Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 5

Uża “l-Ħin bl-Aħjar Mod”

Uża “l-Ħin bl-Aħjar Mod”

“Oqogħdu attenti bis-​sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod.” —EFES. 5:15, 16.

GĦANJA 8 Ġeħova hu l-​kenn tagħna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Kif nistgħu nqattgħu l-​ħin ma’ Ġeħova?

 KULĦADD jieħu pjaċir iqattaʼ l-​ħin man-​nies li jħobb. Koppja miżżewġin jieħdu pjaċir ħafna jqattgħu l-​ħin flimkien. It-​tfal u ż-​żgħażagħ jieħdu pjaċir iqattgħu l-​ħin mal-​ħbieb tagħhom. U lkoll kemm aħna nieħdu pjaċir inqattgħu l-​ħin mal-​aħwa. Imma l-​iktar ħaġa li nieħdu pjaċir nagħmlu hi li nqattgħu l-​ħin maʼ Ġeħova. Nistgħu nagħmlu dan billi nitolbuh, naqraw il-​Bibbja, naħsbu fuq il-​futur sabiħ li se jagħtina u fuq il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu. Bla dubju, il-​ħin li nqattgħu maʼ Ġeħova huwa prezzjuż ħafna!—Salm 139:17.

2. Liema sfida niffaċċjaw?

2 Minkejja li aħna nieħdu pjaċir inqattgħu l-​ħin maʼ Ġeħova, dan mhux dejjem faċli. Peress li jkollna ħafna x’nagħmlu jistaʼ jkun diffiċli biex insibu l-​ħin għall-​affarijiet spiritwali. Ix-​xogħol, il-​familja, u affarijiet oħrajn li jkollna bżonn nagħmlu tant jistgħu jiħdulna ħin li mbagħad inħossuna li m’għandniex ħin biex nitolbu, nistudjaw, jew nimmeditaw.

3. X’inhi xi ħaġa oħra li tistaʼ tisirqilna l-​ħin?

3 Hemm xi ħaġa oħra li tistaʼ tisirqilna l-​ħin. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nibdew nagħmlu affarijiet li ma jkunux ħżiena, però, jiħdulna ħafna ħin. B’hekk, jagħmluhielna iktar diffiċli biex nersqu eqreb taʼ Ġeħova. Pereżempju, huwa tajjeb li nsibu l-​ħin biex nistrieħu u nagħmlu affarijiet li nieħdu pjaċir bihom. Imma, irridu noqogħdu attenti li dawn ma jiħdulniex ħafna mill-​ħin li nistgħu nagħtu lil Ġeħova. Irridu niftakru li l-​affarijiet li nieħdu pjaċir nagħmlu mhumiex l-​iktar importanti.—Prov. 25:27; 1 Tim. 4:8.

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw għala għandna bżonn naraw x’inhuma l-​iktar affarijiet importanti għalina. Ukoll, se nikkunsidraw kif nistgħu nqattgħu l-​ħin maʼ Ġeħova bl-​aħjar mod u kif dan se jgħinna.

HU DEĊIŻJONIJIET TAJBIN U ARA X’INHU L-​IKTAR IMPORTANTI GĦALIK

5. Il-​parir li nsibu f’​Efesin 5:15-​17 kif jistaʼ jgħin liż-​żgħażagħ jagħżlu l-​aħjar ħajja?

5 Agħżel l-​aqwa ħajja. Spiss iż-​żgħażagħ jinkwetaw x’se jagħmlu meta jikbru. L-​għalliema u wħud minn tal-​familja li mhumiex fil-​verità jaf jinkuraġġuhom biex imorru l-​università ħalli jkunu jistgħu jsibu xogħol tajjeb u jaqilgħu l-​flus. Imma din it-​tip t’edukazzjoni se tiħdilhom ħafna ħin. Mill-​banda l-​oħra, il-​ġenituri u l-​aħwa fil-​kongregazzjoni se jinkuraġġuhom biex jużaw ħajjithom għal Ġeħova. X’jistaʼ jgħin lil żagħżugħ jew żagħżugħa li tħobb lil Ġeħova tieħu l-​aħjar deċiżjoni? Ikun tajjeb li jaqraw Efesin 5:15-​17 u jimmeditaw fuq dawn il-​versi. (Aqra.) Wara li jaqrawhom, jistgħu jistaqsu: ‘Ġeħova x’jixtieqni nagħmel? Liema deċiżjoni se tferrħu? Liema deċiżjoni se tgħinni nuża l-​ħin bl-​aħjar mod?’ Ftakar li “l-​jiem huma ħżiena” u d-​dinja taʼ Satana dalwaqt se tispiċċa. Ikun tajjeb li nużaw ħajjitna biex nagħmlu affarijiet li jagħmlu lil Ġeħova kuntent.

6. Marija x’għamlet, u għala kienet deċiżjoni tajba?

6 Ara x’inhu l-​iktar importanti. Jistaʼ jkun li jkollna bżonn nagħżlu bejn żewġ affarijiet li mhumiex ħżiena biex nużaw il-​ħin tagħna bl-​aħjar mod. Dan nistgħu narawh minn dak li ġara meta Ġesù mar għand Marija u Marta. Marta tant kienet ferħana li Ġesù kien sejjer għandha li hi preparat ikla kbira. Imma Marija poġġiet ħdejh u qagħdet tisimgħu. Dak li għamlet Marta ma kienx ħażin, imma Ġesù qal li “Marija għażlet l-​aħjar.” (Lq. 10:38-​42) Maż-​żmien, Marija jaf insiet x’kielet dakinhar, imma żgur li ma nsietx dak li tgħallmet minn Ġesù. Bħalma Marija apprezzat dak il-​ħin maʼ Ġesù, aħna napprezzaw il-​ħin li nqattgħu maʼ Ġeħova. Dan il-​ħin kif nistgħu nużawh bl-​aħjar mod?

UŻA L-​ĦIN LI TQATTAʼ MAʼ ĠEĦOVA BL-​AĦJAR MOD

7. Għala hu importanti ħafna li nitolbu, nistudjaw, u nimmeditaw?

7 It-​talb, l-​istudju, u l-​meditazzjoni huma modi kif naqdu lil Ġeħova. Meta nitolbu nkunu qed nitkellmu maʼ Missierna tas-​sema li jħobbna ħafna. (Salm 5:7) Meta nistudjaw il-​Bibbja, inkunu qed nitgħallmu minn Ġeħova, li hu l-​iktar persuna għarfa fl-​univers. (Prov. 2:1-​5) Meta nimmeditaw dwar l-​affarijiet li nitgħallmu dwar Ġeħova, se naħsbu dwar il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu, u niftakru l-​affarijiet tal-​għaġeb li hu se jagħmel għalina u għall-​bnedmin kollha. Dan hu l-​aħjar mod kif nistgħu nużaw il-​ħin tagħna. Imma x’jistaʼ jgħinna nagħmlu dan?

Tistaʼ ssib post għall-​kwiet biex tagħmel l-​istudju personali tiegħek? (Ara paragrafi 8-9)

8. X’nistgħu nitgħallmu minn kif Ġesù uża l-​ħin tiegħu meta kien fix-​xagħri?

8 Jekk tkun tistaʼ sib post għall-​kwiet. Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Ġesù. Qabel ma beda l-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù qattaʼ 40 jum fix-​xagħri. (Lq. 4:1, 2) Meta kien hemm għall-​kwiet, Ġesù setaʼ jitlob lil Ġeħova u jimmedita fuq dak li Missieru ried minnu. Billi għamel hekk, Ġesù kien ippreparat għall-​provi li kien se jiffaċċja dalwaqt. L-​eżempju taʼ Ġesù kif jistaʼ jgħinek? Jekk għandek familja kbira, jistaʼ jkun li mhux dejjem issib post għall-​kwiet id-​dar. F’dan il-​każ, jaf ikollok tmur xi mkien biex issib post għall-​kwiet. Julie hekk tagħmel meta tkun trid tqattaʼ l-​ħin maʼ Ġeħova billi toqgħod titlob. Hi u r-​raġel tagħha jgħixu ġo appartament żgħir fi Franza, u għalhekk ikun diffiċli biex tkun waħedha u ma jkun hemm xejn li jfixkilha. Julie tgħid: “Għalhekk, kuljum immur nimxi mixja fi ġnien. Hemmhekk inkun waħdi. Inkun nistaʼ nikkonċentra u nitkellem maʼ Ġeħova.”

9. Minkejja li Ġesù kellu ħafna x’jagħmel, kif wera li l-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova kienet importanti ħafna?

9 Ġesù kellu ħafna x’jagħmel fil-​ħajja tiegħu. Meta kien jivvjaġġa minn post għall-​ieħor, ħafna nies kienu jmorru warajh u kienu jridu joqogħdu miegħu. Darba waħda, “il-​belt kollha nġabret quddiem il-​bieb” biex tarah. Minkejja dan, Ġesù għamel ċert li dejjem isib il-​ħin biex jitlob lil Ġeħova. Kmieni filgħodu, hu kien isib post imwarrab fejn kien ikun jistaʼ jqattaʼ l-​ħin maʼ Missieru.—Mk. 1:32-​35.

10-11. Skont Mattew 26:40, 41, Ġesù x’qalilhom jagħmlu lid-​dixxipli, imma x’ġara?

10 Wara li spiċċa l-​ministeru tiegħu, fl-​aħħar lejl qabel miet, Ġesù reġaʼ mar isib post għall-​kwiet biex jimmedita u jitlob. Hu mar fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. (Mt. 26:36) Hemmhekk, Ġesù lid-​dixxipli tiegħu qalilhom xi ħaġa importanti ħafna dwar it-​talb.

11 Aħseb ftit x’ġara. Meta huma waslu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani kien tard ħafna, x’aktarx li kien qabeż nofsillejl. Ġesù qal lill-​appostli tiegħu biex ‘jibqgħu għassa’ u mar jitlob. (Mt. 26:37-​39) Imma waqt li kien qed jitlob, huma raqdu. Meta sabhom reqdin, Ġesù reġaʼ qalilhom “ibqgħu għassa u itolbu kontinwament.” (Aqra Mattew 26:40, 41.) Hu nduna li huma kienu stressjati u ħassewhom għajjenin. Ġesù fehem minn xiex kienu għaddejjin u għalhekk qal “il-​laħam dgħajjef.” Ġesù reġaʼ mar jitlob darbtejn oħra u meta mar lura ħdejn id-​dixxipli xorta sabhom reqdin.—Mt. 26:42-​45.

Tistaʼ twarrab il-​ħin biex titlob meta ma tkunx għajjien ħafna? (Ara paragrafu 12)

12. X’nistgħu nagħmlu jekk kultant inħossuna stressjati ħafna jew għajjenin biex nitolbu?

12 Agħżel ħin tajjeb. Kultant forsi nħossuna stressjati ħafna jew għajjenin biex nitolbu. Jekk ġieli ħassejtek hekk, m’intix waħdek. X’tistaʼ tagħmel? Xi wħud li spiss jitolbu lil Ġeħova fl-​aħħar tal-​ġurnata sabu li jkun aħjar jekk jitolbu iktar kmieni meta ma jkunux għajjenin ħafna. Oħrajn sabu li kif joqogħdu meta jitolbu jgħinhom ukoll, bħal pereżempju, għarkopptejhom jew bilqiegħda. Imma xi ngħidu jekk tħossok inkwetat ħafna u skuraġġit, u għalhekk ma tkunx tistaʼ titlob? Għid lil Ġeħova kif tkun qed tħossok. Tistaʼ tkun ċert li Missierek kollu mħabba se jifhmek.—Salm 139:4.

Tistaʼ ma tarax messaġġi u emails waqt il-​laqgħat? (Ara paragrafi 13-14)

13. Il-​mowbajls u t-​tablets kif jistgħu jtellfuna waqt it-​talb, l-​istudju, jew il-​laqgħat?

13 Waqt li tkun qed tistudja tħalli xejn ifixklek. It-​talb mhuwiex l-​uniku mod kif insaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. L-​istudju tal-​Bibbja u l-​laqgħat ukoll jgħinuna biex nersqu eqreb lejn Alla. X’tistaʼ tagħmel biex fil-​ħin li tkun qed tuża għall-​istudju jew għal-​laqgħat ma tħalli xejn ifixklek? Staqsi lilek innifsek: ‘Meta nkun qed nistudja jew fil-​laqgħat, liema affarijiet itellfuni? Jistgħu jkunu xi telefonata, email, jew messaġġ fuq il-​mowbajl jew it-​tablet?’ Illum, kulħadd jużahom dawn l-​affarijiet. F’riċerka sabu li meta nkunu qed nipprovaw nikkonċentraw u jkollna l-​mowbajl maġenbna, dan ukoll jistaʼ jtellifna. Espert jgħid: “Ma tkunx qed tikkonċentra fuq dak li qed tagħmel. Moħħok jibda jaħseb fuq ħaġ’oħra.” Qabel l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet, spiss niġu mfakkrin biex noqogħdu attenti ħalli ma ntellfux lill-​oħrajn bl-​affarijiet elettroniċi tagħna. Nistgħu nagħmlu l-​istess meta nkunu qegħdin waħedna ħalli ma nħallux l-​affarijiet elettroniċi jtellfuna fil-​ħin li nkunu maʼ Ġeħova?

14. Skont Filippin 4:6, 7, Ġeħova kif jgħinna nikkonċentraw?

14 Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tikkonċentra. Meta tkun qiegħed tistudja jew fil-​laqgħa u tinduna li moħħok qiegħed xi mkien ieħor, itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Jekk tkun inkwetat jew ansjuż mhux faċli biex tneħħi l-​ħsibijiet minn moħħok u tikkonċentra fuq l-​affarijiet spiritwali, imma huwa importanti ħafna li tagħmel dan. Itlob lil Ġeħova biex il-​paċi tiegħu mhux biss tipproteġi lil qalbek imma anki “l-​qawwa mentali” tiegħek.—Aqra Filippin 4:6, 7.

IT-​TALB, L-​ISTUDJU, U L-​LAQGĦAT HUMA TAʼ ĠID GĦALINA

15. X’inhu mod wieħed kif tibbenefika meta tqattaʼ l-​ħin maʼ Ġeħova?

15 Jekk titkellem maʼ Ġeħova, tismaʼ minnu, u taħseb dwaru se jkun għall-​ġid tiegħek. B’liema modi? L-​ewwel, se tieħu deċiżjonijiet aħjar. Il-​Bibbja tagħtina garanzija li “min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref.” (Prov. 13:20) Għalhekk, iktar ma tqattaʼ ħin mal-​iktar persuna għarfa, Ġeħova, iktar se ssir għaref. B’hekk se tifhem aħjar kif tistaʼ togħġbu u se tevita deċiżjonijiet li jweġġgħuh.

16. Meta nqattgħu l-​ħin maʼ Ġeħova kif jgħinna nsiru għalliema aħjar?

16 It-​tieni, int se ssir għalliem aħjar. Meta nistudjaw il-​Bibbja ma’ xi ħadd, il-​mira tagħna tkun li ngħinuh jersaq qrib taʼ Ġeħova. Iktar ma nitolbu lil Ġeħova u nitgħallmu dwaru, iktar se nsiru nħobbuh. B’hekk se nkunu iktar kapaċi ngħinu lill-​istudent iħobbu. Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Ġesù. Hu tant tkellem bi mħabba dwar Ġeħova li għen lid-​dixxipli tiegħu jħobbuh ukoll.—Ġw. 17:25, 26.

17. It-​talb u l-​istudju personali għala jgħinna nsaħħu l-​fidi tagħna?

17 It-​tielet, il-​fidi tiegħek se tissaħħaħ. Aħseb x’jiġri meta inti titlob lil Alla biex jgħallmek, jinkuraġġik, jew jgħinek. Kull darba li Ġeħova jwieġeb it-​talb tiegħek, il-​fidi tiegħek fih se tissaħħaħ. (1 Ġw. 5:15) X’tistaʼ tagħmel iktar biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek? Studju personali. Fuq kollox “il-​fidi tiġi minn dak li nstemaʼ.” (Rum. 10:17) Però, biex ikollna fidi soda, irridu nagħmlu iktar milli nitgħallmu l-​affarijiet. Xi rridu nagħmlu iktar?

18. Spjega għala għandna nimmeditaw.

18 Irridu nimmeditaw fuq dak li nkunu qed nitgħallmu. Aħseb dwar dak li għadda minnu l-​kittieb li kiteb Salm 77. Hu kien inkwetat għax ħass li Ġeħova ma kienx għadu qed ibierek lilu u lill-​Iżraelin. Hu tant ħassu inkwetat li ma bediex jorqod billejl. (Versi 2-​8) Imbagħad x’għamel? Hu qal lil Ġeħova: “Se nimmedita fuq l-​attività tiegħek kollha, u nikkunsidra għemilek.” (Vers 12) Bla dubju, is-​salmista kien jaf sew b’dak li Ġeħova għamel għan-​nies tiegħu fil-​passat. Imma xorta staqsa: “Nesa Alla juri qalb tajba? Jew fir-​rabja għalaq hu l-​ħniniet tiegħu?” (Vers 9) Is-​salmista mmedita dwar l-​affarijiet li għamel Ġeħova u dwar il-​ħniena u l-​qalb tajba li wera fil-​passat. (Vers 11) X’kien ir-​riżultat? Is-​salmista sar konvint li Ġeħova qatt ma jitlaq lin-​nies Tiegħu. (Vers 15) Bl-​istess mod, jekk inti timmedita fuq l-​affarijiet li Ġeħova għamel għan-​nies tiegħu u għalik, il-​fidi tiegħek se tissaħħaħ.

19. Meta nqattgħu l-​ħin maʼ Ġeħova, b’liema mod ieħor se nibbenefikaw?

19 Ir-​rabaʼ u l-​iktar ħaġa importanti, l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova se tikber. L-​imħabba, iktar minn kull ħaġa oħra, se ġġiegħlek tobdi lil Ġeħova, tagħmel sagrifiċċji biex togħġbu, u tissaporti kull prova li tiffaċċja. (Mt. 22:37-​39; 1 Kor. 13:4, 7; 1 Ġw. 5:3) M’hemm xejn iktar prezzjuż milli jkollok ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova!—Salm 63:1-​8.

20. X’tistaʼ tagħmel biex il-​ħin li tqattaʼ maʼ Ġeħova jkun taʼ ġid għalik?

20 Ftakar li t-​talb, l-​istudju, u l-​meditazzjoni huma modi kif naqdu lil Ġeħova. Bħal Ġesù, sib post għall-​kwiet biex titkellem maʼ Ġeħova. Neħħi l-​affarijiet li jistgħu jfixkluk. Itlob lil Ġeħova jgħinek tikkonċentra meta tkun qed tagħmel affarijiet spiritwali. Jekk tuża l-​ħin tiegħek bl-​aħjar mod issa, Ġeħova se jippremjak billi jagħtik ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida.—Mk. 4:24.

GĦANJA 28 Niksbu l-​ħbiberija taʼ Ġeħova

^ Ġeħova huwa l-​ikbar Ħabib tagħna. Il-​ħbiberija tagħna miegħu hi prezzjuża għalina u aħna rridu nsiru nafuh aħjar. Jieħu ż-​żmien biex issir taf lil xi ħadd sew, u l-​istess nistgħu ngħidu biex insaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Illum il-​ħajja hi mgħaġġla. Allura, kif nistgħu nwarrbu l-​ħin biex nersqu eqreb lejn Missierna tas-​sema, u dan għala hu taʼ ġid għalina?