Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 14

Anzjani—Komplu Imitaw lill-Appostlu Pawlu

Anzjani—Komplu Imitaw lill-Appostlu Pawlu

“Imitaw lili.”—1 KOR. 11:1.

GĦANJA 99 Mirjadi t’aħwa

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. L-​eżempju tal-​appostlu Pawlu kif jistaʼ jgħin lill-​anzjani llum?

 L-​APPOSTLU PAWLU kien iħobbhom lill-​aħwa u ħadem iebes biex jieħu ħsiebhom. (Atti 20:31) Huwa għalhekk li l-​aħwa kienu jħobbuh ħafna lil Pawlu. Darba waħda, meta l-​anzjani t’Efesu saru jafu li ma kinux se jarawh iktar, “infexxew jibku.” (Atti 20:37) L-​anzjani żelużi wkoll iħobbuhom ħafna lill-​aħwa u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinuhom. (Flp. 2:16, 17) Imma xi kultant, isibuha diffiċli biex ilaħħqu maʼ kollox. X’jistaʼ jgħinhom?

2 L-​eżempju taʼ Pawlu jistaʼ jkun t’għajnuna kbira għall-​anzjani. (1 Kor. 11:1) Hu ma kellux xi qawwa speċjali. Kien raġel imperfett li kultant ukoll sabha diffiċli biex jagħmel dak li hu tajjeb. (Rum. 7:18-​20) Pawlu ffaċċja problemi kbar ukoll imma ma qatax qalbu jew tilef il-​ferħ. Meta l-​anzjani jimitaw l-​eżempju tiegħu jkunu jistgħu jibqgħu jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ anki meta jkun diffiċli. Ejja naraw kif.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu, u x’se nitgħallmu iktar?

3 F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw erbaʼ sfidi li jiffaċċjaw l-​anzjani: (1) biex isibu l-​ħin għall-​ippritkar u responsabbiltajiet oħrajn, (2) biex isibu l-​ħin ħalli jinkuraġġixxu lill-​aħwa, (3) biex ma jħossuhomx skuraġġiti minħabba l-​imperfezzjonijiet tagħhom stess, u (4) biex jaħdmu m’oħrajn li huma imperfetti wkoll. Se naraw ukoll x’għen lil Pawlu u kif l-​anzjani jistgħu jimitaw l-​eżempju tiegħu.

L-​ISFIDA BIEX ISIBU L-​ĦIN GĦALL-​IPPRITKAR U RESPONSABBILTAJIET OĦRAJN

4. Xi kultant għala tkun taʼ sfida biex l-​anzjani jkunu minn taʼ quddiem fix-​xogħol tal-​ippritkar?

4 Għala tistaʼ tkun taʼ sfida? Minbarra li jridu jkunu minn taʼ quddiem fix-​xogħol tal-​ippritkar, l-​anzjani għandhom ħafna responsabbiltajiet oħrajn. Pereżempju, ikunu ċ-​chairman matul il-​laqgħat taʼ fost il-​ġimgħa jew jikkonduċu l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni. Jistaʼ jkun ukoll li jkollhom taħditiet oħrajn. Barra minn hekk, huma jittrennjaw lill-​qaddejja ministerjali u minn qalbhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jinkuraġġixxu lill-​aħwa. (1 Pt. 5:2) Xi anzjani jaħdmu fil-​bini jew il-​manutenzjoni taʼ Swali tas-​Saltna u bini ieħor li fih nagħtu qima lil Ġeħova. Però, bħal kull pubblikatur ieħor, l-​iktar xogħol importanti li jagħmlu l-​anzjani hu l-​ippritkar.—Mt. 28:19, 20.

5. L-​appostlu Pawlu x’eżempju ħalla fejn jidħol l-​ippritkar?

5 L-​anzjani x’jitgħallmu minn Pawlu? F’​Filippin 1:10, Pawlu jgħidilna għala kellu suċċess fix-​xogħol tal-​ippritkar. Hemmhekk hu qal: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’ Pawlu applika dan il-​parir. Hu kien ingħata inkarigu biex jipprietka, u għal ħafna snin dan ix-​xogħol kien l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Hu pprietka “pubblikament u minn dar għal dar.” (Atti 20:20) Hu mhux sempliċiment kien iwarrab ftit ħin fil-​ġurnata biex jipprietka jew forsi ġurnata fil-​ġimgħa, imma kien jieħu kull opportunità li kellu. Pereżempju, waqt li kien qed jistenna lil sħabu f’Ateni, hu pprietka lil grupp taʼ nies, u wħud minnhom bdew jemmnu. (Atti 17:16, 17, 34) Anki meta kien arrestat f’daru, Pawlu pprietka lil dawk li ltaqaʼ magħhom.—Flp. 1:13, 14; Atti 28:16-​24.

6. Pawlu kif għen lil oħrajn?

6 Pawlu uża l-​ħin tiegħu bl-​aħjar mod. Spiss hu kien jistieden lil oħrajn imorru jippritkaw miegħu. Pereżempju, fl-​ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu ħa lil Marku u fit-​tieni wieħed ħa lil Timotju. (Atti 12:25; 16:1-​4) Bla dubju Pawlu għamel l-​almu tiegħu biex jgħallem lil dawn l-​irġiel kif jorganizzaw kongregazzjoni, jinkuraġġixxu lill-​aħwa, u jsiru għalliema effettivi.—1 Kor. 4:17.

Imita lil Pawlu billi tieħu kull opportunità biex tagħti xhieda (Ara paragrafu 7) *

7. L-​anzjani kif jistgħu jagħmlu dak li qal Pawlu f’​Efesin 6:14, 15?

7 Il-​lezzjoni. L-​anzjani jistgħu jimitaw lil Pawlu billi mhux biss jippritkaw minn dar għal dar, imma wkoll billi jieħdu kull opportunità li jkollhom. (Aqra Efesin 6:14, 15.) Pereżempju, huma jistgħu jagħtu xhieda meta jkunu qed jagħmlu xi qadi jew fuq il-​post tax-​xogħol. Jew meta jkunu qed jgħinu biex tinbena Sala tas-​Saltna, jistgħu jippritkaw lin-​nies li joqogħdu fil-​viċin jew lil dawk li jixtru l-​affarijiet mingħandhom. Bħal Pawlu, l-​anzjani jistgħu jużaw il-​ħin li jqattgħu fil-​ministeru biex jittrennjaw lil oħrajn, inkluż il-​qaddejja ministerjali.

8. Xi kultant, anzjan xi jkollu bżonn jagħmel?

8 L-​anzjani qatt m’għandu jkollhom tant x’jagħmlu fil-​kongregazzjoni jew fis-​circuit li mbagħad ma jibqgħalhomx ħin għax-​xogħol tal-​ippritkar. Għalhekk, biex ilaħħqu mal-​affarijiet li diġà jridu jagħmlu, xi kultant ikollhom bżonn li ma jaċċettawx iktar inkarigi. Dan jagħmluh wara li jaħsbu sew u jitolbu lil Ġeħova dwar l-​inkarigu ħalli jaraw hux se jkollhom biżżejjed ħin biex jagħmlu l-​iktar affarijiet importanti. Fosthom hemm il-​qima bħala familja kull ġimgħa, li jkunu żelużi fix-​xogħol tal-​ippritkar, u li jgħinu lit-​tfal tagħhom jitgħallmu jippritkaw. Xi wħud isibuha diffiċli biex ma jaċċettawx privileġġ, imma jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova jifhem li huma jixtiequ jagħmlu r-​responsabbiltajiet li għandhom bl-​aħjar mod.

L-​ISFIDA BIEX ISIBU L-​ĦIN ĦALLI JINKURAĠĠIXXU LILL-​AĦWA

9. L-​anzjani, li għandhom ħafna x’jagħmlu, liema sfida jiffaċċjaw?

9 Għala tistaʼ tkun taʼ sfida? Il-​qaddejja taʼ Ġeħova għandhom ħafna problemi. Matul dawn l-​aħħar jiem, ilkoll kemm aħna għandna bżonn ninkuraġġixxu lil xulxin, ngħinu lil xulxin, u nkunu hemm għal xulxin. U xi kultant, xi wħud ikollhom bżonn l-​għajnuna biex jevitaw periklu li jistaʼ jagħmel il-​ħsara lill-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. (1 Tess. 5:14) Bla dubju, l-​anzjani ma jistgħux ineħħu l-​problemi kollha li l-​qaddejja taʼ Ġeħova qed jiffaċċjaw. Però, Ġeħova jrid li l-​anzjani jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jinkuraġġixxu u jipproteġu lill-​poplu tiegħu. L-​anzjani, li diġà għandhom ħafna x’jagħmlu, kif jistgħu jsibu l-​ħin biex jagħmlu dan?

Faħħar lil oħrajn u għinhom isaħħu l-​fidi tagħhom (Ara paragrafi 10, 12) *

10. Fi qbil mal-​1 Tessalonikin 2:7, Pawlu x’għamel biex jieħu ħsieb lill-​aħwa?

10 L-​anzjani x’jitgħallmu minn Pawlu? Pawlu kien iħobb ifaħħar u jinkuraġġixxi lil oħrajn. Kemm hu importanti li l-​anzjani jimitaw l-​eżempju tiegħu u juru mħabba u qalb tajba mal-​aħwa. (Aqra l-1 Tessalonikin 2:7.) Pawlu fakkar lil ħutu li Ġeħova u anki hu kienu jħobbuhom. (2 Kor. 2:4; Efes. 2:4, 5) Hu ttratta lil dawk fil-​kongregazzjoni bħala l-​ħbieb tiegħu billi qattaʼ l-​ħin magħhom. Pawlu wera li kien jafdahom billi kien onest magħhom u qalilhom dwar l-​imperfezzjonijiet tiegħu u dak li kien jinkwetah. (2 Kor. 7:5; 1 Tim. 1:15) Però, hu ma ffokax fuq il-​problemi tiegħu. Minflok, ra kif setaʼ jgħin lil ħutu.

11. Pawlu għala ta l-​pariri lill-​aħwa?

11 Xi kultant, Pawlu kellu bżonn jagħti parir lill-​aħwa imma qatt m’għamel dan għax kien irrabjat. Hu ta l-​pariri għax kien jimpurtah minnhom u ried jipproteġihom mill-​perikli. Pawlu pprova jagħti l-​pariri b’mod faċli biex l-​aħwa jifhmuhom u japplikawhom. F’waħda mill-​ittri li kiteb lill-​Korintin, Pawlu tahom parir sod. Imma wara li kiteb l-​ittra, hu bagħat lil Titu għandhom. Pawlu ried ikun jaf kif ħassewhom wara li semgħu l-​ittra. Hu kien ferħan ħafna meta sar jaf li aċċettaw il-​parir tiegħu u applikawh!—2 Kor. 7:6, 7.

12. L-​anzjani kif jistgħu jinkuraġġixxu lill-​aħwa?

12 Il-​lezzjoni. L-​anzjani jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Pawlu billi jqattgħu l-​ħin mal-​aħwa. Mod wieħed kif jistgħu jagħmlu dan hu billi jattendu għal-​laqgħa kmieni biex ikunu jistgħu jitkellmu mal-​aħwa. Xi kultant, kulma jkun hemm bżonn ftit minuti biex ħu jew oħt tirċievi l-​inkuraġġiment li jkollha bżonn. (Rum. 1:12; Efes. 5:16) Ukoll, anzjan li jsegwi l-​eżempju taʼ Pawlu se juża l-​Bibbja biex isaħħaħ il-​fidi tal-​aħwa u jassigurahom li Alla jħobbhom. Barra minn hekk, hu għandu jagħmel ċert li l-​aħwa jħossuhom maħbubin minnu. Hu jitkellem magħhom b’mod regulari u jfittex opportunitajiet biex ifaħħarhom. Meta anzjan ikollu bżonn jagħti parir, għandu joqgħod attent li l-​parir ikun fi qbil mal-​Kelma t’Alla. Hu jitkellem b’mod ċar, imma juri qalb tajba għax irid li l-​ħu jew l-​oħt tapplika l-​parir.—Gal. 6:1.

L-​ISFIDA MINĦABBA L-​IMPERFEZZJONIJIET TAGĦHOM STESS

13. Anzjan kif jistaʼ jħossu minħabba l-​imperfezzjonijiet tiegħu?

13 Għala tistaʼ tkun taʼ sfida? L-​anzjani mhumiex perfetti. Bħal kulħadd, huma jiżbaljaw. (Rum. 3:23) Kultant ma jkunx faċli biex ikollhom ħarsa bbilanċjata lejn in-​nuqqasijiet tagħhom. Ġieli tant jinkwetaw dwar l-​imperfezzjonijiet tagħhom li jispiċċaw skuraġġiti. Oħrajn forsi jaħsbu li l-​imperfezzjonijiet tagħhom mhux importanti u għalhekk m’għandhomx għalfejn jagħmlu bidliet.

14. Skont Filippin 4:13, l-​umiltà kif għenet lil Pawlu biex ikollu l-​attitudni t-​tajba dwar l-​imperfezzjonijiet tiegħu?

14 L-​anzjani x’jitgħallmu minn Pawlu? Minħabba li Pawlu kien umli, hu kien jaf li ma setax ikampa man-​nuqqasijiet tiegħu waħdu. Pawlu kellu bżonn l-​għajnuna t’Alla. Qabel, hu kien jippersegwita bl-​aħrax lill-​Kristjani. Imma mbagħad, fehem li dak li kien qed jagħmel kien ħażin, u kien lest li jbiddel l-​attitudni u l-​personalità tiegħu. (1 Tim. 1:12-​16) Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Pawlu sar anzjan li jaf iħobb, umli, u juri l-​ħniena. Hu ma baqax jaħseb fuq l-​imperfezzjonijiet tiegħu, minflok emmen li Ġeħova ħafirlu. (Rum. 7:21-​25) Hu ma stenniex li jkun perfett. Għalhekk, ħadem biex itejjeb il-​personalità Kristjana tiegħu u straħ fuq Ġeħova biex jgħinu jwettaq ix-​xogħol tiegħu.—1 Kor. 9:27; aqra Filippin 4:13.

Aħdem iebes biex tegħleb l-​imperfezzjonijiet tiegħek (Ara paragrafi 14-15) *

15. Anzjan kif jistaʼ jkollu l-​attitudni t-​tajba dwar l-​imperfezzjonijiet tiegħu?

15 Il-​lezzjoni. Ħu ma jibdiex jaqdi bħala anzjan għax hu perfett. Però, Ġeħova jistenna li hu jammetti l-​iżbalji tiegħu u jtejjeb il-​personalità Kristjana tiegħu. (Efes. 4:23, 24) Anzjan għandu juża l-​istudju tal-​Bibbja personali biex jgħinu jara fejn għandu bżonn jirranġa u jagħmel il-​bidliet li jkun hemm bżonn. Imbagħad Ġeħova se jgħinu biex ikun kuntent u anzjan tajjeb.—Ġak. 1:25.

L-​ISFIDA META JAĦDMU M’OĦRAJN LI HUMA IMPERFETTI WKOLL

16. X’jistaʼ jiġri jekk anzjan jiffoka fuq l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn?

16 Għala tistaʼ tkun taʼ sfida? Meta l-​anzjani jqattgħu ħafna ħin mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni, se jkun iktar faċli għalihom biex jaraw l-​imperfezzjonijiet tagħhom. Però, jekk ma joqogħdux attenti, l-​anzjani jistgħu jibdew jirritaw ruħhom, jistennew ħafna mingħand l-​aħwa, jew ikollhom ħarsa negattiva lejhom. Pawlu qal lill-​Kristjani li Satana hekk jixtieqhom jagħmlu, allura hu wissiehom biex joqogħdu attenti.—2 Kor. 2:10, 11.

17. Pawlu kif kien jaħsibha dwar l-​aħwa?

17 L-​anzjani x’jitgħallmu minn Pawlu? Hu kien jiffoka fuq it-​tajjeb tal-​aħwa. Hu kien jaf bl-​iżbalji tagħhom għax xi kultant kienu jweġġgħuh b’dak li jagħmlu. Imma Pawlu kien jaf li meta persuna tagħmel żball ma jfissirx li hija persuna ħażina. Hu kien iħobb lill-​aħwa u kien jiffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin tagħhom. Meta l-​aħwa kienu jsibuha diffiċli biex jagħmlu dak li hu tajjeb, hu dejjem kien iżomm f’moħħu li huma jixtiequ jagħmlu t-​tajjeb, imma għandhom bżonn l-​għajnuna.

18. X’titgħallem minn dak li għamel Pawlu dwar is-​sitwazzjoni taʼ Evodja u Sintike? (Filippin 4:1-​3)

18 Aħseb ftit kif Pawlu għen lil żewġ aħwa nisa fil-​kongregazzjoni f’Filippi. (Aqra Filippin 4:1-​3.) Milli jidher, Evodja u Sintike kellhom nuqqas taʼ qbil bejniethom u ma baqgħux ħbieb. Pawlu ma kienx aħrax magħhom u ma kkritikahomx. Minflok, hu ffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin tagħhom. Dawn l-​aħwa nisa leali kienu ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna żmien. Pawlu kien jaf li Ġeħova jħobbhom. Minħabba li żamm ħarsa pożittiva lejn dawn l-​aħwa, hu inkuraġġiehom biex jagħmlu paċi bejniethom. U peress li dejjem iffoka fuq it-​tajjeb tal-​aħwa, hu setaʼ jibqaʼ kuntent u jżomm ħbiberija b’saħħitha maʼ dawk fil-​kongregazzjoni.

Żomm ħarsa pożittiva lejn l-​aħwa (Ara paragrafu 19) *

19. (a) L-​anzjani kif jistgħu jżommu ħarsa pożittiva lejn l-​aħwa? (b) X’tistaʼ titgħallem mill-​istampa li fiha hemm l-​anzjan qed inaddaf is-​Sala tas-​Saltna?

19 Il-​lezzjoni. Anzjani, fittxu l-​kwalitajiet tajbin li għandhom l-​aħwa. Minkejja li huma kollha imperfetti, kollha għandhom kwalitajiet sbieħ. (Flp. 2:3) Veru, kultant l-​anzjani jkollhom bżonn jagħtu xi parir lil ħu jew oħt. Imma bħal Pawlu, l-​anzjani għandhom jaħdmu iebes biex ma jiffokawx fuq il-​kliem negattiv u l-​mod kif taġixxi l-​persuna. Minflok, għandhom jiffokaw fuq l-​imħabba li l-​persuna għandha għal Ġeħova, il-​lealtà li wriet minkejja l-​isfidi, u dak li tistaʼ tagħmel għal Ġeħova fil-​futur. Anzjani li jiffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin tal-​aħwa jkunu qed jgħinuhom biex iħossuhom maħbubin fil-​kongregazzjoni.

KOMPLU IMITAW LIL PAWLU

20. L-​anzjani kif jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Pawlu?

20 Anzjani, jekk tkomplu tistudjaw l-​eżempju taʼ Pawlu se jkun t’għajnuna għalikom. Pereżempju, tistgħu taraw ir-​referenzi fil-​ktieb Nagħtu Xhieda u fʼIt-​Torri tal-​Għassa li jidhru fl-​aħħar tal-​paragrafu. Hekk kif taqraw dawn ir-​referenzi, staqsu lilkom infuskom, ‘L-​eżempju taʼ Pawlu kif jistaʼ jgħinni nibqaʼ nagħmel l-​inkarigu tiegħi bħala anzjan bil-​ferħ?’—bt 99 para. 17-​19; bt 166-​167 para. 6, 7; w97 8/1 29-​30 para. 14-​16; w86-​E 9/15 12-​13 para. 13-​16; w86-​E 10/1 10 para. 2.

21. L-​anzjani minn xiex jistgħu jkunu ċerti?

21 Anzjani, ftakru li Ġeħova mhux qed jistenna li tkunu perfetti imma li tkunu leali. (1 Kor. 4:2) Bħalma Ġeħova kien kuntent bil-​lealtà u x-​xogħol iebes taʼ Pawlu, tistgħu tkunu ċerti li Ġeħova japprezza x-​xogħol li tagħmlu għalih. Ġeħova qatt mhu se “jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu, peress li qdejtu lill-​qaddisin u għadkom taqduhom.”—Ebr. 6:10.

GĦANJA 87 Ejjew! Sibu serħan

^ par. 5 Kemm napprezzaw ix-​xogħol iebes li jagħmlu l-​anzjani biex jgħinuna! F’dan l-​artiklu se naraw erbaʼ affarijiet li għall-​anzjani ġieli jkunu taʼ sfida biex jagħmluhom. Se naraw ukoll kif l-​eżempju tal-​appostlu Pawlu jistaʼ jgħin lill-​anzjani llum biex jirnexxilhom jagħmlu dawn l-​affarijiet. Dan l-​artiklu se jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex nifhmu lill-​anzjani, nuru li nħobbuhom, u nagħmlu x-​xogħol tagħhom iktar faċli.

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu li lest mix-​xogħol qed jaqsam l-​aħbar tajba maʼ raġel li jaħdem miegħu.

^ par. 63 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Anzjan b’qalb tajba qed jinkuraġġixxi lil ħu li spiss jinqataʼ għalih waħdu.

^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu qed jagħti parir lil ħu ieħor li hu diżappuntat minħabba li ġrat xi ħaġa.

^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Anzjan mhux qed igerger mal-​ħu minħabba li mhux qed jagħmel ix-​xogħol li offra biex jagħmel.