Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Isimgħu mid-dixxiplina u siru għorrief”

“Isimgħu mid-dixxiplina u siru għorrief”

“O wliedi . . . isimgħu mid-​dixxiplina u siru għorrief.”—PROVERBJI 8:32, 33.

GĦANJIET: 64, 120

1. Kif nistgħu niksbu l-​għerf, u kif se jgħinna?

L-​GĦERF jiġi mingħand Ġeħova, u hu jaqsmu m’oħrajn b’mod ġeneruż. F’​Ġakbu 1:5 naqraw: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż u mingħajr ma jċanfar lil ħadd.” Mod wieħed kif niksbu l-​għerf hu billi naċċettaw id-​dixxiplina t’Alla. Li nagħmlu dan jipproteġina milli nagħmlu affarijiet ħżiena u jgħinna nibqgħu qrib Ġeħova. (Proverbji 2:10-12) B’hekk, ikollna t-​tama mill-​isbaħ taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġuda 21.

2. Kif nistgħu nitgħallmu nħobbu d-​dixxiplina t’Alla?

2 Peress li aħna imperfetti jew minħabba t-​trobbija tagħna, xi kultant ikun diffiċli naċċettaw id-​dixxiplina jew inqisuha bħala xi ħaġa tajba. Imma meta f’ħajjitna nesperjenzaw il-​benefiċċji tad-​dixxiplina t’Alla, aħna nifhmu kemm verament iħobbna. Proverbji 3:11, 12 jgħidilna: “O ibni, id-​dixxiplina taʼ Ġeħova tirrifjutahiex.” Imbagħad jgħid: “Għax Ġeħova jwiddeb lil min iħobb.” Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jrid l-​aħjar għalina. (Aqra Ebrej 12:5-11.) Peress li Alla jafna sew, id-​dixxiplina tiegħu hi dejjem xierqa u hi propju dak li jkollna bżonn. F’dan l-​artiklu se niddiskutu erbaʼ aspetti tad-​dixxiplina: (1) id-​dixxiplina fuqna nfusna, (2) id-​dixxiplina li l-​ġenituri għandhom jagħtu ’l uliedhom, (3) id-​dixxiplina li ningħataw fil-​kongregazzjoni, u (4) xi ħaġa li hi agħar minn kwalunkwe wġigħ li jiġi mid-​dixxiplina.

GĦALA NKUNU GĦORRIEF JEKK NIDDIXXIPLINAW LILNA NFUSNA?

3. Tifel kif jistaʼ jiżviluppa dixxiplina fuqu nnifsu? Agħti eżempju.

3 Jekk niddixxiplinaw lilna nfusna, aħna nikkontrollaw kif naġixxu u naħsbu. Id-​dixxiplina fuqna nfusna ma nitwildux biha, iżda jkollna nitgħallmu niżviluppawha. Pereżempju, meta tifel jitgħallem isuq rota, wieħed mill-​ġenituri ġeneralment iżommhielu wieqfa. Imma, maż-​żmien, it-​tifel jitgħallem kif iżomm il-​bilanċ, u l-​ġenitur ikun jistaʼ jitlaq ir-​rota għal ftit sekondi. Meta l-​ġenitur ikun ċert li t-​tifel jistaʼ jżomm il-​bilanċ, hu jkun jistaʼ jitlaqha għalkollox. B’mod simili, meta ġenituri bil-​paċenzja jħarrġu ’l uliedhom “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova,” huma jkunu qed jgħinuhom jiżviluppaw id-​dixxiplina fuqhom infushom kif ukoll l-​għerf.—Efesin 6:4.

4, 5. (a) Id-​dixxiplina fuqna nfusna għala hi parti importanti mill-​“personalità l-​ġdida”? (b) Għala m’għandniex niskuraġġixxu ruħna anke jekk niżbaljaw?

4 L-​istess hu minnu għal uħud li jsiru jafu lil Ġeħova meta jkunu adulti. Għalkemm jistaʼ jkollhom xi ftit dixxiplina fuqhom infushom, huma jkunu għadhom mhumiex Kristjani maturi. Iżda meta jibdew jilbsu “l-​personalità l-​ġdida” u jipprovaw ikunu bħal Kristu, huma jimmaturaw iktar. (Efesin 4:23, 24) Id-​dixxiplina fuqna nfusna tgħinna nitgħallmu “nwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema.”—Titu 2:12.

5 Minkejja dan, aħna lkoll midinba. (Ekkleżjasti 7:20) Allura jekk niżbaljaw, ifisser dan li m’għandniex biżżejjed dixxiplina fuqna nfusna jew forsi xejn affattu? Mhux neċessarjament. Fi Proverbji 24:16 nitgħallmu: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur [jerġaʼ] jqum.” X’se jgħinna nerġgħu nqumu? Mhux saħħitna stess, iżda l-​ispirtu t’Alla. (Aqra Filippin 4:13.) Il-​frott taʼ dan l-​ispirtu jinkludi r-​rażan, li hu simili ħafna għad-​dixxiplina fuqna nfusna.

6. Kif nistgħu nsiru studenti aħjar tal-​Kelma t’Alla? (Ara l-​ewwel stampa.)

6 It-​talb, l-​istudju tal-​Bibbja, u l-​meditazzjoni wkoll se jgħinuna niżviluppaw id-​dixxiplina fuqna nfusna. Imma xi ngħidu jekk hu diffiċli għalik li tistudja l-​Bibbja jew ma tħobbx tagħmel dan? Tiskuraġġix ruħek. Jekk tħallih, Ġeħova se jgħinek ‘tifforma xenqa’ għal Kelmtu. (1 Pietru 2:2) Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tiddixxiplina lilek innifsek ħalli tkun tistaʼ ssib il-​ħin biex tistudja l-​Bibbja. Forsi tistaʼ tibda billi tistudja għal ftit minuti kull darba. Bil-​mod il-​mod, li tistudja se jsir iktar faċli u pjaċevoli. Int tibda tgħożż il-​ħin għall-​kwiet li tqattaʼ timmedita fuq il-​ħsibijiet prezzjużi taʼ Ġeħova.—1 Timotju 4:15.

7. Id-​dixxiplina fuqna nfusna kif tistaʼ tgħinna nilħqu l-​miri tagħna fis-​servizz taʼ Ġeħova?

7 Id-​dixxiplina fuqna nfusna tgħinna nilħqu l-​miri tagħna fis-​servizz taʼ Ġeħova. Pereżempju, missier ħass li kien qed jitlef iż-​żelu, allura għamel mira biex isir pijunier regulari. Kif għenitu d-​dixxiplina fuqu nnifsu? Hu qara artikli fir-​rivisti tagħna dwar ix-​xogħol taʼ pijunier. Dan, flimkien mat-​talb, saħħaħ ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. Ukoll, meta setaʼ, għamel pijunier awżiljarju. Hu ma ħalla xejn iwaqqfu; minflok, baqaʼ ffokat fuq il-​mira tiegħu. Wara xi żmien, hu sar pijunier regulari.

RABBI ’L ULIEDEK FID-​DIXXIPLINA TAʼ ĠEĦOVA

Meta t-tfal jitwieldu ma jkunux jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, allura jeħtieġu t-taħriġ (Ara paragrafu 8)

8-10. X’jistaʼ jgħin lill-​ġenituri jrabbu ’l uliedhom biex jaqdu lil Ġeħova? Agħti eżempju.

8 Il-​ġenituri Kristjani għandhom il-​privileġġ prezzjuż li jrabbu ’l uliedhom “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Fid-​dinja tal-​lum dan hu diffiċli ħafna. (2 Timotju 3:1-​5) Meta t-​tfal jitwieldu, huma ma jkunux jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u l-​kuxjenza tagħhom ma tkunx imħarrġa. Allura jeħtieġu d-​dixxiplina biex iħarrġuha. (Rumani 2:14, 15) Studjuż tal-​Bibbja spjega li l-​kelma Griega tradotta “dixxiplina” tistaʼ tfisser ukoll “progress taʼ tifel,” jew it-​trobbija taʼ tifel biex ikun adult responsabbli.

9 Tfal li jkunu dixxiplinati bi mħabba spiss iħossuhom protetti. Huma jitgħallmu li l-​libertà għandha limitu u li kulma jagħmlu fil-​ħajja għandu l-​konsegwenzi. Għalhekk, hu importanti ħafna li l-​ġenituri Kristjani jistrieħu fuq l-​għerf taʼ Ġeħova biex jgħinhom irabbu ’l uliedhom. L-​ideat dwar it-​trobbija tat-​tfal ivarjaw minn post għall-​ieħor, u dawn l-​ideat ikomplu jinbidlu. Madankollu, il-​ġenituri li jisimgħu minn Alla m’għandhomx għalfejn jipprovaw jaqtgħu x’għandhom jagħmlu jew jistrieħu fuq l-​esperjenza jew l-​ideat tal-​bnedmin.

10 Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Noè. Meta Ġeħova qallu biex jibni l-​arka, Noè ma kienx jaf kif. Hu kellu jistrieħ fuq Ġeħova. Aħna naqraw li hu “għamel preċiż hekk,” jew eżatt bħalma qallu Ġeħova. (Ġenesi 6:22) X’kien ir-​riżultat? L-​arka salvat il-​ħajja taʼ Noè u taʼ familtu! Noè kellu suċċess ukoll bħala ġenitur. Għala? Għax hu fada fl-​għerf t’Alla. Noè għallimhom sew ’l uliedu u kien eżempju tajjeb għalihom. Dan ma kienx faċli f’dak iż-​żmien mill-​agħar taʼ qabel id-​Dulluvju.—Ġenesi 6:5.

11. Il-​ġenituri għala għandhom jaħdmu iebes biex iħarrġu ’l uliedhom?

11 Jekk int ġenitur, kif tistaʼ tagħmel “preċiż hekk”? Ismaʼ minn Ġeħova. Ħallih jgħinek trabbi ’l uliedek. Uża l-​pariri mill-​Kelma tiegħu u mill-​organizzazzjoni tiegħu. Maż-​żmien, uliedek probabbilment se jirringrazzjawk talli għamilt hekk! Ħu kiteb: “Jien grat ħafna għal kif rabbewni l-​ġenituri tiegħi. Huma għamlu kulma setgħu biex jilħquli qalbi.” Hu jgħid li kienu l-​ġenituri tiegħu li għenuh jersaq qrib Ġeħova. Madankollu, minkejja li l-​ġenituri jagħmlu kulma jistgħu biex jgħallmu lit-​tifel tagħhom, it-​tifel xorta jistaʼ jitlaq lil Ġeħova. Imma ġenitur li jkun għamel l-​almu tiegħu jistaʼ jkollu kuxjenza tajba u jistaʼ jittama li xi darba ibnu jew bintu terġaʼ lura għand Ġeħova.

12, 13. (a) Jekk iben jew bint tkun maqtugħa mis-​sħubija, il-​ġenituri kif juru li jobdu lil Alla? (b) Familja kif ibbenefikat mill-​ubbidjenza tal-​ġenituri lejn Ġeħova?

12 Għal xi ġenituri, waħda mill-​iktar provi diffiċli tal-​ubbidjenza tiġi meta binhom jew binthom tinqataʼ mis-​sħubija. Oħt li bintha kienet maqtugħa mis-​sħubija u telqet mid-​dar tammetti: “Jien ipprovajt insib xi ħaġa fil-​pubblikazzjonijiet tagħna li biha stajt niġġustifika lili nnifsi ħalli nkun nistaʼ nqattaʼ ħin maʼ binti u n-​neputija tiegħi.” Imma żewġha b’qalb tajba għenha tifhem li huma ma kinux iktar responsabbli għal binthom u li kellhom bżonn ikunu leali lejn Ġeħova.

13 Xi snin wara, it-​tifla ġiet aċċettata lura. L-​omm tgħid: “Issa hi ċċempilli jew tibgħatli messaġġ kważi kuljum! U tirrispettana ħafna għax taf li obdejna lil Alla. Aħna għandna relazzjoni tajba ħafna.” Jekk ibnek jew bintek ġiet maqtugħa mis-​sħubija, se ‘tafda f’Ġeħova b’qalbek kollha’ u ma “tistrieħx fuq fehmtek stess”? (Proverbji 3:5, 6) Ftakar, id-​dixxiplina taʼ Ġeħova turina kemm hu għaref u kemm iħobbna. Qatt tinsa li hu ta lil Ibnu għall-​bnedmin kollha, u dan jinkludi ’l ibnek jew bintek. Alla jrid li kulħadd jirċievi l-​ħajja taʼ dejjem. (Aqra t-​2 Pietru 3:9.) Allura ġenituri, komplu kunu fiduċjużi li d-​dixxiplina u l-​gwida taʼ Ġeħova huma tajbin, anke meta li tobdu jkun taʼ wġigħ. Isimgħu mid-​dixxiplina t’Alla, u tmorrux kontriha.

FIL-​KONGREGAZZJONI

14. Kif nibbenefikaw mill-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova li jagħtina “l-​prokuratur leali”?

14 Ġeħova wiegħed li jieħu ħsieb, jipproteġi, u jgħallem il-​kongregazzjoni Kristjana. Hu jagħmel dan b’diversi modi. Pereżempju, hu ħatar lil Ibnu biex jieħu ħsieb il-​kongregazzjoni, u Ġesù inkariga “prokuratur leali” biex jipprovdi ikel spiritwali ħalli jgħinna nibqgħu leali. (Luqa 12:42) Dan “il-​prokuratur” jagħtina struzzjonijiet prezzjużi, jew dixxiplina. Probabbilment, int tistaʼ taħseb fi drabi meta taħdita li smajt jew artiklu li qrajt f’waħda mir-​rivisti tagħna għenek tbiddel il-​mod kif taħseb jew taġixxi. Int tistaʼ tkun ferħan li għamilt dawn il-​bidliet, għax ifisser li qed tħalli lil Ġeħova jiddixxiplinak.—Proverbji 2:1-5.

15, 16. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw mix-​xogħol tal-​anzjani? (b) Kif nistgħu nagħmlu x-​xogħol tal-​anzjani iktar pjaċevoli għalihom?

15 Kristu pprovda wkoll anzjani biex jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni bi mħabba. Lil dawn l-​aħwa, il-​Bibbja ssejħilhom “irġiel bħala għotjiet.” (Efesin 4:8, 11-​13) Kif nistgħu nibbenefikaw mix-​xogħol tal-​anzjani? Nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​eżempju tajjeb tagħhom, u nisimgħu mill-​pariri li jagħtuna mill-​Bibbja. (Aqra Ebrej 13:7, 17.) L-​anzjani jħobbuna u jriduna nersqu eqreb lejn Alla. Jekk jinnotaw li m’aħniex nattendu l-​laqgħat jew qed nitilfu ż-​żelu, huma se jipprovaw jgħinuna fil-​pront. Huma jisimgħuna u mbagħad jagħtuna inkuraġġiment mill-​qalb u pariri għaqlin mill-​Bibbja. Tqisha int l-​għajnuna tagħhom bħala evidenza li Ġeħova jħobbok?

16 Ftakar li jistaʼ ma jkunx faċli għall-​anzjani biex jagħtuna parir. Kif taħseb li ħassu l-​profeta Natan meta kellu jitkellem mas-​Sultan David wara li dan ipprova jaħbi d-​dnub serju tiegħu? (2 Samwel 12:1-14) Kif ħassu l-​appostlu Pawlu meta kellu jikkoreġi lil Pietru, wieħed mit-​tnax-​il appostlu, talli ttratta lill-​Kristjani Lhud aħjar minn dawk li ma kinux Lhud? Pawlu kien jeħtieġ kuraġġ biex jagħmel dan. (Galatin 2:11-14) Allura kif tistaʼ tagħmilha iktar faċli għall-​anzjani biex jagħtuk parir? Kun umli, grat, u avviċinabbli. Qis l-​għajnuna tagħhom bħala evidenza tal-​imħabba t’Alla. Dan mhux se jkun taʼ benefiċċju għalik biss imma wkoll se jagħmel ix-​xogħol tal-​anzjani iktar pjaċevoli.

17. L-​anzjani kif għenu lil waħda oħt?

17 Oħt tgħid li l-​affarijiet li ġrawlha fil-​passat għamluhielha diffiċli biex tħobb lil Ġeħova, u qabditha dipressjoni kbira. Hi tgħid: “Kont naf li kelli nkellem lill-​anzjani. Huma m’għajtux miegħi jew ikkritikawni, iżda inkuraġġewni u saħħewni. Avolja kellhom ħafna x’jagħmlu, wara kull laqgħa tal-​kongregazzjoni, minn tal-​inqas wieħed minnhom kien jistaqsini kif jien. Minħabba l-​passat tiegħi, sibtha diffiċli nħoss li jistħoqqli l-​imħabba t’Alla. Madankollu, għal darba wara l-​oħra, Ġeħova uża l-​kongregazzjoni u l-​anzjani biex jikkonferma li jħobbni. Jien nitlob biex qatt ma nitilqu.”

X’HEMM AGĦAR MINN KWALUNKWE WĠIGĦ LI JIĠI MID-​DIXXIPLINA?

18, 19. X’hemm agħar minn kwalunkwe wġigħ li jiġi mid-​dixxiplina? Agħti eżempju.

18 Id-​dixxiplina tistaʼ tkun taʼ wġigħ, imma r-​riżultati taʼ li nirrifjutaw id-​dixxiplina t’Alla huma taʼ wġigħ saħansitra iktar. (Ebrej 12:11) Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji ħżiena taʼ Kajjin u s-​Sultan Sedekija. Meta Alla ra li Kajjin kien jobgħod lil ħuh u ried joqtlu, hu wissieh: “Għala int mgħaddab għall-​aħħar u qarrast wiċċek? Jekk iddur biex tagħmel it-​tajjeb, ma tiġix milqugħ? Imma jekk ma ddurx biex tagħmel it-​tajjeb, hemm id-​dnub lest għalik wara biebek, u hu mlebleb għalik; u se trażżnu int, min-​naħa tiegħek?” (Ġenesi 4:6, 7) Kajjin irrifjuta d-​dixxiplina taʼ Ġeħova, qatel lil ħuh, u sofra konsegwenzi tal-​biżaʼ għal għomru. (Ġenesi 4:11, 12) Li kieku Kajjin semaʼ minn Alla, ma kienx jesperjenza daqstant uġigħ.

19 Sedekija kien sultan dgħajjef u mill-​agħar. Meta kien imexxi, il-​poplu taʼ Ġerusalemm kien f’sitwazzjoni ħażina. Il-​profeta Ġeremija għal darba wara l-​oħra wissa lil Sedekija li kellu bżonn jagħmel bidliet. Imma s-​sultan irrifjuta d-​dixxiplina taʼ Ġeħova, u r-​riżultati kienu traġiċi. (Ġeremija 52:8-11) Ġeħova ma jridniex insofru wġigħ bla bżonn bħal dan!—Aqra Isaija 48:17, 18.

20. X’se jiġrilhom dawk li jaċċettaw id-​dixxiplina t’Alla u dawk li ma jaċċettawhiex?

20 Illum, ħafna fid-​dinja jwaqqgħu għaċ-​ċajt id-​dixxiplina t’Alla u jinjorawha. Imma dalwaqt, kull min jirrifjuta d-​dixxiplina t’Alla se jsofri konsegwenzi taʼ wġigħ. (Proverbji 1:24-31) Allura ejja ‘nisimgħu mid-​dixxiplina u nsiru għorrief.’ Bħalma jgħid Proverbji 4:13: “Aqbad sew mad-​dixxiplina; titlaqhiex. Ħarisha, għax hi ħajtek.”