Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 11

Wara l-Magħmudija Ara li Tibqaʼ Tilbes “il-Personalità l-Ġdida”

Wara l-Magħmudija Ara li Tibqaʼ Tilbes “il-Personalità l-Ġdida”

“Ilbsu l-​personalità l-​ġdida.”—KOL. 3:10.

GĦANJA 49 Inferrħu qalb Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’inhi l-​iktar ħaġa li tinfluwenza l-​personalità tagħna?

 SEW jekk ilna mgħammdin ħafna snin u sew jekk m’ilniex, ilkoll kemm aħna nixtiequ li jkollna personalità li togħġob lil Ġeħova. Biex nagħmlu dan irridu nikkontrollaw il-​ħsibijiet tagħna. Għala? Għax il-​personalità tagħna tiġi influwenzata l-​iktar minn dak li naħsbu dwaru. Jekk noqogħdu naħsbu l-​ħin kollu kif nistgħu nissodisfaw ix-​xewqat tagħna, se ngħidu u nagħmlu affarijiet ħżiena. (Efes. 4:17-​19) Imma jekk naħsbu dwar affarijiet tajbin, x’aktarx li se nitkellmu u nagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Missierna, Ġeħova.—Gal. 5:16.

2. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Kif rajna fl-​artiklu taʼ qabel dan, kultant se jiġuna ħsibijiet ħżiena. Imma nistgħu nagħżlu li ma naġixxux fuq dawn il-​ħsibijiet. Qabel nitgħammdu, aħna ma nistgħux nibqgħu nitkellmu u naġixxu b’mod li ma jogħġobx lil Ġeħova. Dan huwa l-​ewwel u l-​iktar pass importanti biex ninżgħu l-​personalità l-​qadima. Però, biex nogħġbu lil Ġeħova rridu nagħmlu xi ħaġ’oħra. Għandna nobdu l-​kmand: “Ilbsu l-​personalità l-​ġdida.” (Kol. 3:10) F’dan l-​artiklu se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: X’inhi “l-​personalità l-​ġdida”? Kif nistgħu nilbsu l-​personalità l-​ġdida u ma ninżgħuhiex?

X’INHI “L-​PERSONALITÀ L-​ĠDIDA”?

3. Fi qbil maʼ Galatin 5:22, 23, x’inhi “l-​personalità l-​ġdida,” u persuna kif turi li libsitha?

3 Xi ħadd li hu liebes “il-​personalità l-​ġdida” jaħseb u jaġixxi bħal Ġeħova. Persuna tilbes il-​personalità l-​ġdida billi turi l-​frott tal-​ispirtu, jiġifieri tħalli l-​ispirtu qaddis ibiddel il-​mod kif taħseb, tħoss, u taġixxi. (Aqra Galatin 5:22, 23.) Din tħobb lil Ġeħova u lin-​nies tiegħu. (Mt. 22:36-​39) Minkejja li tkun qed tissaporti l-​provi, xorta tibqaʼ kuntenta. (Ġak. 1:2-​4) Hi persuna li żżomm il-​paċi. (Mt. 5:9) Tkun paċenzjuża u qalbha tajba maʼ nies oħrajn. (Kol. 3:13) Tħobb dak li hu tajjeb u tagħmlu. (Lq. 6:35) B’dak li tagħmel tagħti prova li għandha fidi soda f’Missierha tas-​sema. (Ġak. 2:18) Meta xi ħadd jirrabjaha jew jiġġieled magħha, tibqaʼ kalma. U meta tiġi ttantata biex tagħmel xi ħaġa ħażina ma ċċedix.—1 Kor. 9:25, 27; Titu 3:2.

4. Għala għandna nuru l-​kwalitajiet kollha li jissemmew f’​Galatin 5:22, 23 u f’versi oħrajn?

4 Biex nilbsu l-​personalità l-​ġdida rridu naħdmu ħalli jkollna l-​kwalitajiet kollha msemmijin f’​Galatin 5:22, 23 u f’versi oħrajn fil-​Bibbja. * Dawn il-​kwalitajiet huma bħal ħwejjeġ li jintlibsu flimkien. Fil-​fatt, ħafna minn dawn il-​kwalitajiet huma simili. Pereżempju, jekk tħobb lil oħrajn, int se tkun paċenzjuż u qalbek tajba magħhom. U turi l-​kwalità tat-​tjubija billi tikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħek meta jiġrulek affarijiet ħżiena.

KIF NISTGĦU NILBSU L-​PERSONALITÀ L-​ĠDIDA?

Iktar ma nitgħallmu dwar il-​mod kif kien jaħseb Ġesù, iktar se jirnexxilna nimitaw il-​personalità tiegħu (Ara paragrafi 5, 8, 10, 12, 14)

5. Xi jfisser li jkollna “l-​moħħ taʼ Kristu,” u għala rridu nistudjaw dwar il-​ħajja taʼ Ġesù? (1 Korintin 2:16)

5 Aqra l-1 Korintin 2:16. Biex nilbsu l-​personalità l-​ġdida jrid ikollna “l-​moħħ taʼ Kristu.” Fi kliem ieħor, aħna rridu nitgħallmu kif jaħseb Ġesù u mbagħad nimitawh. Ġesù wera l-​frott tal-​ispirtu b’mod perfett. Bħal mera, hu rrifletta eżatt il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova. (Ebr. 1:3) Iktar ma naħsbu bħal Ġesù, iktar se nagħmlu l-​affarijiet kif għamilhom hu, u iktar se jirnexxilna nuru l-​kwalitajiet tal-​personalità tiegħu.—Flp. 2:5.

6. X’għandna niftakru meta nibdew nipprovaw nilbsu l-​personalità l-​ġdida?

6 Huwa possibbli li nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù? Forsi naħsbu: ‘Ġesù kien perfett. Jien qatt mhu ħa jirnexxili nkun bħalu!’ Jekk tħossok hekk, żomm f’moħħok dawn il-​punti. L-​ewwel, Ġeħova ħalqek b’mod li tistaʼ timita lilu u lil Ġesù. Għalhekk, int tistaʼ tagħżel li timitahom u, sa ċertu punt, tistaʼ tkun bħalhom. (Ġen. 1:26) It-​tieni, l-​ispirtu qaddis t’Alla hu l-​iktar qawwa b’saħħitha fl-​univers kollu. Bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis, int tistaʼ tagħmel affarijiet li waħdek qatt ma tistaʼ tagħmel. It-​tielet, Ġeħova ma jistenniex li minn issa turi l-​frott tal-​ispirtu b’mod perfett. Fil-​fatt, lil dawk li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art, Missierna kollu mħabba se jtihom 1,000 sena sakemm isiru perfetti. (Riv. 20:1-​3) Dak li jrid minna Ġeħova hu li nagħmlu l-​aħjar tagħna u nistrieħu fuqu għall-​għajnuna.

7. X’se nikkunsidraw issa?

7 Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù? Issa se neżaminaw erbaʼ kwalitajiet li jiġu permezz tal-​ispirtu t’Alla. F’kull sitwazzjoni se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù wera dawn il-​kwalitajiet. Waqt li nagħmlu dan, se nikkunsidraw xi mistoqsijiet li se jgħinuna ntejbu l-​personalità l-​ġdida tagħna.

8. Ġesù kif wera l-​imħabba?

8 Minħabba li Ġesù kien iħobb ħafna lil Ġeħova, hu għamel sagrifiċċji għalih u għalina. (Ġw. 14:31; 15:13) Ġesù wera kemm iħobb lin-​nies bil-​mod kif għex ħajtu meta kien fuq l-​art. Hu dejjem wera l-​imħabba u l-​qalb tajba, anki meta xi wħud ħaduha kontrih. Mod importanti kif wera li jħobb lin-​nies kien billi għallimhom dwar is-​Saltna t’Alla. (Lq. 4:43, 44) Ġesù wera wkoll kemm vera jħobb lil Missieru u lin-​nies billi kien lest li jbati u jiġi maqtul. Permezz taʼ dan, hu għamilha possibbli għalina biex ikollna l-​ħajja taʼ dejjem.

9. Kif nistgħu nuru mħabba bħalma wera Ġesù?

9 Aħna ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova u tgħammidna għax inħobbuh. Għalhekk, bħal Ġesù, irridu nuru mħabba lejn Ġeħova bil-​mod kif nittrattaw lin-​nies. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġw. 4:20) Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘L-​imħabba tiegħi għan-​nies kibret? Nuri qalb tajba m’oħrajn anki meta jittrattawni ħażin? L-​imħabba ġġegħelni nuża l-​ħin u l-​affarijiet tiegħi biex ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova? Lest li nagħmel dan anki meta ħafna ma japprezzawx l-​isforzi tiegħi jew inkella jiħduha kontrija? Nistaʼ nsib modi kif inqattaʼ iktar ħin fix-​xogħol tal-​ippritkar?’—Efes. 5:15, 16.

10. Ġesù kif wera li kien raġel li jżomm il-​paċi?

10 Ġesù kien raġel li dejjem żamm il-​paċi. Meta n-​nies ittrattawh ħażin, hu ma pattiex lura. Imma Ġesù ma waqafx hemm. Hu dejjem ra x’se jagħmel biex iżomm il-​paċi u inkuraġġixxa lil oħrajn biex jirranġaw in-​nuqqasijiet taʼ bejniethom. Pereżempju, hu għallem lid-​dixxipli li għandhom imorru jagħmlu paċi jekk riedu li Ġeħova jaċċetta l-​qima tagħhom. (Mt. 5:9, 23, 24) U għal darba wara l-​oħra, hu għen lill-​appostli biex ma jibqgħux jargumentaw dwar min kien l-​ikbar fosthom.—Lq. 9:46-​48; 22:24-​27.

11. Kif nistgħu nuru li nħobbu l-​paċi?

11 Biex nuru li nħobbu l-​paċi, m’għandniex biss nevitaw li naqilgħu l-​argumenti. Irridu nagħmlu sforz biex nagħmlu paċi m’oħrajn u ninkuraġġixxu lil ħutna jirranġaw in-​nuqqasijiet taʼ bejniethom. (Flp. 4:2, 3; Ġak. 3:17, 18) Nistgħu nistaqsu lilna nfusna dawn il-​mistoqsijiet: ‘X’lest li nagħmel biex nagħmel paċi m’oħrajn? Jekk ħu jew oħt tweġġagħni, jien nibqaʼ rrabjat? Nistenna lill-​persuna tiġi tagħmel paċi miegħi, jew nagħmel l-​ewwel pass jien, anki jekk inħoss li għandha tort? Meta jkun xieraq, ninkuraġġixxi lil dawk li jkollhom nuqqas bejniethom biex jagħmlu paċi?’

12. Ġesù kif wera qalb tajba?

12 Ġesù kien qalbu tajba. (Mt. 11:28-​30) Hu wera dan billi kien raġunevoli u wera l-​ħlewwa, anka f’sitwazzjonijiet diffiċli. Pereżempju, meta mara mill-​Feniċja qaltlu biex ifejjaq lit-​tifla tagħha, għall-​ewwel Ġesù m’għamilx dak li talbitu. Imma meta hi wriet fidi kbira, b’qalb tajba fejqilha t-​tifla. (Mt. 15:22-​28) Minkejja li kien qalbu tajba, meta kien hemm bżonn Ġesù xorta ta parir. Infatti, hu wera qalb tajba billi kien sod maʼ dawk li jħobb. Pereżempju, meta Pietru prova jiskuraġġih milli jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova, Ġesù kkoreġieh quddiem id-​dixxipli l-​oħrajn. (Mk. 8:32, 33) Hu m’għamilx dan biex jiksru, imma ried jgħallem lilu u lid-​dixxipli biex ma jkunux prużuntużi. Bla dubju Pietru staħa xi ftit, imma żgur li bbenefika mid-​dixxiplina taʼ Ġesù.

13. Kif nistgħu nuru qalb tajba?

13 Biex turi li int qalbek tajba maʼ dawk li tħobb, xi kultant ikollok tagħti parir. Meta tagħmel dan, imita lil Ġesù u ara li l-​parir tiegħek ikun dejjem ibbażat fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja. Uri l-​ħlewwa. Taħsibx ħażin fihom, imma kun konvint li għax iħobbu lil Ġeħova u lilek, se jisimgħu mill-​parir li ttihom. Saqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet: ‘Għandi kuraġġ nagħti parir lil xi ħadd li nħobb meta jkun qed jagħmel xi ħaġa ħażina? Meta nagħti parir nitkellem bil-​ħlewwa jew bl-​aħrax? Meta nagħti parir, għal liema raġuni nagħtih? Nagħtih għax il-​persuna tkun qed iddejjaqni b’dak li qed tagħmel jew għax nixtieq ngħinha?’

14. Ġesù kif għamel dak li hu tajjeb?

14 Ġesù mhux biss jaf x’inhu tajjeb imma jagħmlu wkoll. Ġesù jħobbu lil Missieru, għalhekk hu dejjem jagħmel dak li hu tajjeb u b’intenzjoni tajba. Persuna tajba dejjem tfittex modi kif tgħin lil oħrajn u tagħmel affarijiet tajbin għalihom. Li tkun taf x’inhi l-​ħaġa t-​tajba li għandek tagħmel mhux biżżejjed, aħna rridu nagħmlu dak li hu tajjeb u b’intenzjoni tajba. Xi wħud forsi jistaqsu, ‘Huwa possibbli li nagħmel dak li hu tajjeb b’intenzjoni ħażina?’ Iva. Pereżempju, Ġesù tkellem dwar dawk li taw rigali lill-​foqra, imma qagħdu attenti li oħrajn jaraw x’kienu qegħdin jagħmlu biex ifaħħruhom. Minkejja li l-​affarijiet li għamlu kienu tajbin, Ġeħova ma ħax pjaċir bihom.—Mt. 6:1-​4.

15. Kif nistgħu nuru li aħna persuna tajba?

15 Nistgħu nuru li aħna persuna tajba billi dak li nagħmlu nagħmluh b’intenzjoni tajba. Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Jekk naf li għandi nagħmel xi ħaġa tajba, qiegħed nagħmilha? X’qed iġegħelni nagħmel din il-​ħaġa?’

KIF NISTGĦU NIPPROTEĠU L-​PERSONALITÀ L-​ĠDIDA?

16. X’għandna nagħmlu kuljum, u għala?

16 Irridu noqogħdu attenti u ma naħsbux li meta nitgħammdu nkunu lbisna għalkollox il-​personalità l-​ġdida u għalhekk m’għandniex għalfejn inkomplu naħdmu fuqha. Aħna rridu nżommu l-​personalità l-​ġdida tagħna f’kundizzjoni tajba. Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi kuljum infittxu opportunitajiet kif nuru l-​frott tal-​ispirtu. Għala? Għax iktar ma nagħmlu sforz biex nuru dawn il-​kwalitajiet, iktar se jgħinna l-​ispirtu taʼ Ġeħova. Ġeħova hu Alla ħaj u l-​ispirtu tiegħu hu forza attiva. (Ġen. 1:2) Għalhekk, il-​frott tal-​ispirtu se jgħinna naġixxu. Pereżempju, id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Il-​fidi mingħajr l-​għemejjel hi mejta.” (Ġak. 2:26) Dan jgħodd ukoll għall-​kwalitajiet l-​oħrajn tal-​frott tal-​ispirtu.

17. X’għandna nagħmlu meta ma jirnexxilniex nuru l-​frott tal-​ispirtu?

17 Anki Kristjani li ilhom mgħammdin għal ħafna snin kultant ma jirnexxilhomx juru l-​frott tal-​ispirtu. Imma l-​iktar ħaġa importanti hi li ma naqtgħux qalbna. Aħseb dwar dan l-​eżempju. Ejja ngħidu li għandek libsa għal qalbek u titqattagħlek. X’se tagħmel, tarmiha mill-​ewwel? Le. X’aktarx l-​ewwel se tipprova tirranġaha u mbagħad iktar se tibżaʼ għaliha. Bl-​istess mod, jekk xi darba ma tkunx dħuli, paċenzjuż, jew ma turix qalb tajba maʼ xi ħadd, taqtax qalbek. Itlob skuża minn qalbek biex tirranġa l-​ħbiberija tiegħek mal-​persuna l-​oħra. U kun determinat li ma terġax tagħmel l-​istess żball.

18. Minn xiex tistaʼ tkun ċert?

18 Kemm napprezzaw li għandna l-​eżempju taʼ Ġesù! Iktar ma nimitaw il-​mod kif kien jaħseb u l-​attitudni tiegħu, iktar se jkun faċli għalina biex nagħmlu bħalu. Meta nagħmlu l-​affarijiet kif għamilhom Ġesù, se nuru li aħna lebsin il-​personalità l-​ġdida. F’dan l-​artiklu rajna biss erbaʼ kwalitajiet mill-​frott tal-​ispirtu t’Alla. Għax ma tqattax ftit ħin tistudja dwar kwalitajiet oħrajn tal-​frott tal-​ispirtu u tara jekk hux qed turi dawn il-​kwalitajiet b’mod tajjeb? Se ssib lista taʼ artikli dwar dan is-​suġġett fil-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova taħt “Suġġetti,” “Ħajja Kristjana,” u mbagħad “Frott tal-​Ispirtu.” Tistaʼ tkun ċert li jekk int se tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tilbes il-​personalità l-​ġdida, Ġeħova se jgħinek biex ma tinżagħhiex.

GĦANJA 127 It-​tip taʼ persuna li għandi nkun

^ par. 5 Kien x’kien il-​mod kif trabbejna, ilkoll kemm aħna nistgħu nilbsu “l-​personalità l-​ġdida.” Biex nagħmlu dan, irridu nkomplu nbiddlu l-​mod ta’ kif naħsbu u nipprovaw nimitaw lil Ġesù. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw eżempji taʼ kif kien jaħseb Ġesù u dak li għamel. Se naraw ukoll kif nistgħu nkomplu nimitawh wara li nitgħammdu.

^ par. 4 Galatin 5:22, 23 ma jsemmix il-​kwalitajiet tajbin kollha li l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna jkollna. Biex tara iktar dwar dan, ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ Ġunju 2020.