Artiklu Għall-istudju 3
X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Fatt li Ġesù Beka?
“Ġesù qabiżlu d-dmugħ.”—ĠW. 11:35.
GĦANJA 17 ’Irrid żgur’
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1-3. X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jġegħluna nibku?
META kienet l-aħħar darba li bkejt? Xi kultant nibku bil-ferħ, imma l-biċċa l-kbira nibku għax inkunu mdejqin. Pereżempju jaf nibku minħabba li nkunu tlifna lil xi ħadd li nħobbu fil-mewt. Lorilei, oħt mill-Istati Uniti, kitbet: “Xi kultant, tant kont inħossni mdejqa minħabba li mititli t-tifla li xejn ma kien jgħinni biex inħossni aħjar. F’dawk il-mumenti kont inħoss li l-uġigħ li kelli qatt ma kien se jtaffi.” *
2 Jistaʼ jkun li nibku għal raġunijiet oħrajn. Hiromi, pijuniera fil-Ġappun, tgħid: “Xi kultant inħossni mdejqa għax meta mmur nipprietka, in-nies ma jurux interess fil-Bibbja. Ġieli waqt li nkun qed nitlob lil Ġeħova nibda nibki u ngħidlu biex jgħinni nsib lil xi ħadd li jkun interessat.”
3 Ġieli tħossok bħal dawn l-aħwa? X’aktarx li ħafna minna ġieli nħossuna hekk. (1 Pt. 5:9) Għalkemm nixtiequ ‘naqdu lil Ġeħova bil-ferħ,’ xi kultant nibku minħabba li xi ħadd li nħobbu jmut, inħossuna skuraġġiti, jew niffaċċjaw xi prova li tagħmilhielna diffiċli biex nibqgħu leali lejn Alla. (Salm 6:6; 100:2) X’nistgħu nagħmlu meta nħossuna hekk?
4. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
4 Aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù. Xi kultant, hu wkoll għadda minn sitwazzjonijiet li ġegħluh jibki. (Ġw. 11:35; Lq. 19:41; 22:44; Ebr. 5:7) Ejja nikkunsidraw dawn ir-rakkonti u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom dwar Ġesù u Missieru, Ġeħova. Se naraw ukoll x’nistgħu nagħmlu meta ngħaddu minn sitwazzjonijiet li jġegħluna nibku.
ĠESÙ BEKA GĦAX KIEN JIMPURTAH MILL-ĦBIEB TIEGĦU
5. Mir-rakkont taʼ Ġwanni 11:32-36 x’nitgħallmu dwar Ġesù?
5 Fix-xitwa tas-sena 32, il-ħabib tal-qalb taʼ Ġesù, Lazzru, marad u miet. (Ġw. 11:3, 14) Lazzru kellu żewġ aħwa, Marija u Marta, u Ġesù lil din il-familja kien iħobbha ħafna. Huma kienu mdejqin ħafna minħabba li miet ħuhom. Wara li Lazzru miet, Ġesù vvjaġġa lejn Betanja, fejn kienu jgħixu Marija u Marta. Meta Marta saret taf li Ġesù kien sejjer ħdejhom, hi marret tiġri biex tiltaqaʼ miegħu. Immaġina kif kienet qed tħossha meta qaltlu: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” (Ġw. 11:21) Ftit wara, xħin Ġesù ra lil Marija u oħrajn jibku, hu “qabiżlu d-dmugħ.”—Aqra Ġwanni 11:32-36.
6. Ġesù għala beka meta miet Lazzru?
6 Dakinhar Ġesù għala beka? L-Insight on the Scriptures jgħid: “Il-mewt tal-ħabib tiegħu Lazzru u l-uġigħ li kellhom ħutu ġiegħlu lil Ġesù jħoss ‘qalbu tingħafas u jibki.’” * Jistaʼ jkun li Ġesù beda jaħseb dwar l-uġigħ li ħass Lazzru meta kien marid u kif ħassu meta kien jaf li ser imut. Barra minn hekk, Ġesù beda jibki meta ra kif il-mewt taʼ Lazzru affettwat lil Marija u Marta. Jekk mietlek xi ħabib tal-qalb jew xi ħadd minn tal-familja tiegħek, bla dubju inti għaddejt minn uġigħ bħal dan. Ejja naraw tliet lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont.
7. Il-fatt li Ġesù beka meta miet Lazzru, x’jgħallimna dwar Ġeħova?
7 Ġeħova jifhem kif tħossok. Ġesù għandu l-istess kwalitajiet taʼ Missieru.’ (Ebr. 1:3) Meta Ġesù beka, hu wera kif Ġeħova jħossu meta jmut xi ħadd li nħobbu. (Ġw. 14:9) Jekk miet xi ħadd li tħobb, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova mhux biss jaf l-uġigħ li qed tħoss, imma jiddispjaċih għalik ukoll. Hu jaf li għandek qalbek maqsuma, u jrid jgħinek.—Salm 34:18; 147:3.
8. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù se jirxoxta lill-maħbubin tagħna?
8 Ġesù jrid jirxoxta mill-mewt lill-maħbubin tiegħek. Ftit qabel beka, Ġesù wiegħed lil Marta li ħuha kien se jqum u hi emmnitu. (Ġw. 11:23-27) Minħabba li Marta kienet taqdi lil Ġeħova, hi kienet taf li l-profeti Elija u Eliżew kienu qajmu lil xi nies fil-passat. (1 Slat. 17:17-24; 2 Slat. 4:32-37) U x’aktarx li hi kienet semgħet bin-nies li Ġesù kien qajjem mill-mewt. (Lq. 7:11-15; 8:41, 42, 49-56) Int ukoll tistaʼ tkun ċert li se terġaʼ tara lill-maħbubin tiegħek. Allura x’nitgħallmu mill-fatt li Ġesù beda jibki meta inkuraġġixxa lil ħut Lazzru? Nitgħallmu li hu għandu xewqa kbira biex jirxoxta lill-mejtin.
9. Bħal Ġesù, kif tistaʼ tgħin lil dawk li mitilhom xi ħadd? Agħti eżempju.
9 Int tistaʼ tgħin lil dawk li mitilhom xi ħadd. Ġesù mhux biss beka maʼ Marta u Marija, imma semagħhom u inkuraġġiehom ukoll. Aħna nistgħu nagħmlu l-istess. Dan, anzjan li jgħix l-Awstralja, jgħid: “Wara li mititli l-mara kelli bżonn l-għajnuna. Ħafna aħwa rġiel flimkien man-nisa tagħhom kienu dejjem lesti biex jisimgħuni. Huma kienu jħalluni ngħidilhom dak kollu li kont inħoss, u ma kinux jiddejqu meta kont nibki quddiemhom. Meta ma stajtx nagħmel ċerti affarijiet huma għenuni b’diversi modi. Bħal pereżempju, ħasluli l-karozza, għamluli xi qadi, sajruli, u kienu jitolbu miegħi spiss. Urewni li huma ħbieb taʼ vera u aħwa li jkunu hemm ‘għal meta jkun hemm in-niket.’”—Prov. 17:17.
ĠESÙ BEKA GĦAX KIEN JIMPURTAH MIN-NIES
10. Iddeskrivi r-rakkont li nsibu f’Luqa 19:36-40.
10 Ġesù wasal Ġerusalemm fid-9 taʼ Nisan tas-sena 33. Hekk kif kien dieħel fil-belt, folla nies inġabret u bdew jifirxu l-ħwejjeġ tagħhom mal-art biex juru li aċċettawh bħala s-Sultan tagħhom. Bla dubju din kienet okkażjoni taʼ ferħ. (Aqra Luqa 19:36-40.) Għalhekk, id-dixxipli tiegħu ma stennewx dak li kien se jiġri wara. “Meta [Ġesù] wasal qrib, ħares lejn il-belt u beda jibkiha.” Bid-dmugħ f’għajnejh, Ġesù semma l-affarijiet terribbli li kienu se jiġru lin-nies f’Ġerusalemm.—Lq. 19:41-44.
11. Ġesù għala beka għan-nies taʼ Ġerusalemm?
11 Ġesù kien imdejjaq għax hu kien jaf li ħafna mil-Lhud ma kinux se jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna. B’hekk, Ġerusalemm kienet se tiġi meqruda u l-Lhud li jibqgħu ħajjin kienu se jsiru lsiera. (Lq. 21:20-24) B’dispjaċir, bħalma qal Ġesù, ħafna min-nies m’aċċettawhx. In-nies fit-territorju tiegħek jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna? Jekk huma ftit in-nies li jisimgħuk, x’tistaʼ titgħallem mill-fatt li Ġesù beka għan-nies? Ejja nikkunsidraw tliet lezzjonijiet oħra.
12. X’nitgħallmu dwar Ġeħova mill-fatt li Ġesù beka?
12 Ġeħova jimpurtah min-nies. Il-fatt li Ġesù beka jfakkarna kemm Ġeħova jimpurtah min-nies. Hu “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pt. 3:9) Illum nuru li nħobbu lin-nies li nippritkaw billi nipprovaw ngħinuhom jitgħallmu dwar l-aħbar tajba tas-Saltna.—Mt. 22:39.
13-14. Ġesù kif wera li kien jimpurtah min-nies, u aħna kif nistgħu nimitawh?
13 Ġesù ħadem iebes fil-ministeru. Hu wera li jħobb lin-nies billi ħa kull opportunità biex jgħallimhom. (Lq. 19:47, 48) X’ġiegħlu jagħmel dan? Ġesù tħassarhom u ried jgħinhom. Xi drabi, tant kien hemm nies li riedu jisimgħu lil Ġesù li hu u d-dixxipli tiegħu “lanqas biss setgħu jieklu.” (Mk. 3:20) U meta raġel ried jitkellem maʼ Ġesù billejl, Ġesù kien lest li jiltaqaʼ miegħu. (Ġw. 3:1, 2) Il-biċċa l-kbira tan-nies li semgħu lil Ġesù ma sarux dixxipli tiegħu. Imma dawk kollha li semgħuh jitkellem ħadu xhieda tajba. Illum, aħna rridu nagħtu l-opportunità lil kulħadd biex isir jaf bl-aħbar tajba. (Atti 10:42) Biex nagħmlu dan jistaʼ jkun li jkollna nibdlu l-mod kif nippritkaw.
14 Kun lest li tagħmel il-bidliet li jkun hemm bżonn. Jekk nippritkaw dejjem fl-istess ħin jaf ma nsibux lil dawk in-nies li jixtiequ jitgħallmu dwar l-aħbar tajba. Matilda, li hija pijuniera, tgħid: “Jien u r-raġel nipprovaw immorru nippritkaw f’ħinijiet differenti. Filgħodu kmieni mmorru nagħmlu t-territorju tan-negozju. Għal ħin taʼ nofsinhar meta jkun hemm ħafna nies barra noħorġu bit-trolley. U ndunajna li meta mmorru iktar tard mal-ġurnata nsibu iktar nies id-dar.” Aħna mhux biss irridu nkunu lesti li nippritkaw meta jkun tajjeb għalina, imma rridu nkunu lesti li nbiddlu l-iskeda tagħna u mmorru f’ħin li hemm iktar ċans insibu n-nies. Jekk nagħmlu hekk nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkun kuntent.
ĠESÙ BEKA GĦAX KIEN INKWETAT DWAR IT-TMAQDIR FUQ ISEM ĠEĦOVA
15. Skont Luqa 22:39-44, x’ġara fl-aħħar lejl qabel miet Ġesù?
15 Fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33, Ġesù mar fil-ġnien tal-Ġetsemani tard billejl. Hemmhekk, hu beda jitlob mill-qalb lil Ġeħova. (Aqra Luqa 22:39-44.) F’dawk il-mumenti, Ġesù “talab bil-ħerqa . . . b’għajat qawwi u dmugħ.” (Ebr. 5:7) Fl-aħħar lejl tiegħu, Ġesù dwar xiex talab? Hu talab lil Ġeħova biex jagħtih is-saħħa ħalli jibqaʼ leali u jagħmel dak li ried Hu. Ġeħova semaʼ t-talba mill-qalb li għamel Ġesù u bagħatlu anġlu biex isaħħu.
16. Ġesù għala beda jibki meta kien qed jitlob fil-ġnien tal-Ġetsemani?
16 Ġesù beka meta kien qed jitlob fil-ġnien tal-Ġetsemani għax hu kien inkwetat ħafna minħabba li n-nies kienu se jqisuh bħala persuna li ma kellhiex rispett lejn l-isem t’Alla. Hu kien jaf kemm kien importanti li jibqaʼ leali u ma jġibx tmaqdir fuq isem Ġeħova. Jekk qed tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli li qed tittestja l-lealtà tiegħek, x’tistaʼ titgħallem mill-fatt li Ġesù beka? Ejja nikkunsidraw tliet lezzjonijiet oħra.
17. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-mod kif wieġeb it-talb mill-qalb taʼ Ġesù?
17 Ġeħova jismaʼ t-talb bil-ħerqa tiegħek. Ġeħova semaʼ t-talb mill-qalb li talab Ġesù. Għala? Għax għal Ġesù kien importanti li jibqaʼ leali u ma jġibx tmaqdir fuq isem Missieru. Allura jekk aħna nixtiequ nibqgħu leali lejn Ġeħova u ma nġibux tmaqdir fuq ismu, hu żgur se jismaʼ t-talb tagħna.—Salm 145:18, 19.
18. Għala nistgħu ngħidu li Ġesù huwa ħabib li jistaʼ jifhimna?
18 Ġesù jifhem kif tħossok. Meta nħossuna mdejqin, aħna nieħdu pjaċir li jkollna ħabib li jifhimna, speċjalment jekk ikun għadda mill-istess problemi tagħna. Ġesù huwa dak il-ħabib. Hu jaf x’jiġifieri li tħossok għajjien u li jkollok bżonn l-għajnuna. Ġesù jaf eżatt id-dgħufijiet tagħna, u hu jagħmel ċert li aħna nirċievu l-għajnuna li jkollna bżonn “f’waqtha.” (Ebr. 4:15, 16) Bħalma Ġesù aċċetta l-għajnuna tal-anġlu fil-ġnien tal-Ġetsemani, aħna rridu nkunu lesti li naċċettaw l-għajnuna li jipprovdilna Ġeħova, sew jekk tkun f’xi pubblikazzjoni, vidjow, taħdita, jew xi żjara inkuraġġanti mingħand anzjan jew ħabib matur.
19. Meta nkunu qegħdin niffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli, x’jistaʼ jgħinna nħossuna aħjar? Agħti eżempju.
19 Ġeħova se jagħtik “il-paċi” tiegħu. Ġeħova kif isaħħaħna? Meta nitolbu, aħna nirċievu “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Flp. 4:6, 7) Il-paċi taʼ Ġeħova tgħinna nkunu kalmi u ma nibqgħux ninkwetaw fuq il-problema. Oħt li jisimha Luz esperjenzat dan. Hi tgħid: “Spiss inħossni waħdi. Għalhekk, xi kultant naħseb li Ġeħova ma jħobbnix. Meta nħossni hekk, mill-ewwel nitlob lil Ġeħova u ngħidlu kif inkun qed inħossni. It-talb jgħinni biex nikkontrolla l-ħsibijiet tiegħi.” Kif turina din l-esperjenza, it-talb jgħinna biex inħossuna aħjar.
20. X’lezzjonijiet tgħallimna mill-fatt li Ġesù beka?
20 Kemm tgħallimna lezzjonijiet inkuraġġanti u t’għajnuna mill-fatt li Ġesù beka! Ġejna mfakkrin biex ngħinu lill-aħwa li tilfu lil xi ħadd li jħobbu fil-mewt. U għandna nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù se jgħinuna meta xi ħadd li nħobbu jmut. Rajna wkoll li meta nippritkaw u ngħallmu, għandna nuru li jinteressana min-nies, bħal Ġeħova u Ġesù. U aħna niġu inkuraġġiti għax nafu li Ġeħova u Ibnu l-maħbub jafu eżatt kif inħossuna, jifhmu d-dgħufijiet tagħna, u jridu jgħinuna nibqgħu nissaportu. Jalla nkomplu napplikaw dak li tgħallimna sa dakinhar li Ġeħova jwettaq il-wegħda mill-isbaħ li ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna’!—Riv. 21:4.
GĦANJA 120 Imitaw il-ħlewwa taʼ Kristu
^ Fil-Bibbja naqraw li Ġesù ġieli beka. F’dan l-artiklu se nikkunsidraw tliet okkażjonijiet fejn Ġesù beka u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom.
^ Xi ismijiet ġew mibdulin.
^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-imħabba taʼ Ġesù ġegħlitu jinkuraġġixxi lil Marija u Marta. Aħna nistgħu nagħmlu l-istess maʼ dawk li tilfu lil xi ħadd li jħobbu fil-mewt.
^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù kien lest li jgħallem lil Nikodemu billejl. Aħna għandna nistudjaw il-Bibbja man-nies meta jkun tajjeb għalihom.
^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù talab lil Ġeħova biex jagħtih is-saħħa ħalli jkun jistaʼ jibqaʼ leali. Meta nkunu qed niffaċċjaw il-provi għandna nagħmlu l-istess.