Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-magħmudija—Ħtieġa għall-Kristjani

Il-magħmudija—Ħtieġa għall-Kristjani

“[Il-​magħmudija] issa qed issalva lilkom ukoll.”—1 PIETRU 3:21.

GĦANJIET: 7, 56

1, 2. (a) Xi ġenituri kif iħossuhom meta binhom jew binthom tkun trid titgħammed? (b) Dawk li jridu jitgħammdu għala jiġu mistoqsijin jekk iddedikawx lilhom infushom lil Ġeħova? (Ara l-​ewwel stampa.)

IL-​ĠENITURI taʼ Maria ħarsu lejn binthom hekk kif qamet bilwieqfa maʼ oħrajn li riedu jitgħammdu. Il-​kelliem staqsa żewġ mistoqsijiet. Maria wieġbet b’vuċi għolja u ċara. Ftit wara dan, tgħammdet.

2 Il-​ġenituri taʼ Maria kienu kburin ħafna li binthom kienet iddedikat ħajjitha lil Ġeħova u tgħammdet. Imma qabel dan, omm Maria kienet xi ftit imħassba. Qalet bejnha u bejn ruħha: ‘Tgħid Maria għadha żgħira wisq biex titgħammed? Tassew tifhem is-​serjetà taʼ li tiddedika lilha nfisha lil Ġeħova? Għandha tistenna iktar biex titgħammed?’ Ħafna ġenituri li jħobbu lil uliedhom jistaqsu mistoqsijiet bħal dawn meta binhom jew binthom tgħid li trid titgħammed. (Ekkleżjasti 5:5) Wara kollox, l-​iktar deċiżjoni importanti li xi ħadd jistaʼ jieħu hi li jiddedika ħajtu lil Ġeħova u jitgħammed.—Ara l-​kaxxa “ Iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova?

3, 4. (a) L-​appostlu Pietru kif għallimna li l-​magħmudija hi importanti ħafna? (b) Pietru għala qabbel il-​magħmudija maʼ li Noè jibni l-​arka?

3 L-​appostlu Pietru qabbel il-​magħmudija mal-​bini tal-​arka taʼ Noè. Hu qal: “[Il-​magħmudija,] li hi ekwivalenti għal dan, issa qed issalva lilkom ukoll.” (Aqra l-​1 Pietru 3:20, 21.) L-​arka kienet prova ovvja għal oħrajn li Noè ried jagħmel ir-​rieda t’Alla b’qalbu kollha. Noè b’lealtà għamel ix-​xogħol li tah Ġeħova. Minħabba l-​fidi li kellu Noè, Ġeħova salva lilu u lill-​familja tiegħu matul id-​Dulluvju. Pietru x’kien qed jipprova jgħallimna?

4 Meta n-​nies raw l-​arka, kienu jafu li Noè kellu fidi f’Alla. Meta n-​nies jaraw lil xi ħadd jitgħammed, jafu li jkun iddedika ħajtu lil Alla minħabba l-​fidi tiegħu fi Kristu rxoxtat. Bħal Noè, dawk li jitgħammdu jobdu lil Alla u jagħmlu x-​xogħol li tahom jagħmlu. U bħalma Ġeħova salva lil Noè matul id-​Dulluvju, hu se jsalva lill-​qaddejja mgħammdin u leali tiegħu meta jeqred din id-​dinja mill-​agħar. (Marku 13:10; Rivelazzjoni 7:9, 10) Jidher ċar li hu importanti ħafna li niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova u nitgħammdu. Fil-​fatt, wieħed li jipposponi l-​magħmudija jew li jitnikker bla bżonn biex jitgħammed jistaʼ jitlef l-​opportunità li jgħix għal dejjem.

5. X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

5 Issa li nafu kemm hi serja l-​magħmudija, jeħtieġ li nkunu nafu t-​tweġiba għal dawn it-​tliet mistoqsijiet: Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​magħmudija? X’għandu jagħmel wieħed qabel ikun jistaʼ jitgħammed? Għaliex għandna dejjem niftakru kemm hi importanti l-​magħmudija meta ngħallmu lil uliedna jew lil student tal-​Bibbja?

X’TGĦALLEM IL-BIBBJA DWAR IL-MAGĦMUDIJA

6, 7. (a) X’kienet tfisser il-​magħmudija taʼ Ġwanni? (b) Liema magħmudija kienet differenti mill-​oħrajn kollha, u għala?

6 L-​ewwel magħmudija li naqraw dwarha fil-​Bibbja hija dik li għamel Ġwanni l-​Battista. (Mattew 3:1-6) In-​nies għala marru għandu biex jitgħammdu? Għamlu dan sabiex juru li kienu nidmu minn dnubiethom, jiġifieri, ammettew li kienu kisru l-​Liġi taʼ Mosè u li kien iddispjaċiehom ħafna. Imma l-​iktar magħmudija importanti li għamel Ġwanni kellha tifsir kompletament differenti. Ġwanni kellu l-​unur kbir li jgħammed lil Ġesù, l-​Iben perfett t’Alla. (Mattew 3:13-17) Ġesù qatt ma kien dineb. Ma kellux bżonn jindem. (1 Pietru 2:22) Allura, Ġesù għala tgħammed? Sabiex juri li kien lest li juża ħajtu biex jagħmel ir-​rieda t’Alla.—Ebrej 10:7.

7 Wara li Ġesù beda jipprietka, id-​dixxipli tiegħu bdew jgħammdu lil oħrajn. (Ġwanni 3:22; 4:1, 2) Dawn in-​nies ukoll tgħammdu għax kienu nidmu minn dnubiethom li kienu kontra l-​Liġi taʼ Mosè. Imma wara li Ġesù miet u ġie rxoxtat, dawk li riedu jkunu dixxipli tiegħu kellhom jitgħammdu għal raġuni differenti.

8. (a) Ġesù liema kmand ta wara l-​irxoxt tiegħu? (b) Il-​Kristjani għala jeħtieġ li jitgħammdu?

8 Fis-​sena 33, ftit wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù kellem lil iktar minn 500 raġel u mara u possibbilment anke tfal. Jistaʼ jkun li kien f’din l-​okkażjoni meta qal: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:19, 20; 1 Korintin 15:6) Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli. Xi ħadd li jrid ikun dixxiplu tiegħu, jew jieħu “l-​madmad” tiegħu, għandu jitgħammed. (Mattew 11:29, 30) Sabiex wieħed jaqdi lil Alla b’mod li jogħġob Lilu, hu għandu jaċċetta li Alla juża lil Ġesù biex iwettaq ir-​rieda Tiegħu. Imbagħad, dan l-​individwu jkun jistaʼ jitgħammed bl-​approvazzjoni t’Alla. Fil-​Bibbja hemm ħafna evidenza li d-​dixxipli li kellu Ġesù fil-​bidu kienu jafu kemm kien importanti li jitgħammdu. Huma ma kinux jaħsbu li kellhom jistennew u jitgħammdu iktar tard.—Atti 2:41; 9:18; 16:14, 15, 32, 33.

TITNIKKIRX BIEX TITGĦAMMED

9, 10. X’nistgħu nitgħallmu dwar il-​magħmudija mir-​raġel Etjopjan u minn Sawl?

9 Aqra Atti 8:35, 36. Raġel Etjopjan li kien aċċetta t-​twemmin Lhudi kien sejjer lura d-​dar wara li ta qima fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. L-​anġlu taʼ Ġeħova bagħat lil Filippu biex jagħtih xhieda, u Filippu għallmu “l-​aħbar tajba dwar Ġesù.” Kif irreaġixxa r-​raġel Etjopjan? Hu fehem kemm kien importanti li jaċċetta lil Ġesù bħala Mulej, u ried jagħmel dak li Ġeħova jistenna mill-​Kristjani. Allura tgħammed bla ma qagħad jitnikker.

10 Eżempju ieħor hu tar-​raġel Lhudi li kien jismu Sawl. Il-​ġens Lhudi kollu kien dedikat lil Alla, iżda Ġeħova kien ċaħad lil-​Lhud għax ma kinux obdewh. Sawl kien jemmen li l-​Lhud kienu għadhom jaqdu lil Alla bil-​mod it-​tajjeb, allura ppersegwita lill-​Kristjani. Imma darba waħda, Ġesù rxoxtat, li Sawl ħaseb li kien mejjet, kellem personalment lil Sawl mis-​sema. Sawl kif irreaġixxa? Bil-​ferħ aċċetta l-​għajnuna mingħand id-​dixxiplu Kristjan Ananija. Il-​Bibbja tgħid: “Qam u tgħammed.” (Atti 9:17, 18; Galatin 1:14) Iktar tard, hu sar magħruf bħala l-​appostlu Pawlu. Innota li malli fehem li Alla kien qed juża lil Ġesù biex iwettaq ir-​rieda Tiegħu, Sawl tgħammed bla ma qagħad jitnikker.—Aqra Atti 22:12-16.

L-​istudenti tal-​Bibbja huma grati li jitgħallmu l-​verità u huma ħerqanin biex jitgħammdu

11. (a) L-​istudenti tal-​Bibbja xi jġegħelhom jiddeċiedu li jitgħammdu? (b) Kif inħossuna meta xi ħadd jitgħammed?

11 Illum, ukoll, ħafna studenti tal-​Bibbja, żgħar u kbar, jagħmlu l-​istess ħaġa. Peress li huma jħobbu u jafdaw dak li tgħid il-​Bibbja, huma ħerqanin biex jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u jitgħammdu. Fil-​fatt, it-​taħdita tal-​magħmudija dejjem tkun mument speċjali fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkunu ferħanin meta studenti tal-​Bibbja jaċċettaw il-​verità u jiddeċiedu li jitgħammdu. Il-​ġenituri jkunu ferħanin ħafna meta wliedhom jagħmlu l-​istess ħaġa. Matul is-​sena taʼ servizz tal-​2017, iktar minn 284,000 persuna tgħammdu biex juru li kienu ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova. (Atti 13:48) Biċ-​ċar, huma fehmu li jeħtieġ li l-​Kristjani jitgħammdu. Imma x’kellhom jagħmlu qabel setgħu jitgħammdu?

12. L-​istudenti tal-​Bibbja x’għandhom jagħmlu qabel ikunu jistgħu jitgħammdu?

12 Qabel ma l-​istudenti tal-​Bibbja jkunu jistgħu jitgħammdu, huma għandhom jitgħallmu l-​verità dwar Alla, l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin u għall-​art, u x’għamel biex isalva lill-​umanità. (1 Timotju 2:3-6) Imbagħad ikollhom bżonn jiżviluppaw il-​fidi, li se tgħinhom jobdu l-​liġijiet t’Alla u jieqfu jagħmlu dak li jobgħod. (Atti 3:19) Dan hu importanti, għaliex Ġeħova mhux se jaċċetta d-​dedikazzjoni taʼ xi ħadd li jibqaʼ jagħmel dak li Hu jobgħod. (1 Korintin 6:9, 10) Imma jinvolvi iktar minn hekk. Dawk li jridu jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova jeħtieġ li jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u jippritkaw regolarment l-​aħbar tajba u jgħallmu lil oħrajn. Dan hu meħtieġ minn kull min irid isegwi lil Kristu. (Atti 1:8) Student għandu l-​ewwel jagħmel dawn l-​affarijiet kollha. Imbagħad ikun jistaʼ jiddedika ħajtu lil Ġeħova permezz taʼ talba privata u jitgħammed.

AGĦMEL IL-​MAGĦMUDIJA MIRA GĦALL-​ISTUDENTI TAL-​BIBBJA

Meta tgħallem lil oħrajn, tfittex int għal opportunitajiet biex tgħinhom jifhmu li l-magħmudija hija importanti ħafna? (Ara paragrafu 13)

13. Meta ngħallmu lil oħrajn, għala għandna niftakru li għandhom jitgħammdu biex ikunu Kristjani veri?

13 Meta ngħinu lil uliedna u lil studenti oħra tal-​Bibbja biex jagħmlu dawn l-​affarijiet meħtiġin, għandna niftakru li dawk li jridu jkunu segwaċi veri taʼ Ġesù għandhom jitgħammdu. B’hekk, mhux se nżommu lura biex ngħidulhom fil-​ħin xieraq dwar l-​importanza tad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Aħna rridu li wliedna u studenti oħra tal-​Bibbja jkomplu jagħmlu progress u jitgħammdu.

14. Għala ma nagħmlu pressjoni fuq ħadd biex jitgħammed?

14 M’għandniex xi ngħidu, ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq ibnu jew bintu jew student tal-​Bibbja biex jitgħammed. Ġeħova ma jisforza lil ħadd minna biex jaqdih. (1 Ġwanni 4:8) Meta ngħallmu lil oħrajn għandna ngħinuhom jifhmu kemm hu importanti għalihom li jiżviluppaw relazzjoni personali maʼ Ġeħova. Imbagħad, jekk student tal-​Bibbja jkun verament grat li jaf il-​verità dwar Alla u tassew irid jagħmel dak kollu li l-​Kristjani veri għandhom jagħmlu, se jkun irid jitgħammed.—2 Korintin 5:14, 15.

15, 16. (a) Hemm għalfejn persuna jkollha ċerta età biex titgħammed? Spjega. (b) Student tal-​Bibbja għala għandu jitgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova anke jekk ikun diġà mgħammed f’reliġjon oħra?

15 Persuna mhux bilfors irid ikollha ċerta età biex titgħammed. Kulħadd hu differenti, u xi studenti jagħmlu progress qabel oħrajn. Ħafna jitgħammdu meta jkunu żgħar u jibqgħu leali lejn Ġeħova huma u jikbru. Oħrajn diġà jkunu ħafna ikbar meta jitgħallmu l-​verità tal-​Bibbja u jitgħammdu. Xi wħud saħansitra jkollhom iktar minn 100 sena!

16 Mara li studjat il-​Bibbja kienet diġà mgħammda f’reliġjonijiet differenti. Għalhekk, hi staqsiet lill-​oħt li kienet tistudja l-​Bibbja magħha jekk kienx hemm tassew bżonn li terġaʼ titgħammed. L-​oħt urietha ftit versi mill-​Bibbja li weġbulha l-​mistoqsija tagħha. Ladarba l-​mara fehmet x’kien mitlub minnha skont il-​Bibbja, tgħammdet, avolja kellha kważi 80 sena. X’nitgħallmu minn dan l-​eżempju? Ġeħova se jaċċetta l-​magħmudija tagħna biss jekk nafu l-​verità dwar ir-​rieda tiegħu. Allura, anke jekk konna mgħammdin f’reliġjon oħra, xorta għandna nitgħammdu bħala wieħed jew waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.—Aqra Atti 19:3-5.

17. Persuna dwar xiex għandha taħseb fil-​ġurnata li titgħammed?

17 Il-​ġurnata tal-​magħmudija hija żmien taʼ ferħ ġenwin. Hija żmien ukoll biex wieħed jaħseb sew dwar x’jinvolvu d-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Mhix xi ħaġa faċli li Kristjan veru jgħix skont id-​dedikazzjoni tiegħu. Id-​dixxipli taʼ Ġesù m’għandhomx ‘jgħixu iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.’—2 Korintin 5:15; Mattew 16:24.

18. X’mistoqsijiet se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

18 Bħalma tgħallimna f’dan l-​artiklu, id-​deċiżjoni biex issir Kristjan veru hi serja ħafna. Hu għalhekk li omm Maria staqsiet lilha nfisha l-​mistoqsijiet imniżżlin fil-​bidu tal-​artiklu. Jekk int ġenitur, għandek mnejn staqsejt lilek innifsek: ‘Tassew li ibni lest biex jitgħammed? Ibni jaf biżżejjed dwar Ġeħova biex jiddedika lilu nnifsu lil Alla? Għandu ibni jieħu edukazzjoni tajba u jkollu impjieg qabel jitgħammed? Xi ngħidu jekk ibni jagħmel dnub serju wara li jitgħammed?’ Se niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet fl-​artiklu li jmiss, u se nitgħallmu kif il-​ġenituri Kristjani jistgħu jkollhom il-​ħarsa t-​tajba lejn il-​magħmudija.