Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Veru li Ġesù miet għalija?

Veru li Ġesù miet għalija?

IL-​Bibbja hi mimlija b’espressjonijiet li ġejjin mill-​qalb taʼ rġiel li kellhom “sentimenti bħal tagħna.” (Ġak. 5:17) Pereżempju, nistgħu faċilment nifhmu x’ried ifisser Pawlu meta qal il-​kliem imniżżel f’​Rumani 7:21-24: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija. . . . Bniedem miżerabbli li jien!” Meta jkollna niġġieldu kontra l-​imperfezzjonijiet tagħna stess, mhuwiex inkuraġġanti li nafu li raġel leali bħal Pawlu ħass dawn is-​sentimenti dwaru nnifsu?

Imma Pawlu tkellem ukoll dwar sentimenti oħra. Hu qal: “L-​Iben t’Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” (Gal. 2:20) Pawlu kien ċert minn dan. Tħossok l-​istess inti? Forsi mhux dejjem.

Jekk xorta għadna nħossuna ħatjin dwar l-​iżbalji li għamilna fil-​passat, nistgħu ma nemmnux li Ġeħova jħobbna u li ħafrilna, u dan jistaʼ jagħmilhielna diffiċli nemmnu li s-​sagrifiċċju tal-​fidwa hu rigal personali għalina. Veru li Ġesù jridna nqisu l-​fidwa bħala rigal personali għalina? Jekk iva, x’jistaʼ jgħinna nagħmlu dan? Ejja neżaminaw dawn iż-​żewġ mistoqsijiet.

KIF ĠESÙ JQIS IS-​SAGRIFIĊĊJU TIEGĦU

Iva, Ġesù jridna nqisu s-​sagrifiċċju tiegħu   bħala rigal personali. Kif nistgħu nkunu ċerti? Immaġina x-​xena mniżżla f’​Luqa 23:39-​43. Raġel jinsab imdendel maʼ zokk tat-​tortura ħdejn Ġesù. Hu jammetti li għamel xi ħaġa ħażina. L-​att kriminali żgur li kien serju għax nies kriminali biss li għamlu affarijiet ħżiena kienu jingħataw dal-​kastig. Dan ir-​raġel jinsab inkwetat ħafna u jitlob lil Ġesù: “Ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.”

Ġesù x’għamel? Immaġinah, minkejja l-​uġigħ li kellu, hu jdawwar rasu lejn il-​kriminal u jħares f’għajnejh. Għalkemm muġugħ, Ġesù jitbissem u jinkuraġġixxi lir-​raġel: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” Ġesù setaʼ sempliċiment fakkar lir-​raġel li ‘Bin il-​bniedem ġie biex jagħti ruħu   b’fidwa għal ħafna.’ (Mt. 20:28) Imma minflok, Ġesù b’qalb tajba applika s-​sagrifiċċju tiegħu speċifikament għal dan ir-​raġel. Hu b’ton ħelu uża l-​kliem “int” u “miegħi.” U Ġesù semma benefiċċju personali li s-​sagrifiċċju tiegħu kien se joffri lill-​kriminal: li hu setaʼ jgħix f’Ġenna fuq l-​art.

Bla dubju, Ġesù ried lil dan ir-​raġel jifhem li s-​sagrifiċċju li daqt kien se jagħmel kien se jkun taʼ benefiċċju għalih. Jekk Ġesù ħassu b’dal-​mod dwar kriminal li ma kienx għad kellu ċ-​ċans jaqdi lil Alla, hu żgur se jħossu l-​istess dwar Kristjan mgħammed li qed jaqdi lil Alla. X’jistaʼ jgħinna, mela, biex verament nemmnu li s-​sagrifiċċju taʼ Kristu se jkun taʼ benefiċċju għalina personalment minkejja d-​dnubiet li għamilna fil-​passat?

X’GĦEN LIL PAWLU

Minħabba li Ġesù ta lil Pawlu l-​inkarigu biex jipprietka, Pawlu setaʼ jifhem li Ġesù kien miet għalih. Kif? Hu spjega: “Jien grat lejn Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna, li tani l-​qawwa, għax qiesni bħala wieħed leali billi tani ministeru, għalkemm qabel kont midgħi u persekutur u raġel insolenti.” (1 Tim. 1:12-14) Permezz taʼ dan l-​inkarigu Pawlu kien konvint mill-​maħfra, l-​imħabba, u l-​fiduċja li wrieh Ġesù b’mod personali. Ġesù anki lil kull wieħed u waħda minna tana inkarigu li nippritkaw l-​aħbar tajba. (Mt. 28:19, 20) Jistaʼ dan jgħinna nifhmu aħjar li Ġesù miet għalina wkoll?

Albert, li riċentement ġie lura għand Ġeħova wara li kien ilu kważi 34 sena maqtugħ mis-​sħubija, jispjega: “L-​iżbalji li għamilt fil-​passat ma nistax ninsiehom. Imma meta nkun fil-​ministeru, inħossni bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu, li ngħatajt inkarigu mingħand Ġesù. Dan iġegħelni nħossni iktar ferħan u iktar pożittiv dwari nnifsi, ħajti, u l-​futur.”—Salm 51:3.

Hekk kif tistudja maʼ kull tip taʼ nies, aċċertahom mill-ħniena u l-imħabba li Ġesù għandu għalihom

Allan, li qabel ma tgħallem il-​verità wettaq ħafna kriminalità u kien vjolenti ħafna, jammetti: “Xorta għadni naħseb fil-​ħsara li għamilt lin-​nies. Kultant dan jagħmilni dipress. Imma nirringrazzja lil Ġeħova li ta ċans lil midneb bħali jxandar l-​aħbar tajba. Meta nara n-​nies iwieġbu b’mod pożittiv għall-​verità jfakkarni kemm Ġeħova hu qalbu tajba u jħobbna. Inħoss li hu qed juża lili biex ngħin lil oħrajn li bħali għamlu affarijiet ħżiena.”

Il-​ministeru personali tagħna jgħinna niffokaw l-​enerġija tagħna fuq azzjonijiet u ħsibijiet pożittivi. Dan jaċċertana mill-​ħniena u l-​imħabba li Ġesù għandu għalina, u mill-​fiduċja li għandu fina.

ĠEĦOVA HU AKBAR MINN QLUBNA

Sa ma jasal iż-​żmien biex din is-​sistema ħażina taʼ Satana tinqered, xorta nistgħu nħossu dwejjaq kbar minħabba l-​iżbalji li għamilna fil-​passat. X’se jgħinna niġġieldu sentimenti bħal dawn?

“Jogħġobni li ‘Alla hu akbar minn qlubna,’” tgħid Jean, li spiss ikollha sentimenti taʼ ħtija minħabba l-​ħajja doppja li għexet meta kienet żagħżugħa. (1 Ġw. 3:19, 20) Bħal Jean, aħna nistgħu nħossuna aħjar li nafu li Ġeħova u Ġesù jifhmu li aħna midinbin. Ftakar, huma bi mħabba pprovdew il-​fidwa, mhux għal nies perfetti, imma għal uħud midinbin niedma.—1 Tim. 1:15.

Aħna se nħossuna ċerti li l-​fidwa hi rigal personali għalina jekk nimmeditaw fil-​fond fuq il-​mod kif Ġesù tratta maʼ nies imperfetti u meta nagħmlu dak kollu li nistgħu fil-​ministeru li tana. Billi tagħmel dan, bħal Pawlu, int se tkun tistaʼ tgħid: Ġesù “ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.”