Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-tjubija—Kif tistaʼ tiżviluppaha?

It-tjubija—Kif tistaʼ tiżviluppaha?

KULĦADD jixtieq jitqies bħala persuna tajba. Madankollu, hu taʼ sfida li tkun persuna tajba fid-​dinja tal-​lum. Dan għaliex ħafna huma “mingħajr imħabba għat-​tajjeb.” (2 Tim. 3:3) Huma jirrifjutaw il-​livelli taʼ Ġeħova u jimxu fuq il-​livelli tagħhom stess billi jgħidu li “t-​tajjeb hu ħażin u l-​ħażin hu tajjeb.” (Is. 5:20) Ukoll, hemm it-​trobbija u l-​imperfezzjonijiet tagħna li jagħmluha taʼ sfida. Għalhekk, nistgħu nħossuna bħal Anne, * li minkejja li qdiet lil Ġeħova għal snin sħaħ tammetti, “Insibha diffiċli nemmen li nistaʼ nkun persuna tajba.”

B’ferħ, kulħadd jistaʼ jiżviluppa t-​tjubija! Din tiġi mill-​ispirtu qaddis t’Alla, li hu qawwi iktar minn kull ostaklu li nistgħu niffaċċjaw, bħall-​influwenzi tad-​dinja, in-​nies madwarna jew saħansitra aħna stess. Ejja neżaminaw sew din il-​kwalità u nitgħallmu kif nistgħu nuruha iktar bis-​sħiħ.

X’INHI T-​TJUBIJA?

It-​tjubija tfisser li wieħed ikun mingħajr ħażen jew korruzzjoni. Persuna twajba għandha morali tajbin ħafna u dejjem tagħmel dak li hu sew. Din dejjem tfittex modi kif tgħin u tagħmel affarijiet tajbin għal oħrajn.

Probabbilment int rajt lil xi wħud li jkunu lesti jagħmlu affarijiet tajbin għall-​familja u l-​ħbieb tagħhom, imma jfisser dan li huma nies twajbin? Ovvjament, aħna limitati f’li nuru din il-​kwalità, għax il-​Bibbja tgħid li “m’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb u ma jidnibx.” (Ekk. 7:20) L-​appostlu Pawlu b’onestà ammetta: “Naf li fija, jiġifieri, f’laħmi, ma jgħammar xejn tajjeb.” (Rum. 7:18) Allura, jidher ċar li għandna bżonn nitgħallmu minn Ġeħova jekk irridu niżviluppaw din il-​kwalità.

“ĠEĦOVA HU TAJJEB”

Alla Ġeħova jistabbilixxi l-​livell taʼ dak li hu tajjeb. Dwaru, il-​Bibbja tgħid: “Int tajjeb u qed tagħmel it-​tajjeb. Għallimni r-​regolamenti tiegħek.” (Salm 119:68) Ejja neżaminaw dawn iż-​żewġ aspetti tat-​tjubija taʼ Ġeħova.

Ġeħova hu tajjeb. It-​tjubija hi parti inseparabbli mill-​personalità taʼ Ġeħova. Ikkunsidra x’ġara meta Ġeħova qal lil Mosè: “Jien innifsi se nġiegħlek tara t-​tjubija kollha tiegħi.” Hekk kif Mosè ra l-​glorja taʼ Ġeħova, inkluż it-​tjubija tiegħu, hu semaʼ dan il-​kliem: “Ġeħova, Ġeħova, Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità, jerfaʼ l-​qalb tajba bl-​imħabba għal eluf, jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi u d-​dnub, imma bl-​ebda mod ma jeħles lil dak li jkun mill-​kastig.” (Eżo. 33:19; 34:6, 7) Dan juri ċar li Ġeħova hu tajjeb b’mod komplut u b’kull mod. Għalkemm Ġesù kien l-​aqwa eżempju possibbli taʼ tjubija fi bniedem, hu setaʼ jgħid: “Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.”—Lq. 18:19.

L-evidenza tat-tjubija taʼ Ġeħova narawha fil-ħolqien

Ġeħova jagħmel it-​tajjeb. It-​tjubija tidher f’kulma jagħmel Alla. “Ġeħova hu tajjeb maʼ kulħadd, u l-​ħniniet tiegħu huma fuq xogħlijietu kollha.” (Salm 145:9) Peress li Ġeħova hu tajjeb u ġust, hu jagħti l-​ħajja lill-​bnedmin kollha u jipprovdi dak li għandhom bżonn biex jgħixu. (Atti 14:17) It-​tjubija taʼ Ġeħova tidher ukoll meta jaħfrilna. Is-​salmista kiteb: “Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.” (Salm 86:5) Aħna nistgħu nkunu ċerti li “Ġeħova mhux se jżomm lura xi ħaġa tajba minn dawk li jimxu mingħajr nuqqas.”—Salm 84:11.

“TGĦALLMU AGĦMLU T-​TAJJEB”

Aħna maħluqin fix-​xbieha t’Alla, u b’hekk nistgħu nkunu nies tajbin u nagħmlu t-​tajjeb. (Ġen. 1:27) Minkejja dan, il-​Bibbja tħeġġiġna ‘nitgħallmu nagħmlu t-​tajjeb.’ (Is. 1:17) Imma kif nistgħu nagħmlu dan? Ikkunsidra tliet modi.

L-​ewwel, nistgħu nitolbu għall-​ispirtu qaddis, li jistaʼ jgħin lill-​Kristjani jkunu tajbin f’għajnejn Alla. (Gal. 5:22) Iva, l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna nsiru nħobbu t-​tajjeb u nwarrbu l-​ħażin. (Rum. 12:9) Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li Ġeħova jistaʼ ‘jissodana f’kull għemil u kelma tajba.’—2 Tess. 2:16, 17.

It-​tieni, għandna naqraw il-​Kelma mnebbħa t’Alla. Hekk kif nagħmlu dan, Ġeħova jgħallimna ‘kulma għandna nagħmlu biex nimxu tajjeb’ u jippreparana “għal kull għemil tajjeb.” (Prov. 2:9; 2 Tim. 3:17) B’dan il-​qari flimkien mal-​meditazzjoni, aħna nimlew qalbna b’affarijiet tajbin dwar Alla u r-​rieda tiegħu. B’hekk inżidu affarijiet prezzjużi mat-​teżor tagħna, li nistgħu nużawhom maż-​żmien.—Lq. 6:45; Efes. 5:9.

It-​tielet, aħna nagħmlu l-​almu tagħna biex ‘nimitaw dak li hu tajjeb.’ (3 Ġw. 11) Fil-​Bibbja nsibu eżempji x’nimitaw. Ovvjament, l-​aqwa eżempji huma Ġeħova u Ġesù. Imma nistgħu nikkunsidraw ukoll eżempji oħrajn taʼ wħud li kienu magħrufin għat-​tjubija tagħhom. Tnejn minnhom huma Tabita u Barnaba. (Atti 9:36; 11:22-​24) Int tistaʼ tibbenefika mill-​eżempju eċċellenti tagħhom jekk tistudja dak li l-​Bibbja tgħid dwarhom. Innota x’għamlu biex jgħinu lil oħrajn. Aħseb ftit dwar x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil dawk fil-​familja jew fil-​kongregazzjoni tiegħek. Innota wkoll kif Tabita u Barnaba bbenefikaw talli kienu twajbin m’oħrajn. Int tistaʼ tibbenefika bl-​istess mod.

Ukoll, nistgħu naħsbu dwar nies fi żmienna, bħal pereżempju, l-​anzjani li jaħdmu iebes fil-​kongregazzjoni u li ‘jħobbu t-​tjubija.’ Żgur li ma rridux ninsew lill-​aħwa nisa leali, li b’dak li jgħidu u jagħmlu huma “għalliema taʼ dak li hu tajjeb.” (Titu 1:8; 2:3) Oħt jisimha Roslyn tgħid: “Waħda oħt tmur barra minn triqitha biex tgħin u tinkuraġġixxi lil oħrajn fil-​kongregazzjoni. Hi taħseb dwar is-​sitwazzjoni tagħhom u spiss tagħtihom rigali żgħar jew tgħinhom b’modi prattiċi oħra. Jien inqisha persuna verament twajba.”

Ġeħova jinkuraġġixxi lill-​poplu tiegħu biex ‘ifittex dak li hu tajjeb.’ (Għam. 5:14) Meta nagħmlu dan, mhux biss se jgħinna nħobbu dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb imma wkoll isaħħilna l-​motivazzjoni tagħna biex nagħmluh.

Aħna nipprovaw inkunu twajbin u nagħmlu t-​tajjeb

Biex inkunu tajbin, m’hemmx għalfejn nagħmlu affarijiet impressjonanti għal oħrajn jew nagħtuhom rigali għaljin. Biex nagħtu eżempju: Artist ma jpinġix wiċċ taʼ persuna b’żewġ daqqiet kbar taʼ pinzell. Pjuttost, hu juża ħafna daqqiet żgħar. B’mod simili, it-​tjubija tagħna tistaʼ tidher f’ħafna affarijiet żgħar li nagħmlu għal oħrajn.

Il-​Bibbja tħeġġiġna biex inkunu ‘imħejjijin’ u “lesti” biex nagħmlu t-​tajjeb. (2 Tim. 2:21; Titu 3:1) Jekk inkunu attenti għal dak li għaddejjin minnu oħrajn, nistgħu nsibu modi kif ngħinuhom jinbnew. (Rum. 15:2) Dan jistaʼ jinkludi li naqsmu magħhom xi ħaġa milli għandna. (Prov. 3:27) Pereżempju, nistgħu nistidnuhom għal xi ikla żgħira jew biex ninkuraġġixxu lil xulxin. Jekk nafu li xi ħadd ma jiflaħx, nistgħu nibagħtulu kartolina, immorru narawh, jew inċemplulu. Iva, nistgħu nsibu ħafna opportunitajiet biex ngħidu “dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.”—Efes. 4:29.

Bħal Ġeħova, aħna nfittxu li nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd. Għalhekk nittrattaw lil kulħadd l-​istess. Mod wieħed kif nuru dan hu billi nippritkaw lil kulħadd. Bħalma kmanda Ġesù, aħna nfittxu li nagħmlu t-​tajjeb anke maʼ dawk li jobogħduna. (Lq. 6:27) Qatt mhu ħażin li tkun qalbek tajba u li tagħmel it-​tajjeb għal oħrajn, għax “kontra dawn m’hemmx liġi.” (Gal. 5:22, 23) Meta nagħmlu t-​tajjeb minkejja l-​oppożizzjoni jew il-​provi, aħna nistgħu nressqu oħrajn lejn il-​verità u nigglorifikaw lil Alla.—1 Pt. 3:16, 17.

IPPREMJATI GĦAT-​TAJJEB TAGĦNA

“Il-​bniedem tajjeb [hu] sodisfatt bir-​riżultati taʼ l-​għemejjel tiegħu.” (Prov. 14:14) X’inhuma xi ftit mir-​riżultati? Meta nkunu twajbin m’oħrajn, hemm ċans kbir li jittrattawna tajjeb. (Prov. 14:22) U anke jekk le, għandna nkomplu nagħmlu affarijiet tajbin għalihom. B’hekk, forsi jbiddlu l-​attitudni tagħhom u jittrattawna aħjar.—Rum. 12:20.

Meta nagħmlu t-​tajjeb u nieqfu nagħmlu l-​ħażin, anke aħna nibbenefikaw. Ħafna aħwa jikkonfermawh dan. Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Nancy. “Meta kont qed nikber ma kien jimpurtani minn xejn, kont nagħmel affarijiet immorali, u ma kellix rispett għal oħrajn,” tammetti hi. “Madankollu, hekk kif tgħallimt u applikajt dak li Alla jgħid li hu tajjeb, bdejt inħossni iktar ferħana. Issa għandi dinjità u rispett lejja nnifsi.”

L-​ikbar raġuni biex niżviluppaw it-​tjubija hi li meta nagħmlu dan iferraħ lil Ġeħova. Anke jekk ħafna ma jarawx x’nagħmlu, Ġeħova jarah. Hu jaf kull darba li nagħmlu affarijiet tajbin u li jkollna ħsibijiet tajbin. (Efes. 6:7, 8) Kif jippremjana taʼ dan? “Bniedem tajjeb jikseb l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.” (Prov. 12:2) Allura ejja nkomplu niżviluppaw it-​tjubija. Ġeħova jwiegħed “glorja u unur u paċi għal kulmin jagħmel it-​tajjeb.”—Rum. 2:10.

^ par. 2 Xi ismijiet ġew mibdulin.