Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Għamilt Dak li Kelli Nagħmel

Għamilt Dak li Kelli Nagħmel

Għal iktar minn 30 sena, Donald Ridley kien avukat li ddefenda lix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​qrati. Hu kellu rwol importanti biex jgħin lin-​nies, lit-​tobba, u l-​imħallfin jifhmu d-​dritt tal-​pazjenti għala ma jaċċettawx id-​demm. Hu għen lix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Istati Uniti biex jirbħu każijiet importanti fil-​qrati. Don kien bieżel, umli, u lest li jagħmel sagrifiċċji għal oħrajn.

Fl-​2019, it-​tobba sabu li kellu marda rari li m’hemmx kura għaliha. Il-​marda nfirxet f’daqqa, u hu miet fis-​16 t’Awwissu 2019. Din hija l-​istorja tiegħu.

Jien twelidt fl-​1954 f’St. Paul, Minnesota, fl-​Istati Uniti, ġo familja Kattolika. Jien it-​tieni wieħed minn ħames aħwa. Kont immur skola tal-​Knisja u kont abbati. Però, kont naf ftit dwar il-​Bibbja. Għalkemm emmint li kien hemm Alla li ħalaq kollox, tlift il-​fiduċja tiegħi fil-​Knisja.

KIF SIBT IL-​VERITÀ

Matul l-​ewwel sena li kont qed nistudja l-​Liġi, ħabbtuli x-​Xhieda taʼ Ġeħova d-​dar. Peress li kont qed naħsel il-​ħwejjeġ, il-​koppja offrew li jerġgħu jiġu. Meta ġew, kelli żewġ mistoqsijiet għalihom: “Għala n-​nies ħżiena jirnexxu u t-​tajbin le?” u “Xi rrid nagħmel biex inkun verament ferħan?” Tawni l-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna u t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa, tal-​qoxra ħadra. Bdejt nistudja l-​Bibbja u bqajt skantat b’dak li tgħallimt. Ħadt pjaċir nitgħallem li s-​Saltna t’Alla hi gvern li se jmexxi fuq l-​art. Stajt nara li t-​tmexxija tal-​bniedem ġabet riżultati koroh, bħat-​tbatija u l-​inġustizzja.

Fil-​bidu tal-​1982, iddedikajt lili nnifsi lil Ġeħova f’talba. Iktar tard dik is-​sena tgħammidt fil-​konvenzjoni bit-​tema: “Verità dwar is-​Saltna” ġo St. Paul Civic Center. Il-​ġimgħa taʼ wara, mort fl-​istess post għall-​eżami biex insir avukat. Fil-​bidu t’Ottubru, sirt naf li għaddejt u stajt naħdem bħala avukat.

F’dik il-​konvenzjoni ltqajt maʼ Mike Richardson, li kien Betelit fi Brooklyn. Hu spjegali li fil-​kwartieri ġenerali kienu fetħu dipartiment legali. Ġie f’moħħi l-​kliem tal-​ewnuku Etjopjan f’​Atti 8:36 u staqsejt lili nnifsi, ‘X’qed iżommni milli napplika biex naħdem fid-​Dipartiment Legali?’ Għalhekk, applikajt għal Betel.

Il-​ġenituri tiegħi ma ħadux pjaċir li sirt wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Fil-​fatt, missieri staqsieni: ‘Kif se tavanza bħala avukat jekk taħdem f’Betel?’ Jien spjegajtlu li kont se naħdem b’mod volontarju, mhux għal flus, u li se jtuni biss $75 (€70) fix-​xahar bħal Beteliti l-​oħrajn.

Fl-​1984, bdejt naqdi fid-​Dipartiment Legali f’Betel, għax qabel kelli nlesti xogħol li diġà kont aċċettajt. Imma l-​esperjenza li ksibt fuq dak ix-​xogħol kienet taʼ għajnuna kbira għal dak li kien ġej.

IR-​RINOVAZZJONI TAT-​TEATRU STANLEY

Ritratt tat-Teatru Stanley meta xtrajnieh

It-​Teatru Stanley, fi New Jersey, inxtara f’Novembru tal-​1983. L-​aħwa applikaw għall-​permess biex jirranġaw is-​sistemi tad-​dawl u l-​ilma. Huma ltaqgħu mal-​awtoritajiet u spjegawlhom li riedu jużaw it-​teatru għall-​konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dan qajjem problema. Skont il-​liġi, postijiet għall-​qima kellhom ikunu fi nħawi fejn joqogħdu n-​nies. Imma t-​Teatru Stanley qiegħed fil-​qalba tal-​ħwienet u l-​uffiċini, għalhekk ma ridux joħorġulna l-​permess. L-​aħwa ma qablux mad-​deċiżjoni u għalhekk appellawha, imma għalxejn.

Fl-​ewwel ġimgħa Betel, l-​organizzazzjoni fetħet kawża biex ittellaʼ l-​awtoritajiet il-​qorti. Ladarba kont għadni kif ħdimt sentejn ġo qorti f’St. Paul, Minnesota, kont familjari ħafna maʼ każijiet bħal dawn. Wieħed mill-​avukati tagħna qajjem irraġunar li jekk it-​Teatru Stanley kien intuża għal avvenimenti differenti bħal films u kunċerti tal-​mużika, għala kien kontra l-​liġi li jintuża għal avveniment reliġjuż? Il-​qorti kkunsidrat il-​każ u ddeċidiet li l-​awtoritajiet taʼ New Jersey marru kontra l-​libertà tar-​reliġjon. Il-​qorti ordnat biex joħroġ il-​permess. Minn hemmhekk bdejt nara kif Ġeħova jbierek ix-​xogħol legali tal-​organizzazzjoni tiegħu biex ix-​xogħol jibqaʼ għaddej. Kont vera ferħan li kelli sehem f’dan.

L-​aħwa bdew rinovazzjoni kbira. F’inqas minn sena wara, fit-​8 taʼ Settembru 1985, saret il-​gradwazzjoni tad-​79 klassi taʼ Gilegħad fit-​Teatru Stanley. Kien privileġġ għalija li għent lil Ġeħova f’dan. Kont għal qalbi iżjed mix-​xogħol li għamilt qabel dħalt Betel. Min kellu jgħidli li Ġeħova kellu jużani f’iktar każijiet legali!

NIDDEFENDI D-​DRITTIJIET GĦAL KURA MINGĦAJR DEMM

Fis-​snin tmenin, kien komuni li t-​tobba u l-​isptarijiet ma kinux jirrispettaw ix-​xewqa taʼ Xhieda adulti biex ma jingħatawx demm. L-​imħallfin kienu jirraġunaw li speċjalment nisa tqal ma kellhomx id-​dritt ma jaċċettawx demm. Għax jekk l-​omm tmut għax ma tiħux demm, it-​tarbija ma kienx ikollha omm biex trabbiha.

Fid-​29 taʼ Diċembru 1988, oħt jisimha Denise Nicoleau, tilfet ħafna demm wara li welldet it-​tifel tagħha. Peress li ħajjitha kienet fil-​periklu, it-​tabib riedha tieħu d-​demm. Imma l-​oħt ma aċċettatx. L-​għada filgħodu, l-​awtoritajiet tal-​isptar talbu l-​qorti għal permess biex ituha d-​demm. L-​imħallef ma tax ċans lil Oħtna Nicoleau jew lir-​raġel tagħha biex jispjegaw il-​ħarsa tagħhom. U lanqas informawhom li taw permess lill-​isptar biex ituha d-​demm.

Il-​Ġimgħa, 30 taʼ Diċembru, it-​tobba taw id-​demm lill-​oħt għalkemm ir-​raġel tagħha u membri tal-​familja li kienu magħha ma qablux. Iktar tard, membri tal-​familja u xi anzjani ġew arrestati għax kienu akkużati li daru magħha u ma ħallewx lit-​tobba jtuha d-​demm. L-​għada fuq il-​gazzetti, it-​televixin, u l-​istazzjonijiet tar-​radju madwar New York City irrapportaw dak li ġara.

Maʼ Philip Brumley meta konna iżgħar

It-​Tnejn filgħodu, tkellimt mal-​Imħallef Milton Mollen. Jien spjegajt il-​fatti fuq il-​każ, u għamilthielu ċara li l-​imħallef l-​ieħor ma tahomx ċans qabel ma qataʼ s-​sentenza. L-​Imħallef Mollen qalli nerġaʼ mmur waranofsinhar biex niddiskutu l-​fatti u l-​liġijiet li japplikaw f’dan il-​każ. L-​overseer tiegħi, Philip Brumley, ġie miegħi biex niltaqgħu mal-​Imħallef Mollen. L-​imħallef stieden ukoll lill-​avukat tal-​isptar. Id-​diskussjoni kienet taħraq. F’ħin minnhom, Ħuna Brumley, kitibli nota biex jgħidli “kkalma.” Dan kien parir f’waqtu għax kont qed nitbaqbaq biex nipprovaw nuri li l-​avukat tal-​isptar ma kellux raġun.

Mix-​xellug għal-​lemin: Richard Moake, Gregory Olds, Paul Polidoro, Philip Brumley, jien, u Mario Moreno—l-​avukati tagħna fil-​ġurnata li ppreżentajna l-​każ Watchtower kontra Village of Stratton quddiem il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti.—Ara Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 taʼ Jannar 2003

Wara xi siegħa, l-​Imħallef Mollen qal li l-​każ kien se jkun l-​ewwel wieħed l-​għada filgħodu. Hekk kif konna ħerġin mill-​uffiċċju, l-​imħallef qal li l-​avukat tal-​isptar kien se jkollu biċċa xogħol iebsa. Dan kien ifisser li l-​avukat kien se jkun magħfus biex jiddefendi l-​pożizzjoni tiegħu. Jien ħassejt li Ġeħova kien qed jurini li kellna ċans tajjeb li nirbħu l-​każ. Ma ridtx nemmen li Ġeħova kien qed jużana biex iwettaq ir-​rieda tiegħu.

Għamilna lejl sħiħ nippreparaw x’se ngħidu l-​għada. Il-​qorti kienet tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod mill-​Betel fi Brooklyn, allura kważi d-​Dipartiment Legali kollu ġie. Wara li l-​erbaʼ mħallfin semgħu r-​raġunar tagħna, huma ddeċidew li l-​permess biex jagħtu trasfużjoni ma kellux jingħata. Il-​qorti superjuri qatgħatha favur Oħtna Nicoleau u qalet li l-​awtoritajiet kisru d-​drittijiet umani bażiċi billi qatgħu kawża mingħajr ma semgħu x-​xewqa tal-​pazjent.

Ftit wara dan, l-​ogħla qorti taʼ New York ikkonfermat id-​dritt taʼ Oħtna Nicoleau li tingħata trattament bla demm. Dan kien wieħed minn erbaʼ każijiet fil-​qrati supremi li kellhom x’jaqsmu mad-​demm u li kelli l-​privileġġ li naqdi fih. (Ara l-​kaxxa “ Każijiet li Rbaħna fi Qrati Supremi.”) Jien ħdimt ukoll maʼ avukati oħrajn f’Betel, f’każijiet li jinvolvu kustodja tat-​tfal, divorzju, u propjetà.

IŻ-​ŻWIEĠ U L-​FAMILJA TIEGĦI

Maʼ marti Dawn

Meta ltqajt mal-​mara tiegħi, Dawn, hi kienet iddivorzjata bi tlett itfal. Kienet taħdem u pijuniera. Għaddiet minn ħafna, u kont impressjonat bid-​determinazzjoni tagħha biex taqdi lil Ġeħova. Fl-​1992, morna flimkien il-​konvenzjoni fi New York, u staqsejtha tixtieqx insiru nafu lil xulxin aħjar. Sena wara żżewwiġna. Hi barka mingħand Ġeħova li għandi mara li tpoġġi lil Ġeħova l-​ewwel u fl-​istess ħin taf tieħu pjaċir. Marti hi premju l-​jiem kollha taʼ ħajti.—Prov. 31:12.

Meta żżewwiġna, it-​tfal kellhom 11, 13, u 16-​il sena. Peress li ridt inkun missier tajjeb, qrajt u applikajt dak kollu li sibt fil-​pubblikazzjonijiet tagħna fuq kif tkun ġenitur tar-​rispett. Maż-​żmien kien hemm sfidi, imma ferħan ħafna li jafdawni bħala ħabib u missier li jħobbhom. Id-​dar tagħna dejjem kienet miftuħa għall-​ħbieb tat-​tfal tagħna, u aħna konna nieħdu pjaċir inkunu mdawrin biż-​żgħażagħ.

Fl-​2013, jien u Dawn morna noqogħdu Wisconsin biex ngħinu lill-​ġenituri tagħna. Xi ħaġa li ma stennejtx kienet li xorta bqajt ngħin fix-​xogħol taʼ Betel. Stidnuni biex nibqaʼ ngħin l-​organizzazzjoni f’affarijiet legali bħala volontier temporanju.

BIDLA MHUX MISTENNIJA

F’Settembru tal-​2018, bdejt ninduna li spiss kien qed ikolli problemi bi griżmejja. Mort għand it-​tabib tal-​familja imma ma setax jara x’kienet il-​problema. Ftit wara, tabib ieħor issuġġerieli nara speċjalista tan-​nervituri. F’Jannar tal-​2019, in-​newrologu qalli li probabbilment għandi kundizzjoni rari, bl-​isem taʼ supranuclear palsy (PSP), li maż-​żmien kienet se teffettwali ġismi kollu.

Tlett ijiem wara, waqt li kont ice skating, ksirt idejja. Jien kont ili mmur ice skating ħajti kollha, u kont tajjeb fih. Allura ndunajt li bdejt nitlef il-​kontroll fuq il-​muskoli tiegħi. Il-​marda gravat malajr, iżjed milli stennejt. Kienet qed issir iktar u iktar diffiċli għalija biex nitkellem, nimxi, u anki biex niblaʼ.

Jien kuntent ħafna li rnexxieli ngħin lill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova bl-​esperjenza tiegħi bħala avukat. Kelli l-​opportunità nikteb ħafna artikli f’rivisti li jaqrawhom tobba, avukati, u mħallfin. Ukoll, tajt taħditiet madwar id-​dinja fejn fihom iddefendejt id-​drittijiet dwar kura medika mingħajr demm għan-​nies taʼ Ġeħova. Imma naqbel mal-​kliem f’​Luqa 17:10: ‘Jien ilsir li ma jien tajjeb għalxejn. Għamilt dak li kelli nagħmel.’