Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Min hu fuq in-naħa taʼ Ġeħova?”

“Min hu fuq in-naħa taʼ Ġeħova?”

“Minn Ġeħova Alla tiegħek għandek tibżaʼ. Lilu għandek taqdi, u miegħu għandek tintrabat.”DEWTERONOMJU 10:20.

GĦANJIET: 28, 32

1, 2. (a) Għala jagħmel sens li nkunu fuq in-​naħa taʼ Ġeħova? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

ĦADD ma għandu qawwa, għerf, jew imħabba daqs Ġeħova! Għalhekk, jagħmel sens li nibqgħu qrib tiegħu. Min minna ma jridx ikun fuq in-​naħa taʼ Ġeħova? (Salm 96:4-6) Minkejja dan, xi wħud li kienu jqimu lil Alla ma baqgħux fuq in-​naħa tiegħu.

2 F’dan l-​artiklu se niddiskutu eżempji taʼ xi wħud li qalu li kienu fuq in-​naħa taʼ Ġeħova imma fl-​istess ħin kienu qed jagħmlu affarijiet li Ġeħova jobgħod. Il-​lezzjonijiet importanti li nitgħallmu mill-​eżempji tagħhom jistgħu jgħinuna nibqgħu leali lejn Ġeħova.

ĠEĦOVA JARA X’HEMM F’QALBNA

3. Ġeħova għala pprova jgħin lil Kajjin, u x’qallu?

3 Ejja nieħdu l-​eżempju taʼ Kajjin. Hu ma kienx iqim allat foloz, imma Ġeħova xorta m’aċċettax il-​qima tiegħu. Għala le? Għax Ġeħova ra li qalb Kajjin kienet miġbuda lejn il-​ħażin. (1 Ġwanni 3:12) Ġeħova wissa lil Kajjin: “Jekk iddur biex tagħmel it-​tajjeb, ma tiġix milqugħ? Imma jekk ma ddurx biex tagħmel it-​tajjeb, hemm id-​dnub lest għalik wara biebek, u hu mlebleb għalik; u se trażżnu int, min-​naħa tiegħek?” (Ġenesi 4:6, 7) Ġeħova kien qed jgħid lil Kajjin li jekk jindem u jagħżel li jkun fuq in-​naħa tiegħu, Hu kien se jkun fuq in-​naħa taʼ Kajjin.

4. X’għamel Kajjin meta kellu l-​opportunità li jkun fuq in-​naħa taʼ Ġeħova?

4 Kieku Kajjin biddel il-​ħsieb tiegħu, Ġeħova kien se jerġaʼ jaċċetta l-​qima tiegħu. Imma Kajjin ma semax minn Ġeħova, u l-​ħsibijiet ħżiena u x-​xewqat egoistiċi tiegħu wassluh għal azzjonijiet ħżiena. (Ġakbu 1:14, 15) Meta Kajjin kien iżgħar, forsi qatt ma ħaseb li kien se jiħodha kontra Ġeħova. Imma hu injora t-​twissija t’Alla, ħadha kontrih, u qatel lil ħuh stess!

5. Liema ħsibijiet jistgħu jwassluna biex nitilfu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova?

5 Bħal Kajjin, Kristjan illum jistaʼ jgħid li jqim lil Ġeħova imma mbagħad ikun qed jagħmel affarijiet li Ġeħova jobgħod. (Ġuda 11) Forsi jkun qed joħroġ fil-​ministeru u jattendi regolarment il-​laqgħat. Imma fl-​istess ħin, jaf ikun qed iħalli lil moħħu jiġi kkontrollat minn fantasiji immorali, ħsibijiet egoistiċi, jew sentimenti taʼ mibegħda. (1 Ġwanni 2:15-17; 3:15) Dawn kollha jistgħu jwasslu biex wieħed jagħmel dnub. In-​nies għandhom mnejn ma jkunux jafu x’qed naħsbu jew nagħmlu, imma Ġeħova jaf. Hu jaf jekk aħniex kompletament fuq in-​naħa tiegħu.—Aqra Ġeremija 17:9, 10.

6. Ġeħova kif jgħinna negħlbu xewqat ħżiena?

6 Anki meta nagħmlu l-​iżbalji, Ġeħova ma jaqtax qalbu minna malajr. Meta naqbdu direzzjoni perikoluża, Ġeħova jħeġġiġna: “Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.” (Malakija 3:7) Ġeħova jifhem li għandna dgħufijiet li qed niġġieldu kontrihom. Imma hu jridna nkunu sodi u nopponu l-​ħażin. (Isaija 55:7) Jekk nagħmlu hekk, hu jwegħedna li se jgħinna u jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn biex negħlbu x-​xewqat ħżiena tagħna.—Ġenesi 4:7.

“TITQARRQUX”

7. Salamun kif tilef il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova?

7 Meta Salamun kien żagħżugħ, hu kellu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Alla ta lil Salamun ħafna għerf u fdah b’inkarigu importanti ħafna li jibni tempju mill-​isbaħ f’Ġerusalemm. Imma Salamun tilef il-​ħbiberija li kellu maʼ Ġeħova. (1 Slaten 3:12; 11:1, 2) Il-​Liġi t’Alla kienet tgħid li s-​sultan ma kellux ikollu ‘ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx minn [Ġeħova].’ (Dewteronomju 17:17) Salamun m’obdiex din il-​liġi. Maż-​żmien, hu kellu 700 mara u 300 konkubina! (1 Slaten 11:3) Ħafna minn dawn in-​nisa kienu barranin li qiemu allat foloz. Allura, Salamun m’obdiex ukoll il-​liġi t’Alla li kienet tgħid li m’għandux ikun hemm żwieġ maʼ nisa barranin.—Dewteronomju 7:3, 4.

8. X’kienu l-​affarijiet ħżiena li Salamun għamel?

8 Bil-​mod il-​mod, Salamun tilef l-​imħabba li kellu għal-​liġijiet taʼ Ġeħova. Dan wassal biex hu jagħmel affarijiet ħżiena ħafna. Hu bena artali lill-​allat foloz Għastoret u Kemos, u mbagħad tahom qima man-​nisa tiegħu. Salamun, minn tant postijiet, bena dawn l-​artali fuq muntanja eżatt faċċata taʼ Ġerusalemm, fejn hu stess kien bena t-​tempju taʼ Ġeħova! (1 Slaten 11:5-​8; 2 Slaten 23:13) Forsi Salamun qarraq bih innifsu f’li jaħseb li Ġeħova ma kienx se jagħti kas l-​affarijiet ħżiena kollha li kien qed jagħmel sakemm joffri sagrifiċċji fit-​tempju.

9. X’ġara meta Salamun ma semax mit-​twissijiet t’Alla?

9 Imma Ġeħova qatt ma jinjora d-​dnub. Il-​Bibbja tgħid: “Ġeħova għadab [jew, irrabja ħafna] għal Salamun, għax qalbu kienet daret minn Ġeħova.” Hu kien ipprova jgħin lil Salamun. Ġeħova kien “deherlu darbtejn. U kkmandah dwar din il-​ħaġa, biex b’hekk ma jmurx wara allat oħrajn; imma ma ħarisx dak li kkmandah Ġeħova.” Minħabba dan, hu tilef l-​approvazzjoni u l-​għajnuna t’Alla. Ġeħova ma ħalliex lid-​dixxendenti taʼ Salamun imexxu fuq il-​ġens kollu taʼ Iżrael, u għal mijiet taʼ snin kellhom problemi kbar ħafna.—1 Slaten 11:9-13.

10. X’jistaʼ jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tajba tagħna maʼ Ġeħova?

10 Jekk nagħżlu ħbieb li ma jifhmux jew ma jirrispettawx il-​livelli t’Alla, dawn jistgħu jinfluwenzaw il-​ħsieb tagħna u jagħmlu ħsara lill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Huma jistgħu jkunu parti mill-​kongregazzjoni, imma m’għandhomx relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova. Jew jistgħu jkunu qraba, ġirien, sħabna tax-​xogħol, jew sħabna tal-​iskola li ma jqimux lil Ġeħova. Jekk in-​nies li nqattgħu l-​ħin magħhom ma jgħixux mal-​livelli taʼ Ġeħova, dawn jistgħu tant jinfluwenzawna li nitilfu r-​relazzjoni tajba tagħna m’Alla.

In-nies li tqattaʼ ħin magħhom kif qed jaffettwaw ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova? (Ara paragrafu 11)

11. X’jistaʼ jgħinna nagħżlu l-​ħbieb tagħna?

11 Aqra l-​1 Korintin 15:33. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies għandhom xi kwalitajiet tajbin. U dawk li ma jqimux lil Ġeħova mhux dejjem jagħmlu affarijiet ħżiena. Forsi int taf xi nies bħal dawn. Ifisser dan li huma kumpanija tajba għalik? Aħseb ftit, huma kif jaffettwaw ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova? Jgħinuk tersaq eqreb lejn Alla? X’inhu verament importanti għalihom? Fuq xiex jitkellmu? Iħobbu jitkellmu l-​iktar fuq il-​moda, il-​flus, it-​teknoloġija, id-​divertiment, u affarijiet bħal dawn? Spiss jikkritikaw lil oħrajn? Iħobbu jgħidu ċajt doppju sens? Ġesù wissiena: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mattew 12:34) Jekk tinduna li n-​nies li tqattaʼ ħin magħhom qed jagħmlu ħsara lir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, ħu azzjoni! Naqqas il-​ħin li tkun magħhom, u jekk hemm bżonn, tibqax ħbieb magħhom.—Proverbji 13:20.

ĠEĦOVA JITLOB MINNA LI NKUNU LEALI LEJH

12. (a) X’qalilhom Ġeħova lill-​Iżraelin ftit wara li ħarġu mill-​Eġittu? (b) X’qalu l-​Iżraelin meta Alla talab minnhom li jkunu leali?

12 Aħna nistgħu nitgħallmu wkoll minn dak li ġara wara li Ġeħova ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu. Hekk kif in-​nies inġabru quddiem il-​Muntanja Sinaj, Ġeħova wera l-​preżenza tiegħu b’mod drammatiku! Huma raw sħaba sewda, sajjetti, u duħħan, u semgħu ħoss taʼ ragħad u ħoss qawwi tal-​qarn. (Eżodu 19:16-​19) Imbagħad, semgħu lil Ġeħova jistqarr li hu ‘Alla li jesiġi [jew, jitlob minnhom] devozzjoni esklużiva.’ Ġeħova wiegħed li kien se jkun leali lejn dawk li jħobbuh u jobdu l-​kmandamenti tiegħu. (Aqra Eżodu 20:1-6.) Ġeħova kien qed jgħid lill-​Iżraelin li jekk huma jibqgħu fuq in-​naħa tiegħu, hu kien se jibqaʼ fuq in-​naħa tagħhom. Kieku int kont qalb dik il-​folla, kif kont tħossok xħin tismaʼ l-​kliem taʼ Ġeħova? Probabilment kont twieġeb bħall-​Iżraelin, li qalu: “Aħna lesti li nagħmlu l-​kliem kollu li qal Ġeħova.” (Eżodu 24:3) Imma ftit wara, ġrat xi ħaġa li kienet se tittestja l-​lealtà tal-​Iżraelin lejn Alla. Taf x’kienet?

13. Il-​lealtà tal-​Iżraelin kif ġiet ittestjata?

13 L-​Iżraelin beżgħu minn dik il-​wirja drammatika tal-​qawwa t’Alla, u għalhekk Mosè telaʼ fuq il-​Muntanja Sinaj u kellem lil Ġeħova għalihom. (Eżodu 20:18-21) Imma beda għaddej il-​ħin, u Mosè ma niżilx lura l-​kamp. Kien jidher li l-​Iżraelin kienu se jibqgħu fix-​xagħri mingħajr il-​mexxej tagħhom. X’kienu se jagħmlu? Jistaʼ jkun li huma kienu straħu wisq fuq il-​mexxej uman tagħhom, Mosè. Huma bdew jinkwetaw u qalu lil Aron: “Agħmlilna alla li jimxi qabilna, għax dan Mosè, il-​bniedem li tellagħna mill-​art taʼ l-​Eġittu, ma nafux x’sar minnu.”—Eżodu 32:1, 2.

14. L-​Iżraelin b’liema raġunar qarrqu bihom infushom, u Ġeħova kif irreaġixxa?

14 L-​Iżraelin kienu jafu li kien ħażin li jqimu l-​idoli. (Eżodu 20:3-5) Imma malajr bdew iqimu l-​għoġol tad-​deheb! Minkejja li m’obdewx il-​kmandament taʼ Ġeħova, huma qarrqu bihom infushom f’li jaħsbu li xorta kienu għadhom fuq in-​naħa taʼ Ġeħova. Aron anki sejjaħ din il-​qima tal-​għoġol “festa lil Ġeħova”! X’għamel Ġeħova? Hu qal lil Mosè li n-​nies kienu ‘aġixxew b’mod mill-​agħar’ u ‘warrbu mit-​triq li [Hu] kkmandahom biex jimxu fiha.’ Ġeħova tant kien irrabjat li anki ħaseb biex jeqred lill-​poplu kollu.—Eżodu 32:5-10.

Ġeħova ta lill-​Iżraelin iċ-​ċans biex juru li huma riedu jkunu fuq in-​naħa tiegħu

15, 16. Mosè u Aron kif urew li kienu kompletament fuq in-​naħa taʼ Ġeħova? (Ara l-​ewwel stampa.)

15 Imma Ġeħova hu Alla ħanin. Hu ddeċieda li ma jeqridx lill-​poplu. Minflok, hu ta lill-​Iżraelin iċ-​ċans biex juru li huma riedu jkunu fuq in-​naħa tiegħu. (Eżodu 32:14) Meta Mosè ra lin-​nies jgħajtu, ikantaw, u jiżfnu quddiem l-​istatwa, hu kisser l-​għoġol tad-​deheb u ġabu trab. Imbagħad għajjat: “Min hu fuq in-​naħa taʼ Ġeħova? Ħa jiġi ħdejja!” U l-​Leviti kollha nġabru madwar Mosè.—Eżodu 32:17-20, 26.

16 Għalkemm kien Aron li għamel l-​għoġol tad-​deheb, hu nidem u, flimkien mal-​bqija tal-​Leviti, għażel li jkun fuq in-​naħa taʼ Ġeħova. Dawn l-​uħud leali wrew biċ-​ċar li ma kinux fuq in-​naħa tal-​ħżiena. Din kienet għażla għaqlija, għax iktar tard f’dik il-​ġurnata, eluf li qiemu l-​għoġol tad-​deheb mietu. Imma dawk li kienu fuq in-​naħa taʼ Ġeħova salvaw, u Ġeħova wegħedhom li se jberikhom.—Eżodu 32:27-29.

17. X’nitgħallmu minn dak li Pawlu kiteb dwar l-​għoġol tad-​deheb?

17 X’inhi l-​lezzjoni għalina? L-​appostlu Pawlu qal: “Dan sar b’eżempju għalina” biex qatt ma “nsiru idolatri,” jiġifieri biex qatt ma nqimu allat foloz. Pawlu spjega li dawn ir-​rakkonti ‘nkitbu bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi. Għaldaqstant, min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.’ (1 Korintin 10:6, 7, 11, 12) Bħalma ġibed l-​attenzjoni Pawlu, anki dawk li jqimu lil Ġeħova jistgħu jibdew jinvolvu ruħhom f’affarijiet ħżiena. Jistgħu anki jaħsbu li Ġeħova għadu japprovahom. Imma billi xi ħadd irid ikun il-​ħabib taʼ Ġeħova jew jgħid li hu leali mhux dejjem ifisser li fil-​fatt Ġeħova se japprovah.—1 Korintin 10:1-5.

18. X’jistaʼ jwassalna biex nibdew nitbiegħdu minn Ġeħova, u xi jkunu l-​konsegwenzi?

18 Meta Mosè ma niżilx mis-​Sinaj malajr daqskemm l-​Iżraelin stennew, huma saru ansjużi. Jekk it-​tmiem taʼ din is-​sistema ma ġiex malajr daqskemm stennejna, aħna wkoll nistgħu nsiru ansjużi. Nistgħu nibdew naħsbu li l-​futur mill-​isbaħ li wegħedna Ġeħova hu ’l bogħod wisq jew hu sabiħ wisq biex ikun reali, u nistgħu nibdew niffokaw fuq dak li nixtiequ aħna minflok fuq dak li jixtieq Ġeħova. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nibdew nitbiegħdu minn Ġeħova u nagħmlu affarijiet li qatt ma konna nimmaġinaw li se nagħmlu.

19. X’għandna dejjem niftakru, u għala?

19 Ġeħova jitlob minna li nobduh kompletament u li nqimu lilu biss. (Eżodu 20:5) Għala jitlobna dan? Għax iħobbna. Jekk ma nagħmlux dak li jridna hu, aħna se nkunu qed nagħmlu dak li jrid Satana, u dan se jkun taʼ ħsara għalina. Pawlu qal: “Ma tistgħux tixorbu l-​kies taʼ Ġeħova u l-​kies tad-​demonji; ma tistgħux tieħdu sehem mill-​‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-​mejda tad-​demonji.”—1 Korintin 10:21.

IBQAʼ QRIB TAʼ ĠEĦOVA!

20. Kif jistaʼ Ġeħova jgħinna anki meta nkunu għamilna żball?

20 Kajjin, Salamun, u l-​Iżraelin ilkoll kellhom l-​opportunità li jindmu u jbiddlu l-​imġiba tagħhom. (Atti 3:19) Mela jidher ċar li Ġeħova ma jaqtax qalbu min-​nies malajr għax sempliċiment jagħmlu żball. Aħseb kif hu ħafer lil Aron. Illum, Ġeħova jagħtina twissijiet bi mħabba biex jipproteġina milli nagħmlu dak li hu ħażin. Hu juża l-​Bibbja, il-​pubblikazzjonijiet tagħna, u anki lil ħutna Kristjani. Meta noqogħdu attenti għat-​twissijiet taʼ Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li hu se jkun ħanin magħna.

21. X’għandna nagħmlu meta l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova tiġi ttestjata?

21 Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova għandha skop. (2 Korintin 6:1) Tagħtina l-​opportunità “nwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja.” (Aqra Titu 2:11-14.) F’din is-​sistema, dejjem se jkun hemm sitwazzjonijiet li se jittestjaw il-​lealtà tagħna lejn Ġeħova. Kun determinat li tibqaʼ kompletament fuq in-​naħa taʼ Ġeħova, u ftakar li “minn Ġeħova Alla tiegħek għandek tibżaʼ. Lilu għandek taqdi, u miegħu għandek tintrabat!”—Dewteronomju 10:20.