ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 10
Int Tistaʼ ‘Tinżaʼ l-Personalità l-Qadima’
“Inżgħu l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha.” —KOL. 3:9.
GĦANJA 29 Ngħixu kif jixraq lil isimna
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Kif kienet ħajtek qabel bdejt tistudja l-Bibbja?
KIF kienet ħajtek qabel bdejt tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova? Ħafna minna lanqas nixtiequ naħsbu dwarha. X’aktarx l-attitudni u l-personalità tagħna kienu influwenzati mill-mod kif id-dinja tqis dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Jekk dan kien il-każ, aħna ‘ma kellniex tama u konna mingħajr Alla fid-dinja.’ (Efes. 2:12) Imma wara li bdejna nistudjaw il-Bibbja, ħajjitna nbidlet.
2. X’ġara wara li bdejt tistudja l-Bibbja?
2 Wara li bdejt tistudja l-Bibbja, inti sirt taf li Missierek tas-sema jħobbok ħafna. Irrealizzajt li biex togħġob lil Ġeħova u ssir parti mill-familja kbira tiegħu, kellek tagħmel bidliet kbar f’ħajtek, fl-attitudni, u fil-mod kif taħsibha. Kellek titgħallem ukoll tagħmel dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u tevita dak li Ġeħova jgħid li hu ħażin.—Efes. 5:3-5.
3. Skont Kolossin 3:9, 10, Ġeħova xi jridna nagħmlu, u x’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Ġeħova hu l-Ħallieq tagħna u Missierna tas-sema. Għalhekk, hu għandu dritt jgħid lil dawk li jagħmlu parti mill-familja tiegħu kif għandhom jgħixu ħajjithom. Qabel nitgħammdu, hu jridna nagħmlu sforz biex ‘ninżgħu l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha.’ * (Aqra Kolossin 3:9, 10.) Dan l-artiklu se jgħin lil dawk li jridu jitgħammdu biex iwieġbu dawn it-tliet mistoqsijiet: (1) X’inhi “l-personalità l-qadima”? (2) Għala Ġeħova jridna ninżgħuha? (3) Kif nistgħu nagħmlu dan? Ukoll, se jgħin lill-aħwa mgħammdin biex ma jerġgħux jilbsu l-personalità l-qadima.
X’INHI “L-PERSONALITÀ L-QADIMA”?
4. Meta xi ħadd ikun ikkontrollat mill-“personalità l-qadima” tiegħu, x’jagħmel?
4 Meta xi ħadd ikun ikkontrollat mill-“personalità l-qadima,” spiss jaħseb u jaġixxi skont ix-xewqat ħżiena tiegħu. Hu jaf ikun egoist, taqbiżlu malajr, kburi, u ma japprezzax. Forsi jieħu pjaċir jara l-pornografija u films immorali u vjolenti. Bla dubju, hu jkollu xi kwalitajiet tajbin u forsi jħoss il-kuxjenza tiegħu tniggżu minħabba l-affarijiet ħżiena li jgħid jew jagħmel. Imma x-xewqa tiegħu mhix b’saħħitha biżżejjed biex jagħmel il-bidla fil-mod kif jaħseb u jaġixxi.—Gal. 5:19-21; 2 Tim. 3:2-5.
5. Nistgħu ninżgħu l-personalità l-qadima għalkollox? Spjega. (Atti 3:19)
5 Aħna imperfetti, għalhekk ħadd minna ma jistaʼ jneħħi l-ħsibijiet u x-xewqat ħżiena li għandu f’qalbu u f’moħħu għalkollox. Xi kultant, se ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li wara jiddispjaċina. (Ġer. 17:9; Ġak. 3:2) Imma meta ninżgħu l-personalità l-qadima tagħna, mhux se nibqgħu kkontrollati mix-xewqat u l-affarijiet ħżiena li konna nagħmlu. Aħna se nsiru persuna aħjar.—Is. 55:7; aqra Atti 3:19.
6. Ġeħova għala jridna nneħħu l-ħsibijiet ħżiena u l-vizzji ħżiena tal-personalità l-qadima?
6 Ġeħova jridna nneħħu l-ħsibijiet ħżiena u naqtgħu l-vizzji ħżiena għax iħobbna ħafna u jixtieq li ngawdu l-ħajja. (Is. 48:17, 18) Hu jaf li dawk li jċedu għax-xewqat ħżiena jweġġgħu lilhom infushom u lil dawk taʼ madwarhom. Anki Ġeħova jweġġaʼ meta jarana nweġġgħu lilna nfusna u lil oħrajn.
7. Skont Rumani 12:1, 2, x’għażliet għandna?
7 Xi wħud minn tal-familja jew il-ħbieb tagħna xi kultant jistgħu jwaqqgħuna għaċ-ċajt minħabba li aħna nipprovaw nagħmlu bidliet fil-personalità tagħna. (1 Pt. 4:3, 4) Forsi jgħidulna li aħna għandna dritt li nagħmlu dak li rridu aħna u m’għandniex inħallu lil oħrajn jgħidulna x’għandna nagħmlu. Imma dawk li ma jagħmlux dak li jixtieq Ġeħova mhux vera jkunu qed jagħmlu dak li jridu huma. Fir-realtà, huma jkunu qed iħallu d-dinja taʼ Satana tinfluwenzahom. (Aqra Rumani 12:1, 2.) Ilkoll kemm aħna rridu niddeċiedu x’ħa nagħmlu. Jew se nżommu l-personalità l-qadima tagħna li hi effettwata mid-dnub u d-dinja taʼ Satana, jew inħallu lil Ġeħova jibdilna fl-aħjar persuna li nistgħu nkunu bħalissa.—Is. 64:8.
KIF TISTAʼ ‘TINŻAʼ L-PERSONALITÀ L-QADIMA’?
8. X’se jgħinna nevitaw ħsibijiet ħżiena u vizzji ħżiena?
8 Ġeħova jaf li jieħu ż-żmien u li rridu nagħmlu sforz biex nevitaw ħsibijiet ħżiena u naqtgħu vizzji ħżiena. (Salm 103:13, 14) Però, permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu qaddis, u l-organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova jgħallimna x’għandna nagħmlu, jagħtina s-saħħa, u l-għajnuna li għandna bżonn biex ninbidlu. Bla dubju hu diġà għenek. Issa ejja nikkunsidraw xi affarijiet li inti tistaʼ tagħmel biex tkompli tinżaʼ l-personalità l-qadima u tikkwalifika għall-magħmudija.
9. Il-Bibbja x’tistaʼ tgħinek tagħmel?
9 Uża l-Bibbja biex teżamina lilek innifsek sew. Il-Kelma t’Alla hi bħal mera. Din tistaʼ tgħinek tara l-mod kif inti taħseb, titkellem, u taġixxi. (Ġak. 1:22-25) Il-ħu jew l-oħt li tistudja l-Bibbja miegħek jew aħwa maturi oħrajn jistgħu jagħtuk parir. Pereżempju, huma jistgħu jużaw l-Iskrittura biex jgħinuk tara fejn int sod u fejn int dgħajjef. Jistgħu jgħallmuk issib informazzjoni bbażata fuq il-Bibbja li toffri pariri tajbin biex jgħinuk tegħleb vizzji ħżiena. U Ġeħova dejjem lest li jgħinek. Hu l-aqwa persuna li tistaʼ tgħinek għax jaf x’għandek f’qalbek. (Prov. 14:10; 15:11) Għalhekk ħudha drawwa li titlob lilu u tistudja l-Bibbja kuljum.
10. X’tgħallimt mill-esperjenza taʼ Elie?
10 Kun konvint li l-livelli taʼ Ġeħova huma l-aħjar. Dak kollu li Ġeħova jgħidilna nagħmlu hu għall-ġid tagħna. Dawk li jgħixu ħajjithom fi qbil mal-livelli tiegħu se jibbenefikaw, se jkollhom skop f’ħajjithom, u ferħ veru. (Salm 19:7-11) Mill-banda l-oħra, dawk li jinjoraw il-livelli taʼ Ġeħova jbatu l-konsegwenzi minħabba li jċedu għax-xewqat ħżiena tagħhom. Innota x’jgħid raġel jismu Elie li ma riedx jibqaʼ jobdi l-livelli taʼ Ġeħova. Hu trabba bħala Xhud taʼ Ġeħova. Imma meta kien qed jikber, hu għażel kumpanija ħażina. Beda jieħu d-droga, jgħix ħajja immorali, u jisraq. Elie jgħid li beda jirrabja għal kull ħaġa taʼ xejn u sar vjolenti. Hu jammetti: “Bażikament, għamilt dak kollu li ġejt mgħallem biex ma nagħmilx bħala Kristjan.” Imma Elie ma nesiex dak li tgħallem meta kien żgħir. Maż-żmien, reġaʼ beda jistudja l-Bibbja. Elie ħadem iebes biex jegħleb il-vizzji ħżiena li kellu u tgħammed fis-sena 2000. Il-fatt li reġaʼ beda jgħix skont il-livelli taʼ Ġeħova, kif għenu? Hu jgħid: “Issa għandi l-paċi tal-moħħ u kuxjenza nadifa.” * L-eżempju taʼ Elie jurina li dawk li ma jobdux il-livelli taʼ Ġeħova jweġġgħu lilhom infushom. Minkejja dan, Ġeħova huwa lest li jgħinhom jinbidlu.
11. Ġeħova liema affarijiet jobgħod?
11 Tgħallem obgħod dak li jobgħod Ġeħova. (Salm 97:10) Il-Bibbja tgħid li Ġeħova jobgħod “għajnejn imkabbrin, ilsien falz, u idejn li qed ixerrdu demm innoċenti.” (Prov. 6:16, 17) Ukoll, hu jobgħod nies vjolenti u li jqarrqu. (Salm 5:6) Ġeħova tant jobgħod dawn l-affarijiet li fi żmien Noè hu qered lil dawk kollha li kienu ħżiena minħabba li mlew l-art bil-vjolenza. (Ġen. 6:13) Ejja naraw eżempju ieħor. Permezz tal-profeta Malakija, Ġeħova qal li Hu jobgħod lil dawk li ma jibqgħux leali u jiddivorzjaw lir-raġel jew il-mara tagħhom għal xejn b’xejn. Alla ma jaċċettax il-qima tagħhom u se jżommhom responsabbli għal dak li għamlu.—Mal. 2:13-16; Ebr. 13:4.
12. Xi jfisser li ‘nistmerru dak li hu ħażin’?
12 Ġeħova jridna ‘nistmerru dak li hu ħażin.’ (Rum. 12:9) Il-kelma “stmerr” tiddeskrivi sentiment b’saħħtu. Dan ifisser li vera tkun tobgħod xi ħaġa, tant li tqallgħak. Immaġina kif tħossok kieku jgħidulek tiekol ikel immoffat. Il-ħsieb biss ukoll iqallgħek. Bl-istess mod, il-ħsieb li nagħmlu xi ħaġa li jobgħod Ġeħova għandu jqallagħna.
13. Għala għandna nneħħu ħsibijiet ħżiena?
13 Neħħi ħsibijiet ħżiena. Dak li naħsbu jeffettwa dak li nagħmlu. Hu għalhekk li Ġesù għallimna biex inneħħu ħsibijiet li jistgħu jwassluna biex nagħmlu dnubiet serji. (Mt. 5:21, 22, 28, 29) Aħna rridu nogħġbu lil Missierna tas-sema, hux hekk? Għalhekk huwa importanti ħafna li nneħħu mill-ewwel kull ħsieb ħażin li jiġina f’moħħna!
14. Dak li ngħidu x’juri, u liema mistoqsijiet għandna nistaqsu?
14 Ikkontrolla lsienek. Ġesù qal: “Dak li joħroġ mill-fomm jiġi mill-qalb.” (Mt. 15:18) Iva, dak li ngħidu juri x’għandna f’qalbna. Għalhekk, staqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet: ‘Se nkun lest li ma nigdibx anki jekk inkun naf li jekk ngħid il-verità nidħol fl-inkwiet? Bħala persuna miżżewġa, noqgħod attent li ma nifflertjax ma’ dawk tas-sess oppost? Nevita għalkollox kliem doppju sens? Meta xi ħadd jirrabjani, nibqaʼ kalm?ʼ Se ssibha t’għajnuna jekk taħseb fuq dawn il-mistoqsijiet. Kif titkellem jistaʼ jitqabbel mal-buttuni li jkollha qmis. Jekk tħoll il-buttuni se jkun iktar faċli għalik biex tinżagħha. Bl-istess mod, jekk tagħmel dak kollu li tistaʼ biex ma tigdibx, ma tgħidx kliem li jweġġaʼ, u kliem doppju sens, se jkun iktar faċli għalik biex tinżaʼ l-personalità l-qadima.
15. Xi jfisser li nsammru l-personalità l-qadima tagħna “fuq iz-zokk”?
15 Kun lest li tagħmel dak li jkun hemm bżonn. L-appostlu Pawlu uża eżempju biex jurina kemm hu importanti li nbiddlu l-mod ta’ kif ngħixu ħajjitna. Hu kiteb li għandna nsammru l-personalità l-qadima tagħna “fuq iz-zokk.” (Rum. 6:6) Fi kliem ieħor, aħna rridu nimitaw l-eżempju taʼ Kristu. Ġesù kien lest li jkun imsammar maz-zokk biex jogħġob lil Ġeħova. B’mod simili, biex nogħġbu lil Ġeħova għandna nkunu lesti li nneħħu attitudni u affarijiet ħżiena li jobgħod hu. Jekk nagħmlu dan, jistaʼ jkollna kuxjenza nadifa u ngawdu l-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 17:3; 1 Pt. 3:21) Ftakar li Ġeħova mhux se jbiddel il-livelli tiegħu biex jagħmilna ferħanin. Minflok, irridu ninbidlu aħna u ngħixu ħajjitna fi qbil mal-livelli tiegħu.—Is. 1:16-18; 55:9.
16. Għala għandek tkun determinat li tibqaʼ tiġġieled kontra x-xewqat ħżiena?
16 Ibqaʼ ġġieled kontra xewqat ħżiena. Anki wara li tkun tgħammidt se jkollok tibqaʼ tiġġieled kontra xewqat ħżiena. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ raġel jismu Maurício. Meta kien żgħir beda jgħix ħajja taʼ omosesswali. Maż-żmien hu ltaqaʼ max-Xhieda taʼ Ġeħova u beda jistudja l-Bibbja. Wara li għamel il-bidliet li kien hemm bżonn hu tgħammed fl-2002. Minkejja li ilu jaqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, Maurício ammetta li ġieli jkollu jiġġieled kontra xewqat ħżiena. Imma hu ma jħallix dan jiskuraġġih. Minflok, jgħid: “Nagħmel kuraġġ meta niftakar li jekk nagħżel li ma naġixxix fuq dawn ix-xewqat inkun qed nogħġob lil Ġeħova.” *
17. X’sibt interessanti fl-esperjenza taʼ Nabiha?
17 Itlob għall-għajnuna taʼ Ġeħova, u dejjem strieħ fuq l-ispirtu tiegħu. (Gal. 5:22; Flp. 4:6) Irridu naħdmu iebes jekk nixtiequ ninżgħu l-personalità l-qadima u ma nerġgħux nilbsuha. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ mara jisimha Nabiha. Missierha telaqha meta kien għad kellha sitt snin. Hi tgħid: “Dan ġabli ħafna wġigħ.” Meta Nabiha bdiet tikber bdiet taqbżilha malajr, saret aggressiva, tbigħ id-droga, ġiet arrestata, u għamlet xi snin fil-ħabs. L-aħwa li kienu jmorru jippritkaw il-ħabs bdew jistudjaw il-Bibbja magħha. Nabiha bdiet tagħmel bidliet kbar. Hi tgħid: “Kien faċli għalija biex naqtaʼ xi vizzji ħżiena li kelli. Imma biex naqtaʼ s-sigaretti sibtha diffiċli ħafna.” Nabiha damet iktar minn sena biex taqtagħhom. X’għenha tagħmel dan? Hi tgħid: “L-iktar ħaġa li għenitni naqtaʼ s-sigaretti kienet it-talb kontinwu lil Ġeħova.” Issa, Nabiha tgħid lil oħrajn: “Ċerta li jekk stajt nagħmel il-bidliet jien biex nogħġob lil Ġeħova, kulħadd jistaʼ jirnexxilu!” *
INT TISTAʼ TIKKWALIFIKA GĦALL-MAGĦMUDIJA!
18. Skont l-1 Korintin 6:9-11, ħafna mill-qaddejja t’Alla xi rnexxielhom jagħmlu?
18 Fi żmien il-Kristjani tal-bidu, xi wħud minn dawk li għażel Ġeħova biex imexxu maʼ Kristu wkoll kienu jagħmlu affarijiet ħżiena qabel. Pereżempju, kienu adulteri, omosesswali, u ħallelin. Però, bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla rnexxielhom ibiddlu l-personalità tagħhom. (Aqra l-1 Korintin 6:9-11.) Anke llum, il-Bibbja għenet lil miljuni taʼ nies ibiddlu l-mod kif jgħixu ħajjithom. * Huma qatgħu vizzji ħżiena minkejja li ma kienx faċli għalihom. L-eżempju tagħhom jagħti prova li int ukoll tistaʼ tagħmel bidliet fil-personalità tiegħek u tegħleb vizzji ħżiena biex tikkwalifika għall-magħmudija.
19. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Dawk li jridu jitgħammdu mhux biss għandhom jaħdmu biex jinżgħu l-personalità l-qadima imma wkoll iridu jagħmlu sforz biex jilbsu l-personalità l-ġdida. Fl-artiklu li jmiss se naraw kif nistgħu nagħmlu dan u kif oħrajn jistgħu jgħinuna.
GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi
^ par. 5 Biex nikkwalifikaw għall-magħmudija, irridu nkunu lesti nagħmlu l-bidliet li jkun hemm bżonn fil-personalità tagħna. Dan l-artiklu se jgħinna naraw x’inhi l-personalità l-qadima, għala rridu nneħħu l-kwalitajiet ħżiena tal-personalità l-qadima, u kif nistgħu nagħmlu dan. Fl-artiklu li jmiss, se naraw kif aħna nistgħu nkomplu nilbsu l-personalità l-ġdida anki wara li nitgħammdu.
^ par. 3 ESPRESSJONI SPJEGATA: Li ‘ninżgħu l-personalità l-qadima’ jfisser li għandna nneħħu kull attitudni u xewqa li ma togħġobx lil Ġeħova. Għandna nibdew nagħmlu dan qabel il-magħmudija.—Efes. 4:22.
^ par. 10 Għal iktar dettalji, ara l-artiklu “Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet—‘Kelli bżonn nerġaʼ lura lejn Ġeħova,’” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 2012.
^ par. 16 Biex tkun taf iktar, ara l-artiklu “Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet—‘Kienu qalbhom tajba ferm miegħi,’” fil-ħarġa ta’ It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Ottubru 2012.
^ par. 17 Biex tkun taf iktar, ara l-artiklu “Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet—‘I Became an Angry, Aggressive Young Woman,’” fil-ħarġa ta’ It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’Ottubru 2012.
^ par. 18 Ara l-kaxxa “ Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet.”
^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Meta nneħħu attitudnijiet u vizzji ħżiena hu bħal meta nneħħu ħwejjeġ maħmuġin minn fuqna.