Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 27

Int Kburi Jew Umli?

Int Kburi Jew Umli?

“Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku.”RUM. 12:3.

GĦANJA 130 Aħfer

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Fi qbil maʼ Filippin 2:3, għala se jkollna ħbiberija tajba m’oħrajn jekk inkunu umli?

B’UMILTÀ, aħna nobdu lil Ġeħova għax nifhmu li Ġeħova dejjem jaf x’inhu l-​aħjar għalina. (Efes. 4:22-​24) Meta nkunu umli, aħna se nifhmu li dak li jrid Ġeħova huwa iktar importanti minn dak li rridu aħna, u li oħrajn huma aħjar minna. B’hekk, aħna ngawdu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova u mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni.—Aqra Filippin 2:3.

2. L-​appostlu Pawlu xi rrealizza, u x’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu niġu influwenzati min-​nies tad-​dinja li huma egoisti u kburin. * Milli jidher, xi Kristjani tal-​bidu ġew influwenzati b’dan il-​mod. Dan nafuh għax l-​appostlu Pawlu kiteb lir-​Rumani: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku.” (Rum. 12:3) Pawlu rrealizza li xi kultant ma jkunx ħażin li naħsbu dwarna nfusna. Però, l-​umiltà se tgħinna biex ikollna ħarsa bilanċjata. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw tliet aspetti fejn l-​umiltà se tgħinna biex ma nkunux kburin. Dawn huma (1) fiż-​żwieġ, (2) meta jkollna l-​privileġġi fil-​kongregazzjoni, u (3) fil-​mod kif nużaw is-​social media.

URI L-​UMILTÀ FIŻ-​ŻWIEĠ

3. Għala jistaʼ jkun hemm problemi fiż-​żwieġ, u xi wħud kif jipprovaw isolvu dawn il-​problemi?

3 Ġeħova jrid li l-​miżżewġin ikunu kuntenti flimkien. Imma peress li huma imperfetti, probabilment se jinqalgħu xi argumenti. Fil-​fatt, Pawlu qal li dawk li jiżżewġu se jkollhom xi problemi. (1 Kor. 7:28) Xi wħud jindunaw li l-​ħin kollu jiġġieldu, u jaf jaħsbu li aħjar ma żżewġux lil xulxin. Jekk iħallu lid-​dinja tinfluwenzahom, malajr jaħsbu li d-​divorzju hu s-​soluzzjoni. Huma se jaħsbu biss dwarhom infushom u li se jkunu kuntenti biss jekk jiddivorzjaw.

4. Xi rridu nevitaw?

4 Aħna ma rridux naħsbu li ż-​żwieġ tagħna falla. Nafu li l-​Bibbja tippermetti d-​divorzju biss jekk issir iż-​żina, jiġifieri l-​immoralità sesswali. (Mt. 5:32) Għalhekk, meta jkollna l-​problemi fiż-​żwieġ tagħna, m’għandniex inkunu kburin u nibdew naħsbu: ‘Il-​mara jew ir-​raġel, veru jimpurtah minni? Qed ikolli l-​imħabba li jistħoqqli? Se nkun aħjar jekk inkun maʼ xi ħadd ieħor?ʼ Jekk naħsbu b’dan il-​mod inkunu qed naħsbu dwarna nfusna biss u mhux dwar il-​mara jew ir-​raġel tagħna. L-​għerf tad-​dinja jgħidlek biex timxi skont qalbek u tagħmel dak li jagħmlek kuntent, anki jekk ifisser li ż-​żwieġ jispiċċa. Alla jgħidlek li m’għandekx ‘tfittex l-​interessi persunali tiegħek biss, imma wkoll l-​interessi persunali tal-​oħrajn.’ (Flp. 2:4) Ġeħova jridek tibqaʼ miżżewweġ u mhux tiddivorzja. (Mt. 19:6) Hu jridek l-​ewwel taħseb fih u mhux fik innifsek.

5. Skont Efesin 5:33, raġel u mara miżżewġin kif għandhom jittrattaw lil xulxin?

5 Raġel u mara miżżewġin għandhom jittrattaw lil xulxin bi mħabba u rispett. (Aqra Efesin 5:33.) Il-​Bibbja tgħallimna li hu iktar importanti li nagħtu milli nirċievu. (Atti 20:35) Liema kwalità se tgħin koppja miżżewġa biex juru l-​imħabba u r-​rispett? It-​tweġiba hi l-​umiltà. Ir-​raġel se jara x’inhu l-​aħjar għall-​mara u l-​mara se tara x’inhu l-​aħjar għar-​raġel.—1 Kor. 10:24.

Minflok ma jaħdmu kontra xulxin, koppja umli jaħdmu maʼ xulxin (Ara paragrafu 6)

6. X’titgħallem mill-​kummenti taʼ Steven u Stephanie?

6 L-​umiltà għenet lil ħafna koppji Kristjani biex ikunu iktar kuntenti fiż-​żwieġ tagħhom. Pereżempju, raġel miżżewweġ jismu Steven qal: “Ir-​raġel u l-​mara għandhom jaħdmu flimkien speċjalment meta jkun hemm il-​problemi. Minflok ma naħseb ‘x’inhu l-​aħjar għalija?ʼ jien naħseb ‘x’inhu l-​aħjar għalina?’” Il-​mara tiegħu Stephanie, tgħid hekk: “Ħadd ma jrid jgħix maʼ xi ħadd li l-​ħin kollu jargumenta miegħu. Meta jkollna xi argument, nipprovaw naraw xi tkun il-​problema. Imbagħad nitolbu, nipprovaw insibu prinċipji mill-​Bibbja li nistgħu napplikaw, u niddiskutu l-​problema flimkien. Nattakkaw il-​problema, mhux lil xulxin.” Irġiel u nisa miżżewġin se jkunu iktar ferħanin meta ma jaħsbux iżżejjed dwarhom infushom.

AQDI LIL ĠEĦOVA B’UMILTÀ

7. X’attitudni għandu jkollu ħu meta jirċievi xi inkarigu?

7 Huwa privileġġ għalina li naqdu lil Ġeħova b’kull mod li nistgħu. (Salm 27:4; 84:10) Hi xi ħaġa sabiħa li ħu jkun jixtieq jagħmel iktar fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid: “Jekk raġel qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, ikun jixtieq xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1) Però, meta jirċievi xi inkarigu ma jridx jaħseb li issa hu iktar importanti minn oħrajn. (Lq. 17:7-​10) Il-​mira tiegħu għandha tkun li b’umiltà jaqdi lil oħrajn.—2 Kor. 12:15.

8. X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Dijotrefe, Użżija, u Absalom?

8 Il-​Bibbja titkellem dwar nies li ħasbu żżejjed dwarhom infushom. Dijotrefe ma kienx umli. Hu pprova “jkollu l-​pożizzjoni ewlenija” fil-​kongregazzjoni. (3 Ġw. 9) Użżija bi kburija pprova jagħmel xi ħaġa li Ġeħova ma qabdux jagħmilha. (2 Kron. 26:16-​21) Absalom ried ikun sultan, għalhekk beda jinħabb man-​nies biex huma jappoġġjawh. (2 Sam. 15:2-​6) Kif juru biċ-​ċar dawn ir-​rakkonti mill-​Bibbja, Ġeħova ma jiħux pjaċir b’nies li huma kburin. (Prov. 25:27) Fl-​aħħar mill-​aħħar, nies li huma kburin u jridu li oħrajn jammirawhom ikollhom il-​problemi.—Prov. 16:18.

9. Ġesù x’eżempju ħallielna?

9 Ġesù ma kienx bħal dawn in-​nies kburin. Il-​Bibbja tgħid li Ġesù, “għalkemm kien jeżisti fis-​sura t’Alla, ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.” (Flp. 2:6) Minkejja li Ġesù hu t-​tieni l-​iktar persuna b’saħħitha fl-​univers, ma jaħsibx li hu iktar importanti milli hu. Fil-​fatt, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Min iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar fostkom ilkoll, dan ikun il-​kbir.” (Lq. 9:48) X’barka li naħdmu flimkien mal-​pijunieri, qaddejja ministerjali, anzjani, u indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet li juru l-​umiltà bħal Ġesù. Jekk aħna umli se nuru iktar imħabba lejn oħrajn. U Ġesù qal li l-​qaddejja veri taʼ Alla se juru l-​imħabba bejniethom.—Ġw. 13:35.

10. X’għandek tagħmel jekk tħoss li l-​anzjani mhux qed jieħdu ħsieb il-​problemi tal-​kongregazzjoni sew?

10 X’għandek tagħmel jekk tara li hemm problemi fil-​kongregazzjoni u tħoss li l-​anzjani mhux qed jieħdu ħsieb dawn il-​problemi sew? Minflok ma tgerger, int tistaʼ turi l-​umiltà billi tgħin lil dawk li jmexxu. (Ebr. 13:17) Biex tkun tistaʼ tagħmel dan, staqsi lilek innifsek: ‘Il-​problemi li qed nara huma verament serji li jridu jitranġaw? Huwa l-​waqt li jitranġaw? Hija r-​responsabbiltà tiegħi li nieħu l-​affarijiet f’idejja? Qiegħed jien nipprova nżomm il-​paċi fil-​kongregazzjoni, jew qed nipprova nidher?’

Dawk li għandhom responsabbiltà għandhom ikunu magħrufin mhux biss għall-abbiltajiet tagħhom imma anki għall-umiltà tagħhom (Ara paragrafu 11) *

11. Skont Efesin 4:2, 3, il-​kongregazzjoni kif se tibbenefika jekk inkunu umli?

11 Hu iktar importanti għal Ġeħova li nkunu umli u magħqudin, milli jkollna abbiltajiet u ntellgħu x-​xogħol. Għalhekk, agħmel l-​aħjar li tistaʼ biex taqdi lil Ġeħova b’umiltà. Meta tagħmel dan, inti tkun qed tgħin biex il-​kongregazzjoni tkun iżjed magħquda. (Aqra Efesin 4:2, 3.) B’liema modi tistaʼ turi l-​umiltà? Billi tipprietka kemm tistaʼ, tfittex modi kif tistaʼ tgħin lil oħrajn, tkun ospitabbli maʼ kulħadd anki maʼ aħwa li m’għandhomx responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. (Mt. 6:1-​4; Lq. 14:12-​14) Hekk kif b’umiltà tagħmel kull tip taʼ xogħol fil-​kongregazzjoni, oħrajn se jinnotaw mhux biss l-​abbiltajiet tiegħek imma anki l-​umiltà tiegħek.

URI L-​UMILTÀ META TUŻA S-​SOCIAL MEDIA

12. Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​ħbieb?

12 Ġeħova jrid li aħna ngawdu l-​ħin li nqattgħu mal-​familja u l-​ħbieb. (Salm 133:1) Anki Ġesù kellu ħbieb tajbin. (Ġw. 15:15) Il-​Bibbja titkellem kif aħna nibbenefikaw meta jkollna ħbieb veri. (Prov. 17:17; 18:24) U tgħidilna li mhux tajjeb li ninqatgħu għalina. (Prov. 18:1) Ħafna jħossu li permezz tas-​social media jistaʼ jkollhom ħafna ħbieb u b’hekk ma jħossuhomx waħedhom. Però, irridu noqogħdu attenti kif nużaw is-​social media.

13. Nies li jużaw is-​social media, għala jaf iħossuhom waħedhom u dipressi?

13 Minn studji li saru, sabu li nies li jqattgħu ħafna ħin jaraw il-​kummenti u r-​ritratti li oħrajn jitfgħu fuq is-​social media, jispiċċaw iħossuhom waħedhom u dipressi. Għala? Dan minħabba li n-​nies spiss jitfgħu ritratti tal-​isbaħ mumenti f’ħajjithom, u juru biss l-​aħjar ritratti tagħhom, taʼ sħabhom, u tal-​postijiet sbieħ li jmorru. Persuna li tara dawn ir-​ritratti, taf tibda taħseb li ħajjitha mhux interessanti jew li dejjem l-​istess. Oħt żagħżugħa li għandha 19-​il sena tammetti: “Kont ngħir meta kont nara lil oħrajn jieħdu ħafna pjaċir fil-​weekends u jien kont inkun id-​dar ma nagħmel xejn.”

14. L-​1 Pietru 3:8, kif jistaʼ jgħinna meta nużaw is-​social media?

14 Vera, nistgħu nużaw is-​social media b’mod tajjeb, pereżempju, biex inżommu kuntatt maʼ tal-​familja u l-​ħbieb. Imma, innotajt li ċertu wħud jitfgħu affarijiet fuq is-​social media biex jiġbdu l-​attenzjoni lejhom infushom? Il-​messaġġ li jridu jwasslu hu: “Ħares lejja.” Oħrajn anki jikkummentaw fuq ir-​ritratti tagħhom jew t’oħrajn b’mod offensiv jew bi kliem maħmuġ. Dan hu kuntrarju għal dak li l-​Kristjani huma inkuraġġiti jagħmlu, biex juru l-​umiltà u l-​imħabba.—Aqra l-​1 Pietru 3:8.

Meta titfaʼ affarijiet fuq is-social media, tagħti l-impressjoni li qed tiftaħar? (Ara paragrafu 15)

15. Il-​Bibbja kif tgħinna biex ma naħsbux li aħna importanti ħafna?

15 Jekk tuża s-​social media, staqsi lilek innifsek: ‘Jistgħu l-​kummenti, ir-​ritratti, jew il-​vidjows li nitfaʼ jagħtu l-​impressjoni li qed niftaħar? Nistaʼ nġiegħel lil oħrajn jgħiru?’ Il-​Bibbja tgħid: “Għax kulma hemm fid-​dinja—ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja—ma joriġinax mill-​Missier, imma mid-​dinja.” (1 Ġw. 2:16) Bħala Kristjani ma nħossux li aħna importanti jew li oħrajn għandhom jammirawna. Għal kuntrarju napplikaw il-​parir tal-​Bibbja: “Ħa ma nintefħux bina nfusna, għax b’hekk inqanqlu l-​kompetizzjoni bejnietna, u ngħiru għal xulxin.” (Gal. 5:26) Jekk inkunu umli, m’aħniex se nsiru bħan-​nies tad-​dinja li jridu lil oħrajn jaħsbu li huma importanti ħafna.

‘AĦSEB B’TALI MOD LI JKOLLOK MOĦĦ F’LOKU’

16. Għala rridu nevitaw li nkunu kburin?

16 Irridu naħdmu iebes biex inkunu umli għax nies kburin m’għandhomx “moħħ f’loku,” jiġifieri m’għandhomx ħarsa bilanċjata tagħhom infushom. (Rum. 12:3) Xi ħadd kburi jħobb jargumenta u hu egoist. Kif jaħseb u jaġixxi, ħafna drabi jweġġaʼ lilu nnifsu u lil oħrajn. Sakemm ma jbiddilx l-​attitudni tiegħu, Satana se jinfluwenzah u jqarraq bih. (2 Kor. 4:4; 11:3) Mill-​banda l-​oħra, xi ħadd umli għandu “moħħ f’loku.” Għandu ħarsa bilanċjata u raġonevoli tiegħu nnifsu, għax jifhem li f’ħafna affarijiet oħrajn huma aħjar minnu. (Flp. 2:3) U jaf ukoll li “Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli.” (1 Pt. 5:5) Dawk li għandhom moħħ f’loku ma jridux li Ġeħova jkun kontrihom.

17. X’għandna nagħmlu biex nibqgħu umli?

17 Biex nibqgħu umli, irridu napplikaw il-​parir tal-​Bibbja biex ‘ninżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha, u nilbsu l-​personalità l-​ġdida.’ Dan jinvolvi sforz. Biex nagħmlu dan irridu nistudjaw l-​eżempju taʼ Ġesù u nipprovaw nimitawh kemm nistgħu. (Kol. 3:9, 10; 1 Pt. 2:21) Jekk nagħmlu dan, se jkun għall-​ġid tagħna. Għax meta nkunu umli, il-​familji tagħna se jkunu iktar ferħanin, il-​kongregazzjoni se tkun iktar magħquda, u mhux se nużaw is-​social media biex inħossuna aħjar minn ħaddieħor. Imma l-​iktar ħaġa importanti hi li se ngawdu l-​barka u l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.

GĦANJA 117 Il-​kwalità tat-​tjubija

^ par. 5 Illum qed ngħixu f’dinja fejn in-​nies huma egoisti u kburin. Aħna rridu noqogħdu attenti li ma nsirux bħalhom. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw tliet aspetti fejn ma rridux naħsbu li aħna importanti ħafna.

^ par. 2 ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: Xi ħadd kburi għandu tendenza li jaħseb wisq dwaru nnifsu u ftit f’oħrajn. Għalhekk, xi ħadd kburi hu egoist. Mill-​banda l-​oħra, l-​umiltà tgħin lil individwu ma jkunx egoist. Jekk tkun umli mhux se tkun kburi u mhux se taħseb li inti l-​iktar persuna importanti.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Anzjan li kapaċi jagħti taħditiet fil-konvenzjoni u għandu responsabbiltajiet oħra, japprezza wkoll il-privileġġ li jkun fuq il-ministeru u li jgħin fit-tindif tas-Sala tas-Saltna.