ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 28
Kun Konvint li Għandek il-Verità
“Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu.”—2 TIM. 3:14.
GĦANJA 56 Għożż il-verità
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Xi tfisser l-espressjoni “fil-verità”?
“INT kif ġejt fil-verità?” “Int twelidt fil-verità?” “Kemm ilek fil-verità?” X’aktarx li ġejt mistoqsi dawn il-mistoqsijiet jew forsi saqsejthom int. Imma xi tfisser l-espressjoni “fil-verità”? Spiss, meta ngħidu “fil-verità” nkunu qed nitkellmu dwar dak li nemmnu, dak li nagħmlu biex naqdu ’l Alla, u l-mod kif ngħixu ħajjitna. Dawk li huma “fil-verità,” jafu dak li tgħallem il-Bibbja u jgħixu fi qbil mal-prinċipji tagħha. Għalhekk, huma m’għadhomx jemmnu tagħlim reliġjuż falz, u jgħixu ferħanin minkejja li qegħdin f’dinja maħkuma minn Satana.—Ġw. 8:32.
2. Skont Ġwanni 13:34, 35, x’jistaʼ jiġbed lil xi ħadd lejn il-verità?
2 X’kienet l-ewwel ħaġa li ġibditek lejn il-verità? Forsi kienet il-kondotta tajba tal-aħwa. (1 Pt. 2:12) Jew forsi kienet l-imħabba li wrew. Ħafna li jattendu l-laqgħa l-ewwel darba, jinnotaw l-imħabba u jibqgħu jiftakruha iktar minn dak li jkun intqal. Din mhix sorpriża għalina, għax Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu kellhom jintgħarfu mill-imħabba taʼ bejniethom. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) Imma biex ikollna fidi soda, hemm xi affarijiet oħra li rridu nagħmlu.
3. X’jistaʼ jiġri jekk il-fidi tagħna tkun ibbażata biss fuq l-imħabba Kristjana tal-aħwa?
3 Il-fidi tagħna ma tridx tkun ibbażata biss fuq l-imħabba Kristjana tal-aħwa. Għala? Għax jekk il-fidi tagħna tkun ibbażata fuq din l-imħabba, il-fidi malajr tistaʼ tiddgħajjef. Pereżempju, nistgħu nieqfu naqdu lil Ġeħova Rum. 12:2.
jekk ħu jew oħt, anki anzjan jew pijunier, jagħmel dnub serju. Nistgħu anki nieqfu naqdu lil Ġeħova jekk ħu jew oħt tweġġagħna. Jew ikun hemm xi ħadd li sar apostata u jipprova jgħidlek li dak li temmen fih huwa ħażin. Għalhekk, jekk irridu li l-fidi tagħna tkun soda, din trid tkun ibbażata fuq il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Mela t-tagħlima hi din: Jekk se tibni l-fidi tiegħek f’Alla skont kif jaġixxu l-oħrajn minflok fuq il-ħbiberija tiegħek miegħu, il-fidi tiegħek mhux se tkun b’saħħitha. Sa ċertu punt, il-mod kif tħossok dwar Ġeħova u n-nies tiegħu jistaʼ jgħinek biex tkabbar il-fidi tiegħek. Imma huwa importanti ħafna li tistudja l-Bibbja bis-serjetà, tifhem dak li qed titgħallem u tagħmel riċerka biex tkun konvint li dak li qed titgħallem hu l-verità dwar Ġeħova. Int trid tkun konvint li l-Bibbja tgħallimna l-verità.—4. Skont Mattew 13:3-6, 20, 21, il-fidi taʼ xi wħud x’jistaʼ jiġrilha meta jiffaċċjaw il-problemi?
4 Ġesù qal li xi wħud se jaċċettaw il-verità “bil-ferħ,” imma li l-fidi tagħhom se tiddgħajjef meta jiffaċċjaw il-problemi. (Aqra Mattew 13:3-6, 20, 21.) Forsi huma ma fehmux li jekk jimxu wara Ġesù xorta se jiffaċċjaw il-problemi. (Mt. 16:24) Jew forsi ħasbu li se jkollhom biss barkiet u ħajja mingħajr ebda inkwiet. Imma fid-dinja tal-lum, se niffaċċjaw l-isfidi. Fil-ħajja, xi affarijiet jinbidlu u dan iwassal biex nitilfu xi ftit mill-ferħ li jkollna.—Salm 6:6; Ekk. 9:11.
5. Il-biċċa l-kbira minn ħutna kif jagħtu prova li huma konvinti li għandhom il-verità?
5 Il-biċċa l-kbira minn ħutna jagħtu prova li huma konvinti li għandhom il-verità. Kif? Għax meta xi oħt jew ħu jweġġagħhom jew jinvolvi ruħu f’affarijiet ħżiena, huma ma jitfixklux. (Salm 119:165) Kull meta jkollhom xi problema, il-fidi tagħhom tissaħħaħ mhux tiddgħajjef. (Ġak. 1:2-4) Int kif tistaʼ tibni fidi b’saħħitha bħal din?
IKSEB “L-GĦARFIEN EŻATT DWAR ALLA”
6. Il-Kristjani tal-bidu fuq xiex bnew il-fidi tagħhom?
6 Il-Kristjani tal-bidu bnew il-fidi tagħhom fuq l-għarfien mill-Iskrittura u t-tagħlim taʼ Ġesù Kristu, li hu, “il-verità taʼ l-aħbar tajba.” (Gal. 2:5) Il-verità hija dak kollu li nemmnu bħala Kristjani, li tinkludi l-fatti dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u l-irxoxt tiegħu. L-appostlu Pawlu kien konvint li dan it-tagħlim kien veru. Għala? Għax hu uża l-Iskrittura biex jagħti prova “permezz tar-referenzi li kien meħtieġ li l-Kristu jbati u mbagħad iqum mill-imwiet.” (Atti 17:2, 3) Il-Kristjani tal-bidu aċċettaw dak it-tagħlim u straħu fuq l-ispirtu qaddis biex jgħinhom jifhmu l-Kelma t’Alla. Huma għamlu riċerka biex ikunu ċerti li t-tagħlim hu bbażat fuq l-Iskrittura. (Atti 17:11, 12; Ebr. 5:14) Il-fidi tagħhom ma kinitx mibnija fuq is-sentimenti u l-emozzjonijiet biss. Ukoll, ma qdewx lil Ġeħova għax sempliċiment kienu ferħanin meta kienu jkunu qegħdin maʼ ħuthom spiritwali. Minflok, il-fidi tagħhom kienet mibnija fuq “l-għarfien eżatt dwar Alla.”—Kol. 1:9, 10.
7. Il-fidi tagħna fil-veritajiet tal-Bibbja, x’se tagħmel għalina?
7 Il-veritajiet tal-Bibbja ma jinbidlux. (Salm 119:160) Pereżempju, dawn ma jinbidlux meta xi oħt jew ħu jweġġagħna jew jagħmel xi dnub serju. U lanqas meta niffaċċjaw il-problemi. Għalhekk, irridu nkunu familjari sewwa mat-tagħlim tal-Bibbja u nkunu konvinti li hu veru. Jekk għandna fidi soda fil-veritajiet tal-Bibbja, din se tgħinna nibqgħu sodi meta niffaċċjaw il-provi, bħalma ankra żżomm vapur meta jkun il-maltemp. Int kif tistaʼ tkun konvint li għandek il-verità?
KUN “KONVINT LI HU MINNU”
8. Skont it-2 Timotju 3:14, 15, Timotju kif sar konvint li kellu l-verità?
8 Timotju kien konvint li kellu l-verità. Kif kien jaf? (Aqra t-2 Timotju 3:14, 15.) Ommu u nanntu kienu l-ewwel tnejn li għallmuh “il-kitba qaddisa.” Bla dubju, anke hu ħa l-ħin u għamel sforz biex jistudjaha. B’hekk, hu kien “konvint” li kien fiha l-verità. Iktar tard, Timotju, ommu, u nanntu tgħallmu dwar it-tagħlim Kristjan. Bla dubju, Timotju kien impressjonat bl-imħabba li wrew is-segwaċi taʼ Ġesù, u hu kellu xewqa kbira biex ikun magħhom u jgħin lill-aħwa fil-kongregazzjoni. (Flp. 2:19, 20) Minkejja dan, il-fidi tiegħu ma kinitx mibnija fuq is-sentimenti tiegħu għal ħutu spiritwali, imma fuq fatti li ressquh eqreb lejn Ġeħova. Int ukoll għandek tistudja l-Bibbja biex tkun konvint minn dak li tgħallem dwar Ġeħova.
9. Liema tliet veritajiet bażiċi għandek tkun konvint minnhom?
9 Int għandek tkun ċert minn tliet veritajiet bażiċi. L-ewwel, għandek tkun konvint li Alla Ġeħova huwa l-Ħallieq taʼ kollox. (Eżo. 3:14, 15; Ebr. 3:4; Riv. 4:11) It-tieni, trid tkun taf għala temmen li l-Bibbja hija l-messaġġ t’Alla għan-nies. (2 Tim. 3:16, 17) U t-tielet, trid tkun ċert li Ġeħova għandu grupp taʼ nies li huma organizzati u qed jaqduh taħt id-direzzjoni taʼ Kristu u li dawn huma x-Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10-12; Ġw. 14:6; Atti 15:14) Li tkun taf għala temmen dawn it-tliet veritajiet bażiċi, ma jfissirx li ssir xi professur tal-Bibbja. Imma l-mira tiegħek għandha tkun li tuża “l-qawwa tar-raġuni” tiegħek biex tkun konvint li għandek il-verità.—Rum. 12:1.
KUN PREPARAT BIEX TIKKONVINĊI LIL OĦRAJN
10. Minbarra li nkunu nafu l-verità, xi rridu nkunu nafu wkoll?
10 Wara li tkun ċert li huwa veru dak li semmejna dwar Alla, il-Bibbja, u l-poplu t’Alla, inti trid tkun taf tuża l-Bibbja biex taqsam dawn il-veritajiet m’oħrajn. Għala? Għax bħala dixxipli taʼ Kristu, għandna r-responsabbiltà li ngħallmu l-veritajiet lil oħrajn. * (1 Tim. 4:16) U hekk kif nipprovaw nikkonvinċu lil oħrajn dwar il-veritajiet tal-Bibbja, inkunu qed insaħħu l-fidi tagħna f’dawn il-veritajiet.
11. X’eżempju ħallielna Pawlu meta għallem lin-nies, u kif nistgħu nimitawh?
11 Meta l-appostlu Pawlu għallem lin-nies, hu kien “ipprova jipperswadihom dwar Ġesù kemm mil-liġi taʼ Mosè u kemm mill-Profeti.” (Atti 28:23) Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu meta ngħallmu l-verità lil oħrajn? Irridu nagħmlu iżjed milli ngħidulhom x’tgħallem il-Bibbja. Aħna rridu ngħinu l-istudenti tagħna jistudjaw u jaħsbu sew dwar dak li qed jitgħallmu mill-Bibbja. Aħna rridu li jemmnu l-verità mhux għax jirrispettaw lilna, imma għax studjaw il-fatti u ndunaw li dak li qed jitgħallmu hu l-verità dwar Alla.
12-13. X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri biex jgħinu lit-tfal tagħhom jibqgħu fil-verità?
12 Ġenituri, żgur li intom tixtiequ li t-tfal tagħkom jibqgħu fil-verità. Forsi taħsbu li jekk ikollhom ħbieb tajbin fil-kongregazzjoni, huma se jagħmlu progress spiritwali. Però, jekk tixtiequ li t-tfal tagħkom ikunu konvinti li għandhom il-verità, għandhom bżonn xi ħaġa aqwa minn ħbieb tajbin. Iridu jkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova u jkunu konvinti li dak li tgħallem il-Bibbja hu veru.
13 Biex il-ġenituri jgħallmu l-verità dwar Alla lil uliedhom, hu importanti li huma stess ikunu studenti tajbin tal-Bibbja. Jekk int ġenitur, warrab il-ħin biex timmedita dwar dak li titgħallem. Imbagħad, se tkun tistaʼ tgħallem lil uliedek jagħmlu l-istess. Bħalma kieku tagħmel maʼ student tal-Bibbja, int trid tgħallem lit-tfal tiegħek kif jużaw l-għodod li jgħinuhom jistudjaw. Pereżempju, tgħinhom kif jużaw il-ktieb Gwida għall-Pubblikazzjonijiet, u l-LIBRERIJA ONLINE tat-Torri tal-Għassa. Jekk tagħmel hekk, int se tgħin lit-tfal tiegħek iħobbu lil Ġeħova. Ukoll, se tgħinhom jaraw li Ġeħova juża “lill-ilsir leali u għaqli” biex jgħinna nifhmu l-Bibbja. Mt. 24:45-47) Ġenituri, it-tfal tagħkom għandhom bżonn jitgħallmu iktar minn tagħlim bażiku. Għinuhom ikollhom fidi soda billi tgħallmuhom jifhmu “l-affarijiet profondi t’Alla” skont l-età u l-abbiltà tagħhom.—1 Kor. 2:10.
(STUDJA L-PROFEZIJI TAL-BIBBJA
14. Għala għandna nistudjaw il-profeziji tal-Bibbja? (Ara wkoll il-kaxxa “ Tistaʼ Tispjega Dawn il-Profeziji?”)
14 Il-profeziji tal-Bibbja huma parti importanti mill-Kelma t’Alla biex jgħinuna nibnu fidi soda f’Ġeħova. Liema profeziji saħħew il-fidi tiegħek? Forsi l-profeziji dwar “l-aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1-5; Mt. 24:3, 7) Imma hemm xi profeziji oħrajn li twettqu u jistgħu jsaħħu l-fidi tiegħek? Pereżempju, tistaʼ tispjega kif il-profeziji f’Danjel kapitlu 2 jew f’Danjel kapitlu 11 twettqu u qed ikomplu jitwettqu? * Meta l-fidi tiegħek tkun ibbażata fuq il-Bibbja, il-fidi se tibqaʼ soda. Ikkunsidra l-eżempju taʼ ħutna li esperjenzaw persekuzzjoni ħarxa fil-Ġermanja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minkejja li huma ma fehmux għalkollox id-dettalji tal-profeziji tal-Bibbja dwar l-aħħar jiem, ħutna kellhom fidi soda f’dak li kienu tgħallmu mill-Kelma t’Alla.
15-17. L-istudju tal-Bibbja, kif saħħaħ lil ħutna meta kienu ppersegwitati min-Nazisti?
15 Meta l-gvern Nazista mexxa l-Ġermanja, eluf taʼ aħwa ġew mitfugħin fil-kampijiet tal-konċentrament. Hitler u uffiċjal importanti, Heinrich Himmler, kienu jobogħdu lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Oħt tirrakkonta x’qal Himmler lill-grupp taʼ aħwa nisa li kienu f’kamp tal-konċentrament: “Ġeħova tagħkom forsi jmexxi fis-sema, imma hawn fuq l-art aħna mmexxu! Issa naraw min għandu raġun, jekk hux intom jew aħna!” X’għen lin-nies taʼ Ġeħova jibqgħu leali?
16 Dawk l-Istudenti tal-Bibbja kienu jafu li s-Saltna t’Alla bdiet tmexxi fl-1914.
Dawn ma kinux sorpriżi bil-persekuzzjoni ħarxa li ffaċċjaw. Però, in-nies taʼ Ġeħova kienu konvinti li ebda gvern uman ma jistaʼ jwaqqaf l-iskop t’Alla milli jitwettaq. Hitler ma setax jeqred il-qima vera jew ikollu gvern iktar b’saħħtu mis-Saltna t’Alla. Ħutna kienu konvinti li b’xi mod jew ieħor, il-ħakma taʼ Hitler kienet se tispiċċa.17 Dawn l-aħwa ma kinux żbaljati. Wara ftit snin, il-gvern Nazista spiċċa. Heinrich Himmler kellu jaħrab minkejja li qal, “hawn fuq l-art aħna mmexxu.” Waqt li kien qed jaħrab, hu għaraf lil Ħuna Lübke li kien il-ħabs għax kien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Himmler tant kien iddisprat li saqsa lil Ħuna Lübke: “Int li taf il-Bibbja, issa x’se jiġri?” Il-ħu spjega lil Himmler li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu konvinti li l-gvern Nazista kien se jispiċċa u li huma kienu se jinħelsu. Himmler, li qabel kien jitkellem ħafna kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova, spiċċa bla kliem. Ftit wara, għamel suwiċidju. X’inhi l-lezzjoni għalina? L-istudju tagħna tal-Bibbja, li jinkludi l-profeziji, jistaʼ jgħinna biex ikollna fidi soda f’Ġeħova u jgħinna nkunu kuraġġużi meta niffaċċjaw il-provi.—2 Pt. 1:19-21.
18. Skont Ġwanni 6:67, 68, għala għandna bżonn l-“għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ” li semma Pawlu?
18 Biex nuru li aħna Kristjani veri, irridu nuru l-imħabba. Imma għandna bżonn ukoll “għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ [jew, nifhmu sew].” (Flp. 1:9) Inkella, nistgħu niġu influwenzati “minn kull riħ taʼ tagħlim bl-ingann tan-nies,” inkluż l-apostati. (Efes. 4:14) Meta ħafna mid-dixxipli taʼ Ġesù ma baqgħux jimxu warajh, l-appostlu Pietru wera li kien konvint li Ġesù kellu “l-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Aqra Ġwanni 6:67, 68.) Minkejja li Pietru dak il-ħin ma fehemx għalkollox dak il-kliem, hu baqaʼ leali għax fehem li dak li qal Kristu kien il-verità. Int ukoll tistaʼ tkompli tikkonvinċi lilek innifsek minn dak li tgħallem il-Bibbja. Jekk tagħmel hekk, il-fidi tiegħek se tibqaʼ b’saħħitha jiġri x’jiġri, u int tistaʼ tgħin lil oħrajn ikollhom fidi b’saħħitha wkoll.—2 Ġw 1, 2.
GĦANJA 72 Nagħmlu magħrufa l-verità tas-Saltna
^ par. 5 Dan l-artiklu se jgħinna nifhmu li l-veritajiet li tgħallem il-Bibbja huma importanti ħafna. Se naraw ukoll xi modi li se jgħinuna nkunu iktar konvinti li dak li nemmnu huwa l-verità.
^ par. 10 Bħala għajnuna biex tirraġuna maʼ ħaddieħor dwar tagħlim bażiku mill-Bibbja, ara s-serje tal-artikli “Konversazzjoni Maʼ Ġar/a,” li kienu joħorġu fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa mill-2010 sal-2015. Hemm tistaʼ ssib suġġetti bħal “Ġesù Huwa Alla?,” “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu b’Ġesù?,” u “Alla għala jippermetti t-tbatija?”
^ par. 14 Għal iktar informazzjoni dwar dawn il-profeziji, ara l-artikli taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Ġunju 2012, u taʼ Mejju 2020.