Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma għajnejk fuq Ġeħova?

Huma għajnejk fuq Ġeħova?

“Lejk għollejt għajnejja, O Int li tgħammar [jew, “li qiegħed fuq it-​tron” *] fis-​smewwiet.”—SALM 123:1.

GĦANJIET: 143, 124

1, 2. Xi jfisser li għajnejna jkunu fuq Ġeħova?

AĦNA qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi” li huma “diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) U l-​ħajja se ssir saħansitra iktar iebsa qabel Ġeħova jeqred din id-​dinja ħażina u jġib paċi vera fuq l-​art. Għalhekk, għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Lejn min indur għall-​għajnuna u d-​direzzjoni?’ Forsi malajr ngħidu, “Lejn Ġeħova,” u din hi l-​aħjar tweġiba.

2 Xi jfisser li għajnejna jkunu fuq Ġeħova? U kif nistgħu nkunu ċerti li jibqaʼ jkollna għajnejna fuq Ġeħova, jew li nduru lejh, meta jkollna l-​problemi? Ħafna żmien ilu, kittieb tal-​Bibbja spjega kemm jeħtieġ li nagħmlu dan meta jkollna bżonn l-​għajnuna. (Aqra Salm 123:1-4.) Hu qal li meta nduru lejn Ġeħova, aħna nkunu bħal qaddej li għajnejh ikunu fuq sidu. Dan kif? Qaddej idur lejn, jew jistrieħ fuq, sidu biex jagħtih l-​ikel u jipproteġih. Iżda hu għandu wkoll iżomm għajnejh fuq sidu l-​ħin kollu sabiex jifhem dak li sidu jridu jagħmel, u mbagħad għandu jagħmlu. B’mod simili, aħna għandna nistudjaw il-​Kelma t’Alla bir-​reqqa kuljum sabiex nifhmu dak li Ġeħova jridna nagħmlu, u mbagħad għandna nagħmluh. B’hekk nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna meta jkollna bżonn l-​għajnuna.—Efesin 5:17.

3. X’jistaʼ jaljenana milli nistrieħu fuq Ġeħova?

3 Għalkemm nafu li dejjem għandna nistrieħu fuq Ġeħova, kultant nistgħu nibdew naljenaw. Eżattament hekk ġara lil Marta, ħabiba kbira taʼ Ġesù. Marta saret “aljenata b’ħafna xogħol.” (Luqa 10:40-42) Jekk persuna leali bħal Marta bdiet taljena ruħha minkejja li Ġesù kien ħdejha, m’għandniex nissorprendu ruħna li nistgħu nibdew naljenaw aħna wkoll. Allura, x’jistaʼ jaljenana milli nistrieħu fuq Ġeħova? F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif nistgħu naljenaw ruħna b’dak li oħrajn jagħmlu. U se nitgħallmu kif nibqgħu nistrieħu fuq Ġeħova.

RAĠEL LEALI TILEF PRIVILEĠĠ

4. Għala għandna mnejn nissorprendu ruħna li Mosè tilef il-​privileġġ li jidħol fl-​Art Imwiegħda?

4 Ċertament, Mosè straħ fuq Ġeħova għad-​direzzjoni. Il-​Bibbja tgħidilna li hu “baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Aqra Ebrej 11:24-27.) Tgħid ukoll li “qatt ma kien deher f’Israel profeta bħal Mosè, li lilu Ġeħova kien jafu wiċċ imbwiċċ.” (Dewteronomju 34:10) Imma għalkemm Mosè kien ħabib kbir taʼ Ġeħova, hu tilef il-​privileġġ li jidħol fl-​Art Imwiegħda. (Numri 20:12) X’mar ħażin?

5-7. X’ġara ftit wara li l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, u x’għamel Mosè?

5 Inqas minn xahrejn wara li l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, u qabel saħansitra waslu ħdejn il-​Muntanja Sinaj, ġrat xi ħaġa serja. In-​nies bdew igergru għax ma kienx hemm ilma. Bdew jiħduha kontra Mosè u tant saru rrabjati li “Mosè għajjat lil Ġeħova, u qallu: ‘X’se nagħmel b’dawn in-​nies? Ftit ieħor u jħaġġruni!’” (Eżodu 17:4) Ġeħova ta lil Mosè struzzjonijiet ċari. Hu qallu jieħu l-​ħatar u jagħti daqqa fuq il-​blata fil-​Ħoreb. Il-​Bibbja tgħid: “Mosè hekk għamel taħt għajnejn ix-​xjuħ taʼ Israel.” Imbagħad ħareġ l-​ilma, l-​Iżraelin kellhom ħafna x’jixorbu, u l-​problema ġiet solvuta.—Eżodu 17:5, 6.

6 Il-​Bibbja tgħidilna li Mosè sejjaħ il-​post Massah, li jfisser “Għadda minn Prova,” u Meriba, li jfisser “Tilwim; Ġlied; Tħaqqiq.” Għala? “Minħabba t-​tilwim taʼ wlied Israel u minħabba li għaddew lil Ġeħova minn prova, billi qalu: ‘Ġeħova qiegħed fostna jew le?’”—Eżodu 17:7.

7 Kif ħassu Ġeħova dwar dak li ġara f’Meriba? Hu ħass li l-​Iżraelin kienu rribellaw kontrih u kontra l-​awtorità tiegħu, u mhux sempliċement kontra Mosè. (Aqra Salm 95:8, 9.) Dak li għamlu l-​Iżraelin kien ħażin ħafna. Imma Mosè għamel l-​aħjar ħaġa. Hu straħ fuq Ġeħova u mbagħad mexa sew skont l-​istruzzjonijiet tiegħu.

8. X’ġara qrib it-​tmiem tal-​vjaġġ tal-​Iżraelin fix-​xagħri?

8 Madankollu, x’ġara f’sitwazzjoni simili madwar 40 sena wara? L-​Iżraelin kienu kważi fit-​tmiem tal-​vjaġġ tagħhom fix-​xagħri. Huma waslu f’post ħdejn Kades, qrib l-​Art Imwiegħda. Dan il-​post sar magħruf ukoll bħala Meriba. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Għala? Għaliex l-​Iżraelin reġgħu gergru li ma kienx hemm ilma. (Numri 20:1-​5) Imma din id-​darba, Mosè għamel żball serju.

9. Ġeħova xi struzzjonijiet ta lil Mosè, iżda Mosè x’għamel? (Ara l-​ewwel stampa.)

9 X’għamel Mosè meta n-​nies irribellaw? Għal darb’oħra reġaʼ straħ fuq Ġeħova għad-​direzzjoni. Iżda din id-​darba Ġeħova ma qalx lil Mosè biex jagħti daqqa fuq il-​blata. Hu qal lil Mosè biex jieħu l-​ħatar tiegħu, jiġbor lin-​nies ħdejn il-​blata, u mbagħad ikellem lill-​blata. (Numri 20:6-8) Hekk għamel Mosè? Le. Tant kien mifxul u rrabjat li beda jgħajjat man-​nies: “Isimgħu, issa, ja ribelli! Minn din il-​blata triduna noħorġulkom l-​ilma?” Imbagħad ħabbat fuq il-​blata, mhux biss darba, imma darbtejn.—Numri 20:10, 11.

Mosè ma obdiex id-​direzzjonijiet ġodda li Ġeħova kien tah

10. Ġeħova kif irreaġixxa għal dak li għamel Mosè?

10 Ġeħova rrabja ħafna maʼ Mosè. (Dewteronomju 1:37; 3:26) Ġeħova għala rreaġixxa b’dan il-​mod? Raġuni waħda tistaʼ tkun li Mosè ma obdiex id-​direzzjonijiet ġodda li Ġeħova kien tah.

11. Peress li Mosè ħabbat fuq il-​blata, għala setaʼ ġiegħel lill-​Iżraelin jaħsbu li ma kienx Ġeħova li għamel miraklu?

11 Jistaʼ jkun hemm raġuni oħra għala Ġeħova kien irrabjat. Il-​blat enormi fl-​ewwel Meriba hu granit. Minkejja kemm wieħed iħabbat bis-​salt fuq il-​granit, ħadd ma jistenna li joħroġ l-​ilma minnu. Imma l-​blat fit-​tieni Meriba hu differenti ħafna. Fil-​biċċa l-​kbira hu tip taʼ blat imsejjaħ ġebla tal-​ġir. Peress li l-​ġebla tal-​ġir hi tip taʼ blata iktar ratba, l-​ilma spiss jidħol fiha u jinġabar taħt l-​art. Imbagħad, in-​nies jistgħu jġibu dan l-​ilma billi jħaffru toqba fil-​blata. Allura meta Mosè ħabbat fuq il-​blata minflok ma kellimha, setgħu l-​Iżraelin ħasbu li l-​ilma ħareġ b’mod naturali u mhux għax Ġeħova għamel miraklu? * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Ma nistgħux ngħidu fiċ-​ċert.

KIF MOSÈ RRIBELLA

12. X’raġuni oħra jistaʼ jkun hemm għala Ġeħova kien irrabjat maʼ Mosè u Aron?

12 Xorta waħda, jistaʼ jkun hemm raġuni oħra għala Ġeħova kien tant irrabjat maʼ Mosè u Aron. Mosè qal lin-​nies: “Minn din il-​blata triduna noħorġulkom l-​ilma?” Meta Mosè qal “triduna,” hu probabbilment kien qed jirreferi għalih innifsu u Aron. Mosè wera diżrispett kbir b’dak li qal għax ma tax il-​krettu kollu lil Ġeħova għal dak il-​miraklu. Salm 106:32, 33 jgħid: “Huma qanqlu r-​rabja [taʼ Ġeħova] ħdejn l-​ilmijiet taʼ Meriba, u b’hekk ħabatlu ħażin lil Mosè minħabba fihom. Għax huma mlewlu l-​ispirtu tiegħu bl-​imrar u beda jitkellem bla ħsieb b’xofftejh.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Numri 27:14) Mosè ma onorax lil Ġeħova bħalma jistħoqqlu. Ġeħova qal lil Mosè u Aron: “Intom irribellajtu kontra l-​ordni tiegħi.” (Numri 20:24) Dan kien dnub serju ħafna!

13. Għala l-​mod kif Ġeħova kkastiga lil Mosè kien tajjeb u ġust?

13 Ġeħova stenna iktar minn Mosè u Aron għax huma kienu qed imexxu lill-​poplu Tiegħu. (Luqa 12:48) Fil-​passat, Ġeħova ma kienx ħalla ġenerazzjoni sħiħa taʼ Iżraelin tidħol fl-​Art Imwiegħda għax kienu rribellaw kontrih. (Numri 14:26-30, 34) Allura kien tajjeb u ġust li meta Mosè rribella, Ġeħova kkastigah bl-​istess mod. L-​istess bħar-​ribelli l-​oħra, Mosè ma tħalliex jidħol fl-​Art Imwiegħda.

X’WASSAL LIL MOSÈ BIEX JIRRIBELLA?

14, 15. X’wassal lil Mosè biex jirribella kontra Ġeħova?

14 X’wassal lil Mosè biex jirribella kontra Ġeħova? Erġaʼ nnota x’jgħid Salm 106:32, 33: “Huma qanqlu r-​rabja [taʼ Ġeħova] ħdejn l-​ilmijiet taʼ Meriba, u b’hekk ħabatlu ħażin lil Mosè minħabba fihom. Għax huma mlewlu l-​ispirtu tiegħu bl-​imrar u beda jitkellem bla ħsieb b’xofftejh.” Allura għalkemm l-​Iżraelin qanqlu r-​rabja taʼ Ġeħova, kien Mosè li mtela bl-​imrar, jew bir-​rabja. Ma żammx kontroll fuqu nnifsu imma tkellem mingħajr ma ħaseb dwar il-​konsegwenzi.

15 Mosè ma baqax jistrieħ fuq Ġeħova għax ħalla l-​azzjonijiet t’oħrajn jaljenawh. Fl-​ewwel darba li n-​nies gergru dwar l-​ilma, Mosè għamel dak li kien tajjeb. (Eżodu 7:6) Imma forsi beda jegħja u sar irritat minħabba li l-​Iżraelin kienu rribellaw għal ħafna snin. Jistaʼ jkun li Mosè issa kien qed jaħseb biss dwar kif kien qed iħossu hu minflok kif setaʼ jigglorifika lil Ġeħova.

Aħna għandna nkomplu nistrieħu fuq Ġeħova u nobduh dejjem

16. Għala għandna naħsbu dwar x’għamel Mosè?

16 Jekk profeta leali bħalma kien Mosè setaʼ jaljena ruħu u jidneb, l-​istess ħaġa tistaʼ faċilment tiġri lilna. Mosè kien wasal biex jidħol fl-​Art Imwiegħda, u aħna wasalna biex nidħlu fid-​dinja l-​ġdida. (2 Pietru 3:13) Żgur li ma rridux nitilfu dan il-​privileġġ speċjali. Imma biex nidħlu fid-​dinja l-​ġdida, aħna għandna nkomplu nistrieħu fuq Ġeħova u nobduh dejjem. (1 Ġwanni 2:17) X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​iżball taʼ Mosè?

TĦALLIX DAK LI OĦRAJN JAGĦMLU JALJENAK

17. Kif nistgħu nevitaw li nitilfu l-​kontroll fuqna nfusna meta nkunu rritati?

17 Titlifx il-​kontroll fuqek innifsek meta tkun irritat. Kultant ngħaddu mill-​istess problemi għal darba wara l-​oħra. Imma l-​Bibbja tgħid: “Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-​żmien naħsdu jekk ma negħjewx.” (Galatin 6:9; 2 Tessalonikin 3:13) Meta xi ħaġa jew xi ħadd jirritana ħafna drabi, naħsbu qabel nitkellmu? Nikkontrollaw it-​tempra tagħna? (Proverbji 10:19; 17:27; Mattew 5:22) Meta oħrajn jipprovokawna, jew jirrabjawna, għandna bżonn nitgħallmu ‘nagħmlu l-​wisaʼ għall-​korla,’ jew inħallu lil Ġeħova jesprimi r-​rabja tiegħu. (Aqra Rumani 12:17-21.) Dan xi jfisser? Minflok ma nirrabjaw, aħna bil-​paċenzja nistennew lil Ġeħova jagħmel xi ħaġa dwar il-​problema tagħna meta jaħseb li hu neċessarju. Jekk nipprovaw inpattu minflok ma nistrieħu fuq Ġeħova, aħna nkunu qed nuru diżrispett lejh.

18. X’għandna niftakru dwar li nimxu mad-​direzzjonijiet?

18 Segwi b’attenzjoni l-​aħħar direzzjonijiet. Nimxu aħna b’lealtà mal-​aħħar direzzjonijiet li Ġeħova tana? M’għandniex nibqgħu nagħmlu l-​affarijiet bil-​mod li dejjem għamilniehom fil-​passat sempliċiment għax hekk imdorrijin nagħmlu. Minflok, għandna nkunu pronti biex nimxu maʼ kwalunkwe direzzjoni ġdida li Ġeħova jagħtina permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu. (Ebrej 13:17) Ukoll, għandna noqogħdu attenti biex ma ‘mmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub.’ (1 Korintin 4:6) Meta nsegwu d-​direzzjonijiet taʼ Ġeħova b’attenzjoni, aħna nibqgħu nistrieħu fuqu.

L-​attendant li hu iżgħar fl-età qed iħalli l-​iżbalji t’oħrajn jaffettwawh. X’għandu jgħallimna l-​eżempju taʼ Mosè? (Ara paragrafu 19)

19. Kif nistgħu nevitaw li nħallu l-​iżbalji t’oħrajn jagħmlu l-​ħsara lill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

19 Tħallix l-​iżbalji t’oħrajn jagħmlu l-​ħsara lill-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Jekk inkomplu nistrieħu fuq Ġeħova, m’aħniex se nħallu l-​azzjonijiet t’oħrajn jirrabjawna jew jagħmlu l-​ħsara lill-​ħbiberija tagħna miegħu. Dan hu speċjalment importanti jekk, bħal Mosè, għandna xi responsabbiltà fl-​organizzazzjoni t’Alla. Bla dubju, kull wieħed minna jeħtieġ li jaħdem iebes u jobdi lil Ġeħova sabiex isalva. (Filippin 2:12) Madankollu, iktar ma jkollna responsabbiltà, iktar jistenna mingħandna Ġeħova. (Luqa 12:48) Imma jekk verament inħobbu lil Ġeħova, xejn mhu se jfixkilna jew jifridna minn imħabbtu.—Salm 119:165; Rumani 8:37-39.

20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

20 Aħna ngħixu fi żminijiet diffiċli u taʼ sfida. Għalhekk, hu importanti ħafna li nibqgħu nduru lejn, jew nistrieħu fuq Ġeħova, li qiegħed fuq it-​tron fis-​smewwiet, sabiex nifhmu xi jridna nagħmlu. Qatt m’għandna nħallu l-​azzjonijiet t’oħrajn jagħmlu l-​ħsara lill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Dak li ġara lil Mosè jgħallimna din il-​lezzjoni importanti ħafna. Minflok ma nirreaġixxu żżejjed meta oħrajn jiżbaljaw, ejja nkunu determinati biex ‘għajnejna jkunu fuq Ġeħova Alla tagħna sakemm iħenn għalina.’—Salm 123:1, 2.

^ par. 2 Skont it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Ingliż, edizzjoni tal-​2013.

^ par. 8 Dan il-​post Meriba kien differenti mill-​Meriba ħdejn Refidim li wkoll kien jissejjaħ Massah. Madankollu, iż-​żewġ postijiet kienu jissejħu Meriba għaliex hemmhekk l-​Iżraelin gergru.—Ara l-​mappa f’Taqsima 7 tal-​ktejjeb Gwida għall-​istudju tal-​Kelma t’Alla.

^ par. 11 Studjuż tal-​Bibbja jgħid li skont tradizzjoni Lhudija, ir-​ribelli qalu li dan ma kienx miraklu għax Mosè kien jaf li din il-​blata kellha l-​ilma fiha. Allura riduh jirripeti l-​miraklu fuq blata oħra. M’għandniex xi ngħidu, din hi biss tradizzjoni.

^ par. 12 Ara t-Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Jannar 2010, p. 19, para. 3-​5 u t-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 t’Ottubru 1987, “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja.”