Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-dixxiplina—Evidenza tal-imħabba t’Alla

Id-dixxiplina—Evidenza tal-imħabba t’Alla

“Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb.”—EBREJ 12:6.

GĦANJIET: 125, 117

1. Id-​dixxiplina kif tiġi deskritta fil-​Bibbja?

META tismaʼ l-​kelma “dixxiplina” fiex taħseb? Ħafna nies jaħsbu f’kastig, imma d-​dixxiplina hi ħafna iktar minn dan. Il-​Bibbja tgħid li d-​dixxiplina hi taʼ ġid għalina u xi drabi ssemmiha flimkien mal-​għarfien, l-​għerf, l-​imħabba, u l-​ħajja. (Proverbji 1:2-7; 4:11-13) Dan għaliex id-​dixxiplina t’Alla hi espressjoni taʼ mħabbtu għalina u tax-​xewqa tiegħu li aħna ngħixu għal dejjem. (Ebrej 12:6) Għalkemm id-​dixxiplina t’Alla kultant tinkludi kastig, din qatt ma tkun kiefra jew taʼ ħsara. Fil-​fatt, l-​iktar tifsira importanti tal-​kelma “dixxiplina” tinvolvi edukazzjoni, bħall-​edukazzjoni li ġenitur jagħti lil iben jew bint li jħobb.

2, 3. Id-​dixxiplina kif tistaʼ tinkludi tagħlim u kastig? (Ara l-​ewwel stampa.)

2 Aħseb dwar dan l-​eżempju. Tfajjel jismu Johnny kien qed jixxuttja l-​ballun fid-​dar. Ommu qaltlu: “Johnny, taf li m’għandekx tilgħab bil-​ballun fid-​dar! Se tkisser xi ħaġa.” Imma hu injoraha ’l ommu u baqaʼ jilgħab bil-​ballun. B’hekk laqgħat vażun, u tkisser! Omm Johnny x’għamlet biex tiddixxiplinah? Hi għallmitu billi spjegatlu għala dak li għamel kien ħażin. Hi riditu jirrealizza li hu tajjeb għalih li jobdi lill-​ġenituri tiegħu u li r-​regoli tagħhom huma neċessarji u raġunevoli. Biex tgħin lil Johnny jitgħallem din il-​lezzjoni, hi ddeċidiet li jkun xieraq li tagħtih kastig billi tiħodlu l-​ballun għal xi żmien. Johnny ma ħax gost, imma dan għenu jiftakar li jkun hemm il-​konsegwenzi jekk ma jobdix lill-​ġenituri.

3 Bħala Kristjani, aħna parti mid-​dar t’Alla. (1 Timotju 3:15) Missierna, Ġeħova, għandu d-​dritt li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u li jiddixxiplinana meta ma nobduhx. Iżjed minn hekk, jekk dak li nagħmlu jġib konsegwenzi xejn sbieħ, aħna niġu mfakkrin kemm hu importanti li nobdu minn Missierna tas-​sema. Dan ukoll hu parti mid-​dixxiplina bi mħabba tiegħu. (Galatin 6:7) Alla jħobbna ħafna u ma jridniex inbatu.—1 Pietru 5:6, 7.

4. (a) Ġeħova kif iridna nħarrġu lil oħrajn? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

4 Meta d-​dixxiplina li nagħtu tkun ibbażata fuq il-​Bibbja, inkunu nistgħu ngħinu tifel jew tifla jew student isir segwaċi taʼ Kristu. Aħna nużaw il-​Bibbja biex ngħallmu l-​istudenti dak li hu tajjeb u ngħinuhom jifhmu u ‘josservaw dak kollu li Ġesù ordnalna.’ (Mattew 28:19, 20; 2 Timotju 3:16) Dan hu l-​mod kif Ġeħova jridhom jitħarrġu sabiex anke huma jkunu jistgħu jgħinu oħrajn jimxu wara Kristu. (Aqra Titu 2:11-14.) Issa ejja niddiskutu tliet mistoqsijiet importanti: (1) Id-​dixxiplina t’Alla kif turi li jħobbna? (2) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ nies li kienu ddixxiplinati minn Alla? (3) Kif nistgħu nimitaw il-​mod kif Ġeħova u Ibnu jiddixxiplinaw?

ALLA JIDDIXXIPLINA BI MĦABBA

5. Id-​dixxiplina taʼ Ġeħova kif tagħti prova li jħobbna?

5 Ġeħova jikkoreġina, jedukana, u jħarriġna għax iħobbna. Hu jridna nibqgħu qrib tiegħu u ngħixu għal dejjem. (1 Ġwanni 4:16) Hu qatt ma jweġġagħna bi kliemu jew iġegħelna nħossuna ma niswew għal xejn. (Proverbji 12:18) Minflok, Ġeħova jiffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin tagħna u jippermetti li jkollna l-​libertà tal-​għażla. Tistaʼ int tara kif id-​dixxiplina li ningħataw permezz tal-​Bibbja, il-​pubblikazzjonijiet tagħna, il-​ġenituri, jew l-​anzjani tagħti prova li Ġeħova jħobbna? Fil-​fatt, meta l-​anzjani jipprovaw jikkoreġuna bi ħlewwa u mħabba anke saħansitra qabel ma nindunaw li għamilna “xi pass falz,” huma tabilħaqq ikunu qed jimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova għalina.—Galatin 6:1.

6. Id-​dixxiplina kif turi l-​imħabba t’Alla anke jekk tkun tfisser li xi ħadd ma jibqax jikkwalifika għal inkarigu?

6 Xi drabi, id-​dixxiplina tinvolvi iktar minn parir. Jekk xi ħadd ikun dineb serjament, ma jibqax jikkwalifika għal ċerti inkarigi fil-​kongregazzjoni. Anke meta jiġri dan, id-​dixxiplina turi l-​imħabba t’Alla għalih. Pereżempju, din tistaʼ tgħinu jara kemm hu importanti li jqattaʼ iktar ħin jistudja l-​Bibbja, jimmedita, u jitlob. Li jagħmel dawn l-​affarijiet jistaʼ jgħin ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova tissaħħaħ. (Salm 19:7) Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, hu jistaʼ jerġaʼ jingħata r-​responsabbiltajiet jew l-​inkarigi li tilef. Anke meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-​sħubija, dan juri l-​imħabba taʼ Ġeħova għax b’hekk il-​kongregazzjoni tiġi protetta minn influwenza ħażina. (1 Korintin 5:6, 7, 11) U peress li d-​dixxiplina t’Alla dejjem ġusta, din tgħin lil min ikun maqtugħ mis-​sħubija biex jifhem kemm hu serju d-​dnub tiegħu. Dan jistaʼ jwasslu biex jindem.—Atti 3:19.

ID-​DIXXIPLINA TAʼ ĠEĦOVA HI GĦALL-​ĠID TAGĦNA

7. Min kien Sebna, u liema kwalità ħażina żviluppa?

7 Biex nifhmu kemm hi importanti d-​dixxiplina, issa se nitkellmu dwar żewġ persuni li Ġeħova ddixxiplina. Wieħed hu Sebna, Iżraeli li għex fi żmien is-​Sultan Ħeżekija, u l-​ieħor Graham, ħu fi żmienna. Sebna kien il-​prokuratur “fuq id-​dar,” li milli jidher kienet dik tas-​Sultan Ħeżekija, u kellu ħafna awtorità. (Isaija 22:15) Imma hu sar kburi u ried iġiegħel lil oħrajn jaħsbu li kien importanti. Hu saħansitra għamel għalih innifsu qabar jiswa l-​flus u rikeb “karrijiet tal-​glorja.”—Isaija 22:16-18.

Jekk aħna umli u lesti naġġustaw l-attitudni tagħna, Alla jberikna (Ara paragrafi 8-10)

8. Ġeħova kif iddixxiplinah lil Sebna, u x’kien ir-​riżultat?

8 Peress li Sebna pprova jikseb glorja għalih innifsu, Alla ta l-​inkarigu tiegħu lil raġel jismu Eljakim. (Isaija 22:19-21) Dan ġara meta s-​Sultan Sennakerib tal-​Assirja ppjana biex jattakka ’l Ġerusalemm. Iktar tard, Sennakerib bagħat grupp t’uffiċjali u armata kbira biex ibeżżaʼ lil-​Lhud u jġiegħel lis-​Sultan Ħeżekija jċedi. (2 Slaten 18:17-25) Ħeżekija bagħat lil Eljakim u żewġt irġiel oħra biex jiltaqgħu mal-​uffiċjali. Wieħed minn dawn l-​irġiel kien Sebna, li issa kien segretarju. Minn dan nistgħu naraw li probabbilment Sebna kien tgħallem ikun umli u ma ħassux offiż jew tħassar lilu nnifsu. Hu kien lest jaċċetta pożizzjoni t’inqas importanza. X’tagħlimiet nistgħu nieħdu minn dak li ġralu Sebna? Ejja nikkunsidraw tlieta.

9-11. (a) Liema tagħlimiet importanti nistgħu nieħdu minn Sebna? (b) Kif tħossok dwar il-​mod kif Ġeħova ttratta lil Sebna?

9 L-​ewwel, il-​fatt li Sebna tilef il-​pożizzjoni tiegħu jfakkarna li “qabel tisbita jkun hemm il-​kburija.” (Proverbji 16:18) Aħna jistaʼ jkollna inkarigi speċjali fil-​kongregazzjoni, u oħrajn jistgħu jaħsbu li aħna importanti. Jekk dan hu l-​każ, se nibqgħu umli? Se niftakru li kwalunkwe abbiltà li għandna u kwalunkwe ħaġa tajba li nwettqu huma biss bis-​saħħa taʼ Ġeħova? (1 Korintin 4:7) L-​appostlu Pawlu wissa: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku.”—Rumani 12:3.

10 It-​tieni, il-​parir sod li Ġeħova ta lil Sebna jistaʼ jindika li hu emmen li Sebna setaʼ jinbidel. (Proverbji 3:11, 12) Din hi tagħlima għal dawk li tilfu inkarigu speċjali. Minflok ma jirrabjaw u jħossuhom offiżi, huma jistgħu jkomplu jagħtu l-​aħjar tagħhom lil Ġeħova. Huma jistgħu jagħżlu li jqisu d-​dixxiplina bħala evidenza tal-​imħabba taʼ Ġeħova. Ftakar li fl-​aħħar mill-​aħħar, Missierna se jippremja lil dawk li jibqgħu umli. (Aqra l-​1 Pietru 5:6, 7.) Id-​dixxiplina bi mħabba taʼ Ġeħova tistaʼ ssawwarna jekk aħna nkunu umli u rotob bħat-​tafal.

11 It-​tielet, aħna nieħdu tagħlima importanti ħafna mill-​mod kif Ġeħova ttratta lil Sebna. Għalkemm il-​mod kif Ġeħova jiddixxiplina juri li jobgħod id-​dnub, juri wkoll li hu jħobb lill-​persuna li dinbet. Ġeħova jfittex għat-​tajjeb fin-​nies. Jekk int ġenitur jew anzjan, se timita l-​mod kif Ġeħova jiddixxiplina?—Ġuda 22, 23.

12-14. (a) Xi wħud kif jirreaġixxu għad-​dixxiplina taʼ Ġeħova? (b) Il-​Kelma t’Alla kif għenet ħu jbiddel l-​attitudni tiegħu, u x’kien ir-​riżultat?

12 B’dispjaċir, xi nies tant iħossuhom imweġġgħin meta jiġu ddixxiplinati li jitbiegħdu minn Alla u l-​kongregazzjoni. (Ebrej 3:12, 13) Ifisser dan li ħadd ma jistaʼ jgħinhom? Le! Ħu l-​eżempju taʼ Graham, li kien maqtugħ mis-​sħubija u iktar tard ġie aċċettat lura fil-​kongregazzjoni. Madankollu, wara dan, hu waqaf jipprietka u jmur il-​laqgħat. Anzjan għamel l-​isforz biex isir ħabib taʼ Graham, u eventwalment Graham talab lill-​anzjan biex jistudja l-​Bibbja miegħu.

13 L-​anzjan jiftakar: “Graham kellu problema bil-​kburija. Hu kien jikkritika lill-​anzjani li kellhom x’jaqsmu mal-​qtugħ mis-​sħubija tiegħu. Allura, għal ftit mill-​istudji li kien imiss, aħna ddiskutejna skritturi fuq il-​kburija u l-​effetti tagħha. Graham beda jara lilu nnifsu b’mod ċar fil-​mera tal-​Kelma t’Alla, u ma ħax gost b’dak li ra! L-​effett kien tal-​għaġeb! Wara li għaraf li l-​kburija kienet bħal ‘travu’ li qed jagħmih u li l-​attitudni taʼ kritika li kellu kienet il-​problema tiegħu, hu malajr beda jagħmel bidliet għall-​aħjar. Beda jattendi l-​laqgħat Kristjani regolarment, jistudja l-​Kelma t’Alla bis-​serjetà, u jiħodha drawwa li jitlob kuljum. Ukoll, hu aċċetta r-​responsabbiltajiet spiritwali tiegħu bħala l-​kap tal-​familja, xi ħaġa li ferrħithom ferm lil martu u wliedu.”—Luqa 6:41, 42; Ġakbu 1:23-25.

14 L-​anzjan żied: “Darba, Graham qalli xi ħaġa li messitli qalbi. Hu qal; ‘Ili snin naf il-​verità u saħansitra qdejt bħala pijunier. Iżda issa nistaʼ ngħid b’onestà li nħobb lil Ġeħova.’” Ftit wara, Graham ġie inkarigat biex joqgħod bil-​mikrofoni fil-​laqgħat, u hu kien ferħan b’dan l-​inkarigu. L-​anzjan qal: “L-​eżempju tiegħu għallimni li meta xi ħadd jumilja ruħu quddiem Alla billi jaċċetta d-​dixxiplina, jibdew ġejjin ħafna barkiet!”

IMITA LIL ALLA U LIL KRISTU META TIDDIXXIPLINA

15. X’għandna nagħmlu sabiex id-​dixxiplina tagħna tkun effettiva?

Meta oħrajn jaraw li int umli, se jkun iktar faċli għalihom biex jaċċettaw parir mingħandek

15 Jekk irridu nsiru għalliema tajbin, għandna l-​ewwel inkunu studenti tajbin. (1 Timotju 4:15, 16) Bl-​istess mod, jekk Ġeħova qed juża lilek biex tiddixxiplina lil oħrajn, int għandek tibqaʼ umli u tħalli lil Ġeħova jiggwidak f’ħajtek. Meta oħrajn jaraw li int umli, huma se jirrispettawk u se jkun iktar faċli għalihom biex jaċċettaw parir mingħandek. Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù.

16. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġesù dwar dixxiplina xierqa u tagħlim effettiv?

16 Ġesù dejjem obda lil Missieru, anke meta dan kien diffiċli ħafna. (Mattew 26:39) Hu fakkar lis-​semmiegħa tiegħu li t-​tagħlim u l-​għerf tiegħu kienu ġejjin mingħand Missieru. (Ġwanni 5:19, 30) L-​umiltà u l-​ubbidjenza taʼ Ġesù għenuh ikun għalliem li jħoss għal ħaddieħor u juri qalb tajba. Nies onesti kienu jieħdu gost ikunu miegħu. (Aqra Mattew 11:29.) Il-​kliem ħelu taʼ Ġesù inkuraġġixxa lil dawk li kienu skuraġġiti u li ħassewhom dgħajfin. (Mattew 12:20) Hu kkoreġa lill-​appostli tiegħu bi ħlewwa u mħabba anke meta setgħu rritawh bl-​argumenti tagħhom dwar min minnhom kien l-​akbar.—Marku 9:33-37; Luqa 22:24-27.

17. Liema kwalitajiet se jgħinu lill-​anzjani jieħdu ħsieb sew il-​kongregazzjoni?

17 Kull meta l-​anzjani jagħtu dixxiplina bbażata fuq prinċipji Bibliċi, ikollhom bżonn jimitaw lil Kristu. B’hekk se juru li jridu jiġu ggwidati minn Alla u Ibnu. L-​appostlu Pietru kiteb: “Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest, imma bil-​ħerqa; u mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-​merħla.” (1 Pietru 5:2-4) Anzjani li b’ferħ ikunu sottomessi lejn Alla u Kristu se jibbenefikaw kemm huma u kemm dawk li jieħdu ħsieb.—Isaija 32:1, 2, 17, 18.

18. (a) Ġeħova x’jistenna li jagħmlu l-​ġenituri? (b) Alla kif jgħinhom lill-​ġenituri?

18 Xi ngħidu dwar id-​dixxiplina u t-​taħriġ fil-​familja? Lill-​kapijiet tal-​familja Ġeħova jgħidilhom: “Iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) It-​taħriġ u d-​dixxiplina huma verament neċessarji? Proverbji 19:18 juri li d-​dixxiplina tistaʼ tfisser ħajja jew mewt għal uliedna. Ġeħova jagħti r-​responsabbiltà lill-​ġenituri biex jiddixxiplinaw ’l uliedhom. Jekk ma jagħmlux dan, huma jridu jagħtu kont lilu! (1 Samwel 3:12-14) Imma Ġeħova jagħti l-​għerf u s-​saħħa li l-​ġenituri jkollhom bżonn meta jitolbu għall-​għajnuna tiegħu u jistrieħu fuq il-​Kelma tiegħu u l-​ispirtu qaddis biex jiggwidawhom.—Aqra Ġakbu 1:5.

NITGĦALLMU NGĦIXU FIL-​PAĊI GĦAL DEJJEM

19, 20. (a) X’barkiet ikollna meta naċċettaw id-​dixxiplina t’Alla? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

19 Jekk naċċettaw id-​dixxiplina t’Alla u nimitaw il-​mod kif Ġeħova u Ġesù jiddixxiplinaw, aħna se jkollna ħafna u ħafna barkiet! Il-​familji u l-​kongregazzjonijiet tagħna se jkunu fil-​paċi, u kulħadd se jħossu maħbub, apprezzat, u protett. Dan hu biss ħjiel żgħir tal-​paċi u l-​ferħ li se jkollna fil-​futur. (Salm 72:7) Id-​dixxiplina taʼ Ġeħova qed tippreparana biex ngħixu għal dejjem bħala familja magħquda u fil-​paċi, flimkien maʼ Ġeħova bħala l-​Missier tagħna. (Aqra Isaija 11:9.) Jekk niftakru dan, aħna se naraw x’inhi verament id-​dixxiplina: mod sabiħ kif Alla jurina mħabbtu.

20 Fl-​artiklu li jmiss, se nitgħallmu iktar dwar id-​dixxiplina fil-​familja u l-​kongregazzjoni. Se niddiskutu kif nistgħu niddixxiplinaw lilna nfusna. U se nitgħallmu kif nevitaw xi ħaġa bil-​wisq iktar taʼ wġigħ minn kwalunkwe dixxiplina li qatt nistgħu ningħataw.