Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 31

Apprezza r-Rigal Prezzjuż tat-Talb

Apprezza r-Rigal Prezzjuż tat-Talb

“Jalla t-​talba tiegħi tkun imħejjija bħall-​inċens quddiemek.”—SALM 141:2.

GĦANJA 47 Itlob lil Ġeħova kuljum

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Kif għandna nħossuna dwar ir-​rigal prezzjuż tat-​talb?

 IL-​ĦALLIEQ tas-​sema u l-​art tana rigal prezzjuż—it-​talb. Aħseb ftit: Aħna nistgħu niftħu qalbna maʼ Ġeħova f’kull ħin u tkun xi tkun il-​lingwa tagħna, u m’għandniex bżonn appuntament miegħu. Nistgħu nitolbuh meta nkunu morda l-​isptar jew il-​ħabs, ċerti li Missierna kollu mħabba se jismagħna. Ejja ma ninsewx li t-​talb hu privileġġ kbir!

2. Is-​Sultan David kif wera li apprezza r-​rigal tat-​talb?

2 Is-​Sultan David apprezza ħafna r-​rigal tat-​talb. Hu kanta lil Ġeħova: “Jalla t-​talba tiegħi tkun imħejjija bħall-​inċens quddiemek.” (Salm 141:1, 2) Fi żmien David, l-​inċens li kien jintuża biex jiġi offrut lil Ġeħova mill-​qassisin kien ikun ippreparat b’attenzjoni kbira. (Eżo. 30:34, 35) Bl-​istess mod, David kien jaħseb sew qabel jitlob lil Ġeħova. Din hi x-​xewqa tagħna wkoll. Aħna rridu li Ġeħova jieħu pjaċir bit-​talb tagħna.

3. B’liema mod għandna nitolbu lil Ġeħova, u għala?

3 Meta nitolbu lil Ġeħova rridu nuru rispett kbir. Aħseb dwar il-​viżjonijiet tal-​għaġeb li raw Isaija, Eżekjel, Danjel, u Ġwanni. Għalkemm dawn il-​viżjonijiet kienu differenti minn xulxin, kien hemm xi ħaġa simili bejniethom. Ilkoll kemm huma ddeskrivew lil Ġeħova bħala Sultan li ħaqqu rispett. Isaija ‘ra lil Ġeħova bil-​qiegħda fuq tron għoli u merfugħ ’il fuq.’ (Is. 6:1-​3) Eżekjel ra lil Ġeħova bilqiegħda fuq il-​karru ċelestjali, imdawwar ‘bid-​dija bħal dik taʼ qawsalla.’ (Eżek. 1:26-​28) Danjel ra “lix-​Xiħ fil-​Jiem” liebes ħwejjeġ bojod, u mit-​tron tiegħu kienu ħerġin fjammi tan-​nar. (Dan. 7:9, 10) U Ġwanni ra lil Ġeħova fuq tron imdawwar b’qawsalla li kienet tidher bħall-​iżmerald aħdar. (Riv. 4:2-​4) Meta naħsbu dwar il-​glorja li għandu Ġeħova, se niftakru dwar ir-​rigal sabiħ li nistgħu nitkellmu miegħu fit-​talb u li dan għandna nagħmluh b’rispett kbir. Imma dwar xiex nistgħu nitolbu?

“HEKK, MELA, ITOLBU”

4. X’nitgħallmu dwar it-​talb mill-​ewwel ftit kliem li qal Ġesù f’​Mattew 6:9, 10?

4 Aqra Mattew 6:9, 10. Fil-​Prietka taʼ Fuq il-​Muntanja, Ġesù għallem lid-​dixxipli kif jistgħu jitolbu b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Wara li qal “hekk, mela, itolbu,” Ġesù semma l-​iktar affarijiet importanti l-​ewwel. Hu talab biex jitqaddes isem Ġeħova, biex tiġi s-​Saltna u teqred lill-​għedewwa t’Alla, u għall-​affarijiet tajbin li Ġeħova se jagħmel għan-​nies u għad-​dinja fil-​futur. Meta nsemmu dawn l-​affarijiet fit-​talb tagħna nuru li l-​iskop t’Alla hu importanti għalina.

5. Ġeħova jismagħna meta nitolbuh dwar affarijiet personali?

5 Fl-​aħħar tat-​talba, Ġesù wera li nistgħu nitolbu dwar affarijiet personali. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-​ikel li jkollna bżonn, jaħfrilna d-​dnubiet li nagħmlu, jgħinna ma nċedux għat-​tentazzjoni, u jeħlisna mill-​Ħażin. (Mt. 6:11-​13) Meta nitolbu lil Ġeħova għal dawn l-​affarijiet, inkunu qed nuruh li aħna għandna bżonn l-​għajnuna tiegħu u li rridu nogħġbuh.

Ħu miżżewweġ dwar xiex jistaʼ jitlob mal-​mara tiegħu? (Ara paragrafu 6) *

6. Meta nitolbu għandna nitolbu biss dwar l-​affarijiet li semma Ġesù fit-​Talba tal-​Missierna? Spjega.

6 Ġesù ma jridx li d-​dixxipli tiegħu jirrepetu t-​Talba tal-​Missierna kelma b’kelma. Fil-​fatt f’talb ieħor, Ġesù semma affarijiet oħra li kienu importanti għalih f’dak il-​mument. (Mt. 26:39, 42; Ġw. 17:1-​26) Bl-​istess mod, aħna nistgħu nitolbu dwar dak kollu li jinkwetana. Meta jkollna bżonn nieħdu deċiżjoni nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-​għerf ħalli nifhmu xi rridu nagħmlu. (Salm 119:33, 34) Meta nirċievu inkarigu diffiċli nistgħu nitolbu biex nifhmu kif għandna nagħmluh. (Prov. 2:6) Il-​ġenituri jistgħu jitolbu għat-​tfal, it-​tfal jistgħu jitolbu għall-​ġenituri tagħhom, u lkoll kemm aħna għandna nitolbu għall-​istudenti tal-​Bibbja u għal dawk li nitkellmu magħhom fil-​ministeru. Imma meta nitolbu m’għandniex biss insemmu l-​affarijiet li għandna bżonn.

Għal liema affarijiet nistgħu nfaħħru u nirringrazzjaw lil Ġeħova fit-​talb tagħna? (Ara paragrafi 7-9) *

7. Għala għandna nfaħħru lil Ġeħova fit-​talb?

7 Irridu niftakru li fit-​talb tagħna għandna nfaħħru lil Ġeħova. Ħadd ma jixraqlu tifħir iktar minnu. Hu ‘tajjeb u lest li jaħfer.’ Hu wkoll ‘ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità.’ (Salm 86:5, 15) Bla dubju, għandna raġun infaħħru lil Ġeħova għal dak li hu u għal dak li għamel għalina.

8. Għal liema affarijiet nistgħu nirringrazzjaw lil Ġeħova? (Salm 104:12-​15, 24)

8 Aħna mhux biss infaħħru lil Ġeħova fit-​talb tagħna, imma nirringrazzjawh ukoll għall-​affarijiet sbieħ li jipprovdilna. Pereżempju, nistgħu nirringrazzjawh għall-​kuluri sbieħ li naraw fil-​fjuri, għall-​varjetà kbira taʼ ikel tajjeb, u għall-​ħbiberiji li ngawdu maʼ ħutna. Missierna kollu mħabba jagħtina dan kollu u ħafna iktar biex jagħmilna ferħanin. (Aqra Salm 104:12-​15, 24.) U l-​iktar importanti, aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova għat-​tagħlim li jipprovdilna biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha u għat-​tama sabiħa li għandna għall-​futur.

9. X’jistaʼ jgħinek tiftakar biex tirringrazzja lil Ġeħova? (1 Tessalonikin 5:17, 18)

9 Huwa faċli li ninsew nirringrazzjaw lil Ġeħova għal dak kollu li għamel għalina. X’jistaʼ jgħinek tiftakar? Tistaʼ tagħmel lista taʼ affarijiet differenti li int tlabt għalihom u mbagħad ara kif Ġeħova jkun wieġeb it-​talb tiegħek. Wara, għid talba biex tirringrazzjah għall-​għajnuna li tak. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:17, 18.) Aħseb ftit dwar dan: Aħna nħossuna kuntenti u maħbubin meta oħrajn juru li japprezzaw dak li nagħmlu magħhom. Bl-​istess mod, meta aħna niftakru biex nirringrazzjaw lil Ġeħova talli wieġeb it-​talb tagħna, hu se jħossu kuntent. (Kol. 3:15) Imma hemm raġuni oħra importanti ħafna għala għandna nirringrazzjawh.

IRRINGRAZZJA LIL ĠEĦOVA GĦAL IBNU L-​MAĦBUB

10. Skont l-​1 Pietru 2:21, għala għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova talli bagħat lil Ibnu?

10 Aqra l-1 Pietru 2:21. Aħna għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova talli bagħat lil Ibnu l-​maħbub biex jgħallimna. Meta nistudjaw dwar Ġesù nitgħallmu ħafna affarijiet dwar Ġeħova u kif nistgħu nagħmluh ferħan. Jekk nuru li għandna l-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu, aħna jistaʼ jkollna ħbiberija mill-​qrib m’Alla Ġeħova u nkunu fil-​paċi miegħu.—Rum. 5:1.

11. Għala nitolbu f’isem Ġesù?

11 Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova li nistgħu nitolbuh permezz taʼ Ibnu. Ġeħova juża lil Ġesù biex jagħtina dak li nkunu tlabnieh. Ġeħova jismaʼ u jwieġeb it-​talb li ngħidu f’isem Ġesù. Fil-​fatt, Ġesù qal: “Kulma titolbu f’ismi, jien nagħmlu, sabiex il-​Missier jiġi glorifikat permezz taʼ l-​Iben.”—Ġw. 14:13, 14.

12. X’inhi raġuni oħra għala għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova għal Ibnu?

12 Ġeħova jaħfrilna dnubietna grazzi għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Ġesù bħala l-​“qassis il-​kbir” tagħna li qiegħed “bil-​qiegħda fuq il-​lemin tat-​tron tal-​Maestà fis-​smewwiet.” (Ebr. 8:1) Ġesù hu l-​‘ajjutant tagħna maʼ Missieru.’ (1 Ġw. 2:1) Aħna vera napprezzaw li Ġeħova tana Qassis Kbir li jifhem in-​nuqqasijiet tagħna u li “jitlob bil-​ħniena għalina”! (Rum. 8:34; Ebr. 4:15) Aħna lkoll imperfetti, għalhekk mingħajr is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù ma nistgħux immorru għand Ġeħova bit-​talb. Bla dubju inti taqbel li m’għandniex kliem biżżejjed biex nirringrazzjaw lil Ġeħova għal dan ir-​rigal prezzjuż li tana—ir-​rigal taʼ Ibnu l-​maħbub!

ITLOB GĦALL-​AĦWA

13. Fil-​lejl qabel miet, Ġesù kif wera li kien iħobb lid-​dixxipli tiegħu?

13 Fil-​lejl qabel miet, Ġesù għamel ħin twil jitlob għad-​dixxipli tiegħu. Hu talab lil Missieru biex ‘iħarishom minħabba l-​Ħażin.’ (Ġw. 17:15) Dan juri kemm Ġesù kien iħobbhom! Minkejja li kien jaf li se jgħaddi minn ħafna tbatija, hu xorta kien inkwetat dwar l-​appostli tiegħu.

Meta nitolbu għal ħutna liema affarijiet nistgħu nsemmu? (Ara paragrafi 14-16) *

14. Kif nistgħu nuru li nħobbu lil ħutna?

14 Bħal Ġesù, aħna ma niffokawx biss fuq il-​bżonnijiet tagħna. Minflok, spiss nitolbu għal ħutna. Meta nagħmlu dan inkunu qed nobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex inħobbu lil xulxin u nuru lil Ġeħova kemm inħobbu lill-​aħwa. (Ġw. 13:34) It-​talb jgħin lil ħutna. Il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “It-​talb bil-​ħerqa tal-​ġust għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jwettaq.”—Ġak. 5:16.

15. Ħutna għala għandhom bżonn it-​talb tagħna?

15 Ħutna għandhom bżonn it-​talb tagħna għax qegħdin jiffaċċjaw ħafna provi. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom jissaportu l-​mard, diżastri naturali, gwerer, persekuzzjoni, u problemi oħrajn. Nistgħu nitolbu wkoll għal ħutna li jaħdmu iebes biex jagħtu l-​għajnuna wara li jseħħ xi diżastru. Forsi taf lil xi wħud li għaddejjin minn problemi simili. Għax ma ssemmihomx b’isimhom meta titlob għalihom? Meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom jissaportu, inkunu qed nuru mħabba vera lejn ħutna.

16. Għala għandna nitolbu għal dawk li jaħdmu iebes fil-​kongregazzjoni u fl-​organizzazzjoni?

16 Dawk li jaħdmu iebes fil-​kongregazzjoni u fl-​organizzazzjoni japprezzaw ħafna li nsemmuhom fit-​talb tagħna, u dan it-​talb jgħinhom. L-​appostlu Pawlu kien jaf li hu kellu bżonn it-​talb t’oħrajn. Hu kiteb: “[Itolbu] għalija wkoll, biex kulmeta niftaħ fommi tingħatali l-​abbiltà li nitkellem bil-​libertà tal-​kelma biex ngħarraf is-​sigriet sagru taʼ l-​aħbar tajba.” (Efes. 6:19) Anki llum, għandna ħafna aħwa li jaħdmu iebes biex jieħdu t-​tmexxija. Aħna nuru li nħobbuhom billi nitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom fix-​xogħol tagħhom.

META NIRRAPPREŻENTAW LIL OĦRAJN FIT-​TALB

17-18. Meta jistaʼ jkun li jkollna nirrappreżentaw lil oħrajn fit-​talb, u x’għandna nżommu f’moħħna?

17 Kultant jistaqsuna biex nirrappreżentaw lil oħrajn f’talba. Pereżempju, oħt li qed tikkonduċi studju tal-​Bibbja tistaʼ tgħid lill-​oħt li marret magħha għall-​istudju biex tgħid it-​talba. Din l-​oħt forsi ma tkunx taf sew lill-​persuna li qed tistudja, għalhekk forsi tippreferi tgħid it-​talba tal-​aħħar. B’hekk, se jkun iktar faċli għaliha biex tkun taf x’tistaʼ ssemmi dwar il-​persuna fit-​talba.

18 Ħu jaf jiġi mitlub biex jgħid talba fuq il-​grupp tal-​ministeru jew fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Għalhekk, aħwa li jingħataw dan il-​privileġġ għandhom jaddattaw it-​talba skont l-​okkażjoni. It-​talba m’għandhiex tintuża biex nagħtu parir lill-​kongregazzjoni jew biex nagħmlu xi avviż. Għal ħafna mil-​laqgħat ikun hemm ħames minuti ddedikati għall-​għanja u t-​talba, għalhekk il-​ħu li jkun qed jgħid it-​talba m’għandux jgħid “ħafna kliem,” speċjalment fil-​bidu tal-​laqgħa.—Mt. 6:7.

IT-​TALB GĦANDU JKUN PRIJORITÀ FIL-​ĦAJJA TIEGĦEK

19. X’se jgħinna nkunu preparati għal meta jiġi l-​jum taʼ Ġeħova?

19 Minħabba li l-​jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova huwa qrib, it-​talb għandu jingħata prijorità kbira fil-​ħajja tagħna. Meta Ġesù tkellem dwar dan iż-​żmien, hu qal: “Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-​ħerqa l-​ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ.” (Lq. 21:36) Jekk nitolbu spiss, il-​fidi tagħna se tkun b’saħħitha u se nkunu preparati meta jasal il-​jum taʼ Ġeħova.

20. It-​talb tagħna kif jistaʼ jkun bħal inċens li jfuħ?

20 Xi ddiskutejna f’dan l-​artiklu? Rajna kemm għandna napprezzaw ir-​rigal prezzjuż tat-​talb. Rajna li l-​iktar affarijiet importanti li għandna nitolbu dwarhom huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-​iskop taʼ Ġeħova. Fit-​talb tagħna għandna wkoll nirringrazzjaw lil Ġeħova għal Ibnu u għas-​Saltna. Rajna wkoll kemm hu importanti li nitolbu għal ħutna. Barra minn hekk, Ġeħova jridna nitolbu għal dak li jkollna bżonn u biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha. Meta naħsbu sew dwar dak li se ngħidu fit-​talb tagħna, nuru li napprezzaw dan ir-​rigal mill-​isbaħ. Il-​kliem tagħna se jkun bħal inċens li jfuħ għal Ġeħova, li ‘jieħu pjaċir bih.’—Prov. 15:8.

GĦANJA 45 Il-​meditazzjoni taʼ qalbi

^ Kemm napprezzaw li nistgħu nitkellmu maʼ Ġeħova permezz tat-​talb! Aħna rridu li t-​talb tagħna jkun bħal inċens ifuħ li jogħġob lilu. F’dan l-​artiklu se naraw dwar xiex nistgħu nitolbu. Se naraw ukoll xi punti li għandna nżommu f’moħħna meta nirrappreżentaw lil oħrajn fit-​talb.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu qed jitlob mal-​mara tiegħu biex Ġeħova jieħu ħsieb it-​tifla tagħhom li qiegħda l-​iskola, għall-​kunjatu li qiegħed l-​isptar, u għall-​istudenta tal-​mara biex tkompli tagħmel progress.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu żagħżugħ qed jirringrazzja lil Ġeħova għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, għad-​dinja sabiħa li tana, u għall-​ikel li jipprovdilna.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt titlob lil Ġeħova biex ibierek lill-​Ġemgħa li Tiggverna bl-​ispirtu tiegħu u jgħin lil dawk li qed ibatu minħabba xi diżastru naturali jew persekuzzjoni.