bżonn jagħmlu. Pereżempju, xi Kristjani ma kinux japplikaw il-​pariri mill-​ewwel. (Ġak. 1:22) Oħrajn kienu juru preferenzi mas-​sinjuri. (Ġak. 2:1-​3) U oħrajn kien diffiċli għalihom li jikkontrollaw ilsienhom. (Ġak. 3:8-​10) Dawn il-​Kristjani kellhom problemi serji, imma Ġakbu kien jaf li huma setgħu jinbidlu. Hu tahom parir sod u bi mħabba, u inkuraġġixxa lil dawk li kellhom bżonn l-​għajnuna biex jitkellmu mal-​anzjani ħalli jgħinuhom jagħmlu l-​bidliet li kellhom bżonn.—Aqra Ġakbu 5:13-​15.

12. Kif nistgħu ma naqtgħux qalbna meta nkunu qed ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja tagħna?

12 Il-​lezzjoni: Ifhem l-​isfidi li jkunu qed jiffaċċjaw in-​nies u taqtax qalbek minnhom. Għal ħafna li nistudjaw il-​Bibbja magħhom jistaʼ jkun diffiċli biex japplikaw il-​pariri tal-​Bibbja. (Ġak. 4:1-​4) Jistgħu jieħdu ż-​żmien biex jaqtgħu l-​vizzji ħżiena li jkollhom u minflokhom jibdew juru kwalitajiet Kristjani. Bħal Ġakbu, aħna jrid ikollna l-​kuraġġ biex ngħinu lill-​istudenti fejn għandhom jirranġaw. Barra minn hekk irridu nibqgħu pożittivi, inkunu konvinti li Ġeħova jiġbed lin-​nies umli lejh u jagħtihom is-​saħħa biex jagħmlu l-​bidliet li jkollhom bżonn.—Ġak. 4:10.

13. Skont Ġakbu 3:2, Ġakbu x’kien jaf?

13 Ġakbu ma ħasibx li kien aħjar minn ħaddieħor. Hu ma ħasibx li kien aħjar mill-​Kristjani l-​oħrajn għax kien ħu Ġesù jew minħabba l-​inkarigi importanti li kellu. Hu sejjaħ lill-​Kristjani oħrajn “ħuti maħbubin.” (Ġak. 1:16, 19; 2:5) Ġakbu ma pprovax iġiegħel lil oħrajn jaħsbu li kien perfett. Minflok, hu inkluda lilu nnifsu meta qal: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.”—Aqra Ġakbu 3:2.

14. Għala rridu nammettu li aħna wkoll niżbaljaw?

14 Il-​lezzjoni: Ftakar li aħna lkoll imperfetti. Ma rridux naħsbu li aħna aħjar minn dawk li ngħallmu. Għala? Jekk inġiegħlu lill-​istudent jaħseb li aħna ma niżbaljawx, hu jistaʼ jħossu skuraġġit, u jaħseb li qatt ma jistaʼ jogħġob lil Alla. Imma meta nkunu onesti u nammettu li ma kienx dejjem faċli għalina biex napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja u nispjegawlu kif Ġeħova għenna biex nagħmlu l-​bidliet, se nkunu qed ngħinuh jara li hu wkoll jistaʼ jaqdi lil Ġeħova.

L-​eżempji li uża Ġakbu kienu sempliċi, ċari, u effettivi (Ara paragrafi 15-16) *

15. Kif tiddeskrivi l-​eżempji li uża Ġakbu? (Ġakbu 3:2-​6, 10-​12)

15 Ġakbu uża eżempji li jmissu l-​qalb. Bla dubju, Ġeħova għenu permezz tal-​ispirtu qaddis, imma x’aktarx li hu tgħallem ħafna kif jgħallem billi studja l-​eżempji li uża ħuh Ġesù. L-​eżempji li uża Ġakbu fl-​ittra tiegħu huma sempliċi, u l-​lezzjoni hija ċara.—Aqra Ġakbu 3:2-​6, 10-​12.

16. Għala għandna nużaw eżempji effettivi?

16 Il-​lezzjoni: Uża eżempji effettivi. Meta tuża eżempju tajjeb, in-​nies mhux biss se jisimgħu l-​lezzjoni li tixtieqhom jitgħallmu, imma se jirnexxilhom jimmaġinawha wkoll. Meta tuża eżempji effettivi, se jgħinu lin-​nies biex jiftakru l-​veritajiet importanti tal-​Bibbja. Ġesù kien tajjeb ħafna biex juża l-​eżempji, u ħuh Ġakbu imita l-​eżempju tiegħu. Ejja neżaminaw eżempju li uża Ġakbu u naraw għala hu effettiv ħafna.

17. L-​eżempju li nsibu f’​Ġakbu 1:22-​25 għala hu effettiv?

17 Aqra Ġakbu 1:22-​25. L-​eżempju li ġab Ġakbu dwar il-​mera hu effettiv għal diversi raġunijiet. Hu ried jgħallem lezzjoni partikulari li biex nibbenefikaw mill-​Kelma t’Alla, aħna mhux biss irridu naqrawha, imma rridu wkoll napplikaw dak li naqraw. Ġakbu uża eżempju li n-​nies setgħu jifhmu faċilment—meta xi ħadd iħares lejn mera. X’lezzjoni kien qiegħed jgħallem? Ma jagħmilx sens li xi ħadd iħares lejn mera, jinnota li għandu xi ħaġa x’jirranġa, u ma jagħtix kas. Bl-​istess mod, ma jagħmilx sens li taqra l-​Kelma t’Alla, tinduna li għandek bżonn tbiddel xi ħaġa fil-​personalità tiegħek, u ma tagħmel xejn dwarha.

18. Meta nużaw eżempju liema tliet affarijiet għandna nagħmlu?

18 Meta tuża eżempju tistaʼ timita lil Ġakbu billi tagħmel tliet affarijiet: (1) Kun ċert li l-​eżempju jgħinek toħroġ il-​punt li tixtieq tagħmel. (2) Uża eżempju li n-​nies jifhmuh malajr. (3) Spjega sew għala qed tuża l-​eżempju. Jekk issibha diffiċli biex issib eżempji tajbin, għax ma tarax il-​Watch Tower Publications Index? Jekk tmur fuq “Illustrations” se ssib ħafna eżempji bl-​Ingliż li tistaʼ tuża. Ftakar li l-​eżempji huma bħal microphone—huma jagħmlu l-​punt jinftiehem iktar ċar. Għalhekk kun ċert li l-​eżempju joħroġ l-​iżjed punt importanti li tixtieq tgħallem. Bla dubju, l-​iktar ħaġa importanti għala aħna rridu ntejbu l-​abbiltà tagħna biex ngħallmu hi biex ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies isiru parti mill-​familja taʼ Ġeħova, u mhux biex niġbdu l-​attenzjoni lejna.

19. Kif nuru li nħobbu lil ħutna?

19 Aħna ma kellniex il-​privileġġ bħal Ġakbu li nitrabbew maʼ xi ħadd perfett. Però għandna l-​privileġġ li naqdu lil Ġeħova flimkien maʼ familja kbira t’aħwa. Aħna nuru li nħobbuhom billi nqattgħu l-​ħin magħhom, nitgħallmu minnhom, u nippritkaw u ngħallmu flimkien magħhom. Meta nagħmlu l-​almu tagħna biex nimitaw l-​attitudni taʼ Ġakbu u l-​mod kif kien jgħallem, se nġibu tifħir lil Ġeħova u ngħinu lil dawk taʼ qalb sinċiera jersqu qrib Missierna tas-​sema.

GĦANJA 114 “Kunu paċenzjużi”

^ Ġakbu u Ġesù trabbew flimkien. Ġakbu kien jafu sew lill-​Iben perfett t’Alla. F’dan l-​artiklu se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​ħajja u t-​tagħlim taʼ ħu Ġesù li sar wieħed mill-​aħwa li ħadu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu.

^ F’dan l-​artiklu, lil Ġakbu se nirreferu għalih bħala ħu Ġesù. Imma fil-​verità, hu kien ħuh mill-​omm biss. Hu l-​wieħed li kiteb il-​ktieb taʼ Ġakbu.

^ Ħuna Nathan H. Knorr kien membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, li spiċċa l-​ħajja tiegħu fuq l-​art fl-​1977.

^ X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ġakbu uża l-​eżempju tan-​nar biex juri kemm hu perikoluż meta ma noqogħdux attenti għal dak li ngħidu. Dan kien eżempju tajjeb għax kulħadd kien jaf x’inhu n-​nar.