Mistoqsijiet mill-Qarrejja
It-2 Samwel 21:7-9 għala jgħid li David “ħass mogħdrija għal Mefiboset” imma mbagħad ta lil Mefiboset għall-mewt?
Xi wħud li jaqraw dan ir-rakkont ta’ malajr spiss isaqsu din il-mistoqsija. Però, f’dawn il-versi jissemmew żewġt irġiel li t-tnejn li huma jisimhom Mefiboset. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu billi naraw x’ġara f’dan ir-rakkont.
Is-Sultan Sawl ta’ Iżrael kellu seba’ subien u żewġt ibniet. L-ewwel tifel ta’ Sawl kien Ġonatan. Iktar tard, Sawl kellu tifel mit-tieni mara tiegħu, Risfa, li semmieh Mefiboset. Ta’ interess li anki Ġonatan kellu tifel jismu Mefiboset. Għalhekk, is-Sultan Sawl kellu tifel u neputi bl-istess isem.
Maż-żmien, is-Sultan Sawl beda jobgħod lill-Gibegħonin u pprova joqtolhom kollha. Milli jidher uħud minnhom ġew maqtula. Bla dubju, din kienet xi ħaġa ħażina. Għala? Għax lura fi żmien Ġożwè, il-kapijiet ewlenin Iżraelin kienu wiegħdu lill-Gibegħonin li se jżommu l-paċi magħhom.—Ġoż. 9:3-27.
Dan il-ftehim kien għadu jgħodd fi żmien is-Sultan Sawl. Però, hu injora dan il-ftehim u pprova jeqred lill-Gibegħonin. Dan wassal għall-‘ħtija tad-demm fuq Sawl u fuq taʼ daru.’ (2 Sam. 21:1) Meta fl-aħħar David sar sultan, il-Gibegħonin li baqgħu ħajjin tkellmu miegħu u qalulu dwar dak li għaddew minnu. David staqsa lill-Gibegħonin x’seta’ jagħmel biex ipatti għal dak li ġralhom minħabba l-pjan ta’ Sawl u biex Ġeħova jbierek l-art tagħhom. Minflok ma talbuh il-flus, il-Gibegħonin talbuh li seba’ subien minn tas-Sultan Sawl, li ‘għamel pjan biex iġibhom fix-xejn,’ jingħatawlhom biex joqtluhom. (Num. 35:30, 31) David aċċetta t-talba tagħhom.—2 Sam. 21:2-6.
Sa dak iż-żmien, Sawl u Ġonatan kienu mietu f’battalja, imma Mefiboset, it-tifel ta’ Ġonatan, kien għadu ħaj. Meta kien żgħir Mefiboset kellu aċċident u baqaʼ jbati b’diżabilità ħajtu kollha u hu ma ħax sehem fl-attakk li nannuh għamel kontra l-Gibegħonin. David kien għamel ftehim mal-ħabib tiegħu Ġonatan, li bih kienu se jibbenefikaw ukoll dawk li jiġu minnu, inkluż Mefiboset, it-tifel ta’ Ġonatan. (1 Sam. 18:1; 20:42) Ir-rakkont jgħid: “Is-sultan [David] ħass mogħdrija għal Mefiboset, bin Ġonatan, bin Sawl, minħabba l-ħalfa[li għamlu quddiem] Ġeħova.”—2 Sam. 21:7.
Però, David xorta aċċetta t-talba tal-Gibegħonin. Hu tahom żewġt itfal subien ta’ Sawl, li wieħed minnhom kien jismu Mefiboset, u ħames neputijiet. (2 Sam. 21:8, 9) Dak li għamel David temm il-ħtija tad-demm li kien hemm fuq l-art.
Dan ir-rakkont mhuwiex sempliċement storja tal-passat. Il-liġi t’Alla kienet ċara. Dewteronomju 24:16 jgħid: “L-ulied m’għandhomx jingħataw il-mewt minħabba l-missirijiet.” Kieku ż-żewġt itfal ta’ Sawl u n-neputijiet tiegħu kienu innoċenti, Ġeħova ma kienx se jippermetti li jiġrilhom hekk. Il-liġi tkompli tgħid: “Kull wieħed għandu jingħata l-mewt għal dnubu stess.” Milli jidher, dawn it-tfal u n-neputijiet ta’ Sawl li ġew maqtula, b’xi mod kellhom x’jaqsmu mal-pjan ta’ Sawl biex joqtol lill-Gibegħonin. Għalhekk, is-sebgħa li huma pattew għall-ħażen li għamlu.
Dan ir-rakkont jgħallimna li ħadd ma jista’ jġib skuża u jgħid li għamel jew qal xi ħaġa ħażina għax sempliċement segwa direzzjoni. Kulħadd hu responsabbli għal dak li jagħmel. Proverbju interessanti jgħid: “Witti t-triq għal saqajk, u jalla triqatek kollha jkunu stabbiliti fis-sod. Tilwix lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug. Warrab sieqek mill-ħażen.”—Prov. 4:24-27; Efes. 5:15.