Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 29

Naħdmu mal-Wieħed li Qed Imexxina—Ġesù

Naħdmu mal-Wieħed li Qed Imexxina—Ġesù

“Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.”—MT. 28:18.

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova liema xogħol irid li jsir?

 ILLUM, Ġeħova jrid li l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiġi ppritkata mad-​dinja kollha. Dan hu x-​xogħol taʼ Ġeħova. (Mk. 13:10; 1 Tim. 2:3, 4) U tant hu importanti għalih li għażel lil Ibnu l-​maħbub biex imexxi dan ix-​xogħol. U minħabba li Ġesù qed jiggwidana, nistgħu nkunu ċerti li x-​xogħol tal-​ippritkar se jitlesta kif irid Ġeħova qabel jiġi t-​tmiem.—Mt. 24:14.

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 F’dan l-​artiklu se naraw kif Ġesù qed juża “lill-​ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-​ikel spiritwali u jorganizza lis-​segwaċi tiegħu fl-​ikbar kampanja taʼ ppritkar li qatt saret. (Mt. 24:45) Se naraw ukoll x’għandu jagħmel kull wieħed u waħda minna biex ngħinu lil Ġesù u lill-​ilsir leali u għaqli.

ĠESÙ JMEXXI X-​XOGĦOL TAL-​IPPRITKAR

3. X’awtorità ngħata Ġesù?

3 Ġesù qed imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar. Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Ftit qabel ma telaʼ fis-​sema, Ġesù ltaqaʼ maʼ ftit mid-​dixxipli tiegħu fuq muntanja fil-​Galilija. Hu qalilhom: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.” Wara dan il-​kliem, innota x’qalilhom: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.” (Mt. 28:18, 19) Mela, fost affarijiet oħrajn, Ġesù ngħata l-​awtorità biex imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar.

4. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù għadu qed jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​ippritkar?

4 Ġesù qal li x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli kellu jsir mad-​dinja kollha u li hu se jkun mad-​dixxipli tiegħu “l-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Dan il-​kliem jurina b’mod ċar li Ġesù kellu jibqaʼ jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​ippritkar sal-​lum il-​ġurnata.

5. Kif qed ngħinu biex titwettaq il-​profezija taʼ Salm 110:3?

5 Ġesù ma kienx inkwetat li mhux se jkun hemm biżżejjed ħaddiema matul il-​konklużjoni tas-​sistema. Hu kien jaf li l-​kliem li pprofetizza s-​salmista se jitwettaq: “Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom f’jum il-​qawwa militari tiegħek.” (Salm 110:3) Jekk tipprietka l-​aħbar tajba, inti qed tgħin lil Ġesù u lill-​ilsir leali u għaqli u qed tgħin biex titwettaq din il-​profezija. Ix-​xogħol tal-​ippritkar qed isir, imma hemm l-​isfidi.

6. X’inhi waħda mill-​isfidi li jiffaċċjaw dawk li jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna?

6 Waħda mill-​isfidi li jiffaċċjaw dawk li jippritkaw hi l-​oppożizzjoni. L-​apostati, mexxejja reliġjużi, u politikanti jaqilgħu gideb dwar ix-​xogħol tagħna. Jekk tal-​familja, nies oħrajn li nafu, jew dawk li jaħdmu magħna jemmnu dan il-​gideb, jaf jagħmlulna pressjoni biex nieqfu naqdu lil Ġeħova u nieqfu nippritkaw. F’xi pajjiżi, l-​għedewwa tagħna jheddu, jattakkaw jew jarrestaw lill-​aħwa, u anke jitfgħuhom il-​ħabs. Aħna ma niħduhiex bi kbira jekk in-​nies jittrattawna b’dan il-​mod. Ġesù qal: “Tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Il-​fatt li qed nesperjenzaw din il-​mibegħda juri li Ġeħova kuntent bina. (Mt. 5:11, 12) Satana qed jikkaġuna din l-​oppożizzjoni kollha. Imma Ġesù huwa bil-​wisq iktar b’saħħtu minnu! Bl-​għajnuna taʼ Ġesù, l-​aħbar tajba qed tiġi ppritkata lin-​nies tad-​dinja kollha. Ejja naraw kif.

7. X’juri li l-​profezija taʼ Rivelazzjoni 14:6, 7 qed titwettaq?

7 Sfida oħra li niffaċċjaw meta nippritkaw hi li n-​nies jitkellmu b’ħafna lingwi differenti. Fil-​viżjoni li ra l-​appostlu Ġwanni, Ġesù qal li l-​aħbar tajba xorta se tiġi ppritkata. (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) Kif? Aħna qed nagħtu l-​opportunità lil kemm jistaʼ jkun nies biex jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna. Illum, nies minn madwar id-​dinja jistgħu jaqraw materjal ibbażat minn fuq il-​Bibbja fuq jw.org, li jinsab f’iktar minn 1,000 lingwa! Il-​Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li jiġi tradott il-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, l-​għodda prinċipali tagħna biex nagħmlu dixxipli. Dan il-​ktieb ġie tradott f’iktar minn 700 lingwa! Tagħlim tal-​Bibbja jinsab ukoll f’vidjows għal nies neqsin mis-​smigħ u f’pubblikazzjonijiet bil-​Braille għal nies neqsin mid-​dawl. Aħna qed naraw il-​profeziji tal-​Bibbja jitwettqu. Nies “mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” qed jitgħallmu jitkellmu l-​“lingwa pura” tal-​veritajiet tal-​Bibbja. (Żak. 8:23; Sof. 3:9) Dan kollu qed jitwettaq permezz tal-​aqwa mexxej, Ġesù Kristu.

8. X’inhu r-​riżultat tax-​xogħol tal-​ippritkar li qed nagħmlu llum?

8 Illum, iktar minn tmien miljun persuna fʼ240 pajjiż jagħmlu parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u kull sena għaxriet t’eluf jitgħammdu! Imma l-​iktar ħaġa importanti hi l-​kwalitajiet Kristjani tagħhom, jiġifieri “l-​personalità l-​ġdida” li dawn id-​dixxipli ġodda ħadmu biex ikollhom. (Kol. 3:8-​10) Huma ma baqgħux immorali, vjolenti, juru preferenzi, u kburin bil-​pajjiż tagħhom. Il-​profezija li nsibu f’​Isaija 2:4 “ma jitħarrġux iktar għall-​gwerra” qed titwettaq. Peress li naħdmu iebes biex nilbsu l-​personalità l-​ġdida, aħna ngħinu n-​nies biex jinġibdu lejn l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u nuru li aħna qed insegwu l-​mexxej tagħna Kristu Ġesù. (Ġw. 13:35; 1 Pt. 2:12) Dawn l-​affarijiet mhux qed jiġru b’kumbinazzjoni. Ġesù qed jagħtina l-​għajnuna li għandna bżonn.

ĠESÙ JINKARIGA LSIR

9. Kif naraw f’​Mattew 24:45-​47, Ġesù x’qal li se jiġri fiż-​żmien tal-​aħħar?

9 Aqra Mattew 24:45-​47. Ġesù qal li matul iż-​żmien tal-​aħħar hu kellu jinkariga “lsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-​ikel spiritwali. Allura nistennew li dan l-​ilsir qed jaħdem iebes illum. U hekk qed jagħmel! Ġesù uża grupp żgħir taʼ rġiel midlukin biex jagħtu “l-​ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq” lin-​nies t’Alla u lill-​uħud interessati. Dawn l-​irġiel ma jqisux lilhom infushom bħala sidien t’oħrajn. (2 Kor. 1:24) Minflok huma jafu li Ġesù Kristu hu l-​“mexxej” u l-​“kmandant” tal-​poplu tiegħu.—Is. 55:4.

10. Liema pubblikazzjoni mill-​istampi għenitek biex issir qaddej taʼ Ġeħova?

10 Mill-​1919, l-​ilsir leali u għaqli pprepara diversi pubblikazzjonijiet biex uħud interessati jitgħallmu l-​verità dwar il-​Kelma t’Alla. Fl-​1921, l-​ilsir ipprepara l-​ktieb The Harp of God biex jgħin lil dawk interessati jitgħallmu tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Maż-​żmien ġew provduti pubblikazzjonijiet oħrajn. Liema pubblikazzjoni għenitek biex issir taf u tħobb lil Missierek tas-​sema? Kienet “Let God Be True,” Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna, Int Tista’ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art, Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Ta’ Dejjem, Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?, X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja?, jew l-​aħħar pubblikazzjoni li ħarġet, Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!? Dawn il-​pubblikazzjonijiet kollha ġew magħmula biex jgħinuna nagħmlu dixxipli u meta ħarġu kienu dak li kellna bżonn.

11. Għala huwa importanti li lkoll kemm aħna nkomplu nitgħallmu dwar Ġeħova u l-​Bibbja?

11 Mhux dawk l-​uħud ġodda biss għandhom bżonn ikollhom għarfien tajjeb dwar Ġeħova u l-​Bibbja, imma anki aħna. L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​ikel solidu hu għan-​nies maturi.” Pawlu qal ukoll li meta napplikaw dak li nitgħallmu mill-​Iskrittura se jgħinna nkunu nafu ‘nagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.’ (Ebr. 5:14) Illum jistaʼ jkun diffiċli ħafna biex nobdu l-​livelli taʼ Ġeħova għax ħafna nies huma immorali ħafna. Imma Ġesù jagħmel ċert li aħna nitgħallmu l-​affarijiet li għandna bżonn biex ikollna fidi soda. Aħna nirċievu t-​tagħlim mill-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja. L-​ilsir leali u għaqli jipprepara u jqassam dan l-​ikel taħt id-​direzzjoni taʼ Ġesù.

12. Bħal Ġesù, kif urejna kemm hu importanti għalina l-​isem t’Alla?

12 Bħal Ġesù, aħna tajna l-​importanza li jixraqlu l-​isem t’Alla. (Ġw. 17:6, 26) Pereżempju, fl-​1931 bdejna nissejħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova kif tgħid il-​Bibbja. B’hekk urejna kemm hu importanti għalina l-​isem t’Alla u li ridna nkunu magħrufin b’isem Missierna tas-​sema. (Is. 43:10-​12) U minn Ottubru taʼ dik is-​sena, l-​isem t’Alla deher fuq il-​faċċata taʼ kull ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa. Barra minn hekk, fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ta’ l-​Iskrittura Mqaddsa reġaʼ tpoġġa l-​isem t’Alla fejn suppost. Dan hu totalment differenti mill-​knejjes tal-​Kristjaneżmu li neħħew l-​isem Ġeħova minn ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja tagħhom!

ĠESÙ JORGANIZZA LID-​DIXXIPLI TIEGĦU

13. X’jikkonvinċik li Ġesù qed juża “lill-​ilsir leali u għaqli” llum? (Ġwanni 6:68)

13 Permezz “tal-​ilsir leali u għaqli,” Ġesù bena organizzazzjoni tal-​għaġeb fuq l-​art biex ikun hemm qima pura. Kif tħossok dwar din l-​organizzazzjoni? Forsi tħossok l-​istess kif ħassu l-​appostlu Pietru meta qal lil Ġesù: “Għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:68) Min jaf x’sar minna llum kieku ma ltqajniex max-​Xhieda taʼ Ġeħova! Permezz taʼ din l-​organizzazzjoni, Kristu jagħmel ċert li jkollna dak li għandna bżonn biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. Ukoll, jagħtina trejning biex ikollna suċċess fil-​ministeru. Iktar minn hekk, hu jgħinna nilbsu “l-​personalità l-​ġdida” ħalli b’hekk nogħġbu lil Ġeħova.—Efes. 4:24.

14. Minħabba li int parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kif ibbenefikajt matul il-​pandemija tal-​COVID-​19?

14 Ġesù jipprovdilna direzzjoni tajba anki fi żmien diffiċli. Dan rajnieh b’mod ċar meta bdiet il-​pandemija tal-​COVID-​19. Filwaqt li ħafna nies ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, Ġesù għamel ċert li nirċievu direzzjoni biex inkunu protetti. Konna inkuraġġiti biex nilbsu l-​maskra u nżommu d-​distanza soċjali. L-​anzjani ġew imfakkrin biex ikollhom kuntatt regolari mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni u joqogħdu attenti għal dak li kellhom bżonn biex jibqgħu protetti, f’saħħithom, u qrib taʼ Ġeħova. (Is. 32:1, 2) Ukoll, irċivejna direzzjoni u inkuraġġiment mir-​rapporti tal-​Ġemgħa li Tiggverna.

15. X’direzzjoni rċivejna dwar il-​laqgħat u l-​ministeru waqt il-​pandemija, u x’kien ir-​riżultat?

15 Waqt il-​pandemija rċivejna direzzjoni ċara dwar kif nattendu l-​laqgħat u nieħdu sehem fil-​ministeru. Fi żmien qasir bdejna nattendu l-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet permezz tal-​videoconference. Ukoll, il-​biċċa l-​kbira tax-​xogħol tal-​ippritkar sar permezz tal-​ittri u tat-​telefown. Ġeħova bierek l-​isforzi tagħna. Ħafna fergħat irrapportaw żieda kbira fin-​numru taʼ pubblikaturi. Fil-​fatt, ħafna minn ħutna kellhom esperjenzi taʼ inkuraġġiment matul dan iż-​żmien.—Ara l-​kaxxa “ Ġeħova Jbierek ix-​Xogħol tal-​Ippritkar.”

16. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

16 Xi wħud forsi ħasbu li l-​organizzazzjoni qed toqgħod attenta żżejjed minħabba l-​pandemija. Imma llum nistgħu naraw b’mod ċar li d-​direzzjoni li rċivejna kienet tajba ħafna. (Mt. 11:19) U meta nimmeditaw fuq kif Ġesù bi mħabba qed imexxi l-​poplu tiegħu, se nkunu ċerti li jiġri x’jiġri fil-​futur, Ġeħova u Ibnu l-​maħbub se jkunu magħna.—Aqra Ebrej 13:5, 6.

17. Il-​fatt li Ġesù hu l-​mexxej tiegħek, kif tħossok?

17 Kemm aħna ferħanin li l-​mexxej tagħna hu Ġesù! Aħna nagħmlu parti minn organizzazzjoni magħquda minkejja li għandna kultura, nazzjon, u lingwa differenti. Aħna nirċievu ħafna tagħlim mill-​Kelma t’Alla u nirċievu t-​trejning li għandna bżonn biex nagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar. Kull wieħed u waħda minna qed jiġi mgħallem kif jilbes il-​personalità l-​ġdida u biex inħobbu lil xulxin. Kemm għandna għalfejn inkunu kburin li Ġesù hu l-​mexxej tagħna!

GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-​Midluk

^ Illum, miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Int wieħed jew waħda minnhom? Jekk iva, inti qed tkun gwidat mill-​Mulej tagħna, Ġesù Kristu. F’dan l-​artiklu se naraw l-​evidenza li Ġesù qed imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar illum. Li nimmeditaw fuq din l-​informazzjoni se jgħinna biex inkunu determinati li nkomplu naqdu lil Ġeħova taħt id-​direzzjoni taʼ Kristu.