Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Bdejt fqir u spiċċajt sinjur

Bdejt fqir u spiċċajt sinjur

Twilidt f’kamra mibnija bi zkuk tas-​siġar f’belt żgħira ħafna jisimha Liberty, Indiana, l-​lstati Uniti tal-​Amerika. Il-​ġenituri tiegħi diġà kellhom tifel u żewġt ibniet meta twilidt jien. Warajja, ommi kellha żewġ subien u tifla.

Il-kamra mibnija bi zkuk tas-siġar fejn twilidt jien

MATUL is-​snin li għamilt l-​iskola, kollox l-​istess baqaʼ fil-​belt fejn kont noqgħod. Fl-​iskola, sħabek tal-​klassi li kienu miegħek fl-​ewwel sena kienu jkunu l-​istess studenti li tispiċċa l-​iskola magħhom. Fil-​fatt kont tkun taf l-​isem taʼ kważi kull persuna fil-​belt, u huma kienu jafu tiegħek.

Jien kont wieħed minn sebat itfal, u meta kont żgħir tgħallimt nagħmel ix-xogħol tar-rabaʼ

Il-​belt taʼ Liberty kienet imdawra bi rziezet żgħar u l-​prodott bażiku kien il-​qamħirrun, jew corn. Meta twilidt jien, missieri kien jaħdem maʼ wieħed bidwi tal-​lokal. Meta kont adoloxxent, tgħallimt insuq trakter u nagħmel xi xogħol ieħor tar-​rabaʼ.

Lil missieri dejjem niftakru kbir. Hu kellu 56 sena meta twilidt jien, u ommi 35 sena. Minkejja dan, missieri kien jarmi s-​saħħa. Hu kien iħobb jaħdem iebes u għallem lil uliedu kollha biex jagħmlu l-​istess. Hu qatt ma qalaʼ ħafna flus, imma tana post fejn ngħixu, ilbies x’nilbsu, u biżżejjed ikel x’nieklu. U hu dejjem kien iħalli l-​ħin għal magħna. Missieri kellu 93 sena meta miet. Ommi mietet taʼ 86 sena. Ħadd minnhom ma qeda lil Ġeħova. Iżda, wieħed minn ħuti s-​subien ilu mill-​1972 jaqdi lealment bħala anzjan.

IT-​TFULIJA TIEGĦI

Ommi kienet reliġjuża ħafna. Kull nhar taʼ Ħadd, hi kienet tiħodna l-​knisja tal-​Battisti. Kelli 12-​il sena meta għall-​ewwel darba smajt dwar id-​duttrina tat-​Trinità. Allura staqsejt lil ommi: “Ġesù kif jistaʼ jkun Iben u Missier fl-​istess ħin?” Niftakar lil ommi twiġibni: “Ibni, dan misteru. Aħna ma nistgħux nifhmuh.” U dan veru kien misteru għalija. Madankollu, meta kelli madwar 14-​il sena, tgħammidt fi xmara żgħira li kien hemm fil-​belt. Huma għaddsewni tliet darbiet, darba għall-​Missier, darba għall-​Iben, u darba għall-​ispirtu qaddis!

1952—Taʼ 17-il sena, qabel ma dħalt fl-armata

Waqt li kont l-​iskola sekondarja, kelli ħabib li kien boxer, u kkonvinċieni biex nipprova l-​boxing. Allura bdejt nittrennja, u sirt membru taʼ organizzazzjoni tal-​boxing jisimha l-​Golden Gloves. Ma tantx kont tajjeb, għalhekk wara ftit ġlidiet ma bqajtx immur. Iktar tard, kelli nidħol bil-​lieva mal-​Armata tal-​Istati Uniti u bagħtuni l-​Ġermanja. Waqt li kont qed naqdi hemm, l-​uffiċjali taʼ fuqi bagħtuni f’akkademja militari għax ħasbu li stajt insir kap tajjeb. Riduni nagħmel il-​militar il-​karriera tiegħi. Minkejja dan, jien ma ridtx nibqaʼ fil-​militar, allura wara li lestejt is-​sentejn li kelli nagħmel, tlaqt l-​armata fl-​1956. Iżda, ftit taż-​żmien wara, sirt parti minn armata differenti ħafna.

1954-1956—Għamilt sentejn mal-Armata tal-Istati Uniti

NIBDA ĦAJJA ĠDIDA

Qabel ma tgħallimt il-​verità, kelli idea żbaljata dwar kif għandu jkun raġel taʼ veru. Kont influwenzat mill-​films u minn dawk taʼ madwari. Jien kont naħseb li l-​irġiel li kienu jitkellmu dwar il-​Bibbja kienu beżżiegħa. Imma bdejt nitgħallem xi affarijiet li biddluli ħajti. Darba, waqt li kont għaddej bil-​karozza sabiħa tiegħi, li kienet ħamra, żewġ tfajliet għamluli sinjal biex nieqaf ħdejhom. Huma kienu ħut ir-​raġel t’oħti. Dawn iż-​żewġ tfajliet kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Qabel, jien kont aċċettajt ir-​rivisti tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! mingħandhom, imma ħassejt li It-​Torri tal-​Għassa kien xi ftit jew wisq diffiċli biex nifhmu. Iżda din id-​darba, huma stidnuni biex immur għall-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni, laqgħa żgħira li fiha kienu jistudjaw u jiddiskutu l-​Bibbja u li kienet issir fid-​dar tagħhom. Jien għedtilhom li se naħsibha. Huma tbissmu u staqsewni, “Twegħedna?” Jien għedt, “Inwegħedkom.”

Iddispjaċieni li għedt hekk, iżda ħassejt li ma stajtx nikser il-​wegħda. Allura dik il-​lejla mort il-​laqgħa. L-​iktar li impressjonawni kienu t-​tfal. Ma stajtx nemmen kemm kienu jafu dwar il-​Bibbja! Għalkemm kont mort il-​knisja m’ommi kull nhar taʼ Ħadd, ftit li xejn kont naf dwar il-​Bibbja. Issa verament ridt nitgħallem iktar, u għalhekk aċċettajt studju tal-​Bibbja. Waħda mill-​ewwel affarijiet li tgħallimt kienet li l-​isem personali t’Alla li Jistaʼ Kollox hu Ġeħova. Snin qabel, meta staqsejt lil ommi dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, kulma qaltli kien, “Huma jqimu lil xi raġel xiħ jismu Ġeħova.” Imma issa ħassejt li għajnejja kienu qed jinfetħu!

Malajr għamilt progress għax kont naf li sibt il-​verità. F’Marzu tal-​1957, disaʼ xhur biss wara l-​ewwel laqgħa, tgħammidt. L-​attitudni tiegħi kienet inbidlet. Jien grat ħafna li sirt naf dak li l-​Bibbja tgħallem dwar kif għandu jkun raġel taʼ veru. Ġesù kien raġel perfett. Hu kellu saħħa u qawwa ħafna iktar minn kull raġel ieħor. Imma hu qatt ma daħal f’xi ġlieda. Minflok, “ħalla lil min jaħqru,” eżatt kif kien imbassar. (Isaija 53:2, 7) Jien tgħallimt li segwaċi veru taʼ Ġesù “għandu jkun ġentili maʼ kulħadd.”—2 Timotju 2:24.

Bdejt naqdi bħala pijunier is-​sena taʼ wara, fl-​1958. Iżda malajr kelli nieqaf għal ftit taż-​żmien. Għala? Jien kont se niżżewweġ lil Gloria, waħda minn dawk iż-​żewġ tfajliet li kienu stidnuni għall-​istudju tal-​ktieb! Qatt ma ddispjaċieni għal din id-​deċiżjoni. Gloria kienet ġawhra dak iż-​żmien, u għadha ġawhra sal-​lum. Għalija, hi iktar prezzjuża mill-​iktar djamant prezzjuż, u jien ferħan ħafna li żżewwiġtha! Ħa nħalli lilha tispjega naqra fuqha nfisha:

“Jien kont waħda minn 17-​il tifel u tifla. Ommi kienet Xhud leali. Hi mietet meta kelli 14-​il sena. Wara dan, missieri beda jistudja l-​Bibbja. Peress li ma kienx għad hemm ommi, missieri għamel arranġament mas-​surmast tal-​iskola. Oħti l-​kbira kienet fl-​aħħar sena tal-​skola sekondarja, u l-​Pa talab lis-​surmast jekk stajniex immorru l-​iskola ġurnata jien u ġurnata hi. B’hekk, waħda minna setgħet tkun id-​dar biex tieħu ħsieb lil ħutna ż-​żgħar. Ukoll, setaʼ jkollna l-​ikel lest għal xħin il-​Pa jiġi d-​dar mix-​xogħol. Is-​surmast tal-​iskola aċċetta, u aħna bqajna nagħmlu hekk sakemm oħti spiċċat l-​iskola. Żewġ familji Xhieda kienu jistudjaw magħna, u 11 minna sirna Xhieda taʼ Ġeħova. Kont nieħu gost fil-​ministeru, avolja dejjem kont nistħi ħafna. Maż-​żmien, żewġi Sam għenni negħleb il-​mistħija.”

Jien u Gloria żżewwiġna fi Frar tal-​1959. Aħna gawdejna x-​xogħol taʼ pijunier flimkien. F’Lulju taʼ dik is-​sena, applikajna biex nidħlu Betel. Veru xtaqna naqdu fil-​kwartieri ġenerali. Simon Kraker, ħu għażiż, għamlilna interview. Hu qalilna li Betel ma kinitx qed taċċetta koppji miżżewġin dak iż-​żmien. Aħna xorta ridna naqdu f’Betel, imma għaddew ħafna snin sakemm irnexxielna.

Ktibna lill-​kwartieri ġenerali u tlabniehom jibagħtuna f’territorju fejn kien hemm bżonn għal iktar pubblikaturi. Huma tawna għażla waħda biss: Pine Bluff, Arkansas. F’dak iż-​żmien, kien hemm żewġ kongregazzjonijiet f’din il-​belt. Kongregazzjoni minnhom kellha pubblikaturi taʼ ġilda bajda, u l-​oħra kellha pubblikaturi taʼ ġilda sewda. Aħna ntbgħatna fil-​kongregazzjoni li kellha pubblikaturi taʼ ġilda sewda. Dawn kienu biss 14.

DIFFIKULTAJIET MINĦABBA L-​FIRDA U R-​RAZZIŻMU

Għandkom mnejn taħsbu għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu se jifirdu pubblikaturi taʼ ġilda bajda minn dawk taʼ ġilda sewda. U t-​tweġiba hi li ma kellniex għażla oħra f’dak iż-​żmien. Kien illegali li razez differenti jitħalltu flimkien, u wkoll kien hemm il-​problema tal-​vjolenza. F’ħafna postijiet, l-​aħwa kienu jibżgħu li s-​Sala tas-​Saltna tagħhom kienet se tiġi meqruda jekk żewġ razez jiltaqgħu flimkien għall-​qima. Affarijiet bħal dawn ġieli ġraw. Jekk Xhieda suwed kienu jippritkaw minn bieb għal bieb f’post fejn joqogħdu l-​bojod, huma kienu jiġu arrestati u probabbilment imsawtin. Allura, biex inkunu nistgħu nagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar, aħna obdejna l-​liġi u ttamajna li l-​affarijiet imorru għall-​aħjar.

Il-​ministeru tagħna ma kienx dejjem faċli. Meta konna nippritkaw f’territorju fejn joqogħdu s-​suwed, kultant bi żball konna nħabbtu bieb taʼ familja bajda. Kellna niddeċiedu malajr: Tgħid nipprovaw nagħmlu preżentazzjoni qasira mill-​Bibbja jew sempliċiment niskużaw ruħna u nkomplu l-​bieb li jmiss? Hekk kienu l-​affarijiet dak iż-​żmien.

Ovvjament, bħala pijunieri xorta kellna naħdmu biex ngħixu. F’ħafna mix-​xogħlijiet li kellna konna naqilgħu tliet dollari kuljum. Gloria kienet tnaddaf xi djar u f’dar minnhom kienu jħalluni ngħinha ħalli tkun tistaʼ tlesti qabel. Il-​familja kienet tagħtina TV dinner, ikla lesta mill-​friża, li konna naqsmuha bejnietna qabel ma nitilqu. Kull ġimgħa, Gloria kienet tagħmel il-​mogħdija taʼ waħda familja. Jien kont naħdem fil-​ġnien, naħsel il-​ħġieġ, u nagħmel xi xogħlijiet oħra. F’dar taʼ familja bajda, konna naħslu l-​ħġieġ. Waqt li Gloria kienet tagħmlu minn ġewwa, jien kont nagħmlu minn barra. Dan kien jiħdilna ġurnata sħiħa, allura l-​familja kienet tagħtina x’nieklu. Gloria setgħet tiekol ġewwa imma mhux mal-​familja, u jien kelli niekol fil-​garaxx, imma ma kontx niddejjaq għax kienet tkun ikla tajba ħafna. Huma kienu familja ħelwa, imma kienu influwenzati mill-​ġirien. Niftakar li darba waqafna f’pompa tal-​petrol u wara li mlejna t-​tank, jien staqsejt lil dak li jieħu ħsieb, li inzerta kien abjad, jekk Gloria setgħetx tuża t-​toilet. Mimli rabja, qalli, “Imsakkar.”

ATTI TAʼ QALB TAJBA LI MA NINSA QATT

Mill-​banda l-​oħra, kellna żmien mill-​isbaħ mal-​aħwa, u konna nħobbuh il-​ministeru! Meta wasalna l-​ewwel darba f’Pine Bluff, konna noqogħdu mal-​ħu li kien il-​qaddej tal-​kongregazzjoni (illum imsejjaħ koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani). Il-​mara tiegħu kienet għadha mhix fil-​verità, u Gloria bdiet studju tal-​Bibbja magħha. Fl-​istess żmien, jien bdejt studju mat-​tifla tagħhom u żewġha. L-​omm u t-​tifla ddeċidew li jaqdu lil Ġeħova u tgħammdu.

Kellna ħbieb għeżież fil-​kongregazzjoni tal-​bojod. Huma kienu jistidnuna fi djarhom għall-​ikel, imma stajna mmorru biss wara li jidlam ħalli ħadd ma jarana flimkien. Il-​Ku Klux Klan (KKK), organizzazzjoni li tippromwovi r-​razziżmu u l-​vjolenza, kienet attiva ħafna dak iż-​żmien. Lejla minnhom fil-​Halloween niftakarni nara raġel bilqiegħda ħdejn il-​bieb taʼ barra tad-​dar tiegħu. Bi kburija kien liebes libsa bajda u barnuża bajda li tgħatti l-​wiċċ, bħalma kienu jilbsu dawk fil-​KKK. Iżda, esperjenzi negattivi ma waqqfux lill-​aħwa milli juru qalb tajba. Sajf minnhom kellna bżonn il-​flus biex immorru l-​konvenzjoni, u biex inkunu nistgħu nagħmlu dan, ħu abjad aċċetta li jixtri l-​karozza tagħna, Ford tal-​1950. Darba waħda, xahar wara, konna vera għajjenin wara li mxejna minn dar għal dar fis-​sħana u għamilna ħafna studji tal-​Bibbja. Imbagħad wasalna d-​dar u sibna sorpriża. Quddiem id-​dar kien hemm il-​karozza tagħna pparkjata! Mal-​windscreen sibna nota tgħid hekk, “Tistgħu terġgħu tiħduha lura bħala rigal mingħandi. Ħukom.”

Att ieħor taʼ qalb tajba messli qalbi. Fl-​1962, ġejt mistieden nattendi l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna f’South Lansing, New York. Din kienet xahar sħiħ taʼ taħriġ għall-​indokraturi tal-​kongregazzjonijiet, tas-​circuits, u tad-​distretti. F’dak iż-​żmien ma kellix xogħol, u ftit li xejn kellna flus. Madankollu, kont għamilt interview maʼ kumpanija tat-​telefown f’Pine Bluff. Jekk kienu se jagħżluni, kont inkun l-​ewwel raġel iswed li qatt ħadem mal-​kumpanija. Fl-​aħħar qaluli li riduni naħdem magħhom. X’kont se nagħmel? Ma kellix flus biex immur New York. Ħsibt bis-​serjetà biex naċċetta x-​xogħol u nirrifjuta l-​istedina għall-​iskola. Kont bdejt nipprepara biex nikteb lill-​Betel meta ġrat xi ħaġa li ma ninsa qatt.

Ġurnata minnhom kmieni filgħodu, oħt fil-​kongregazzjoni tagħna, li żewġha ma kienx fil-​verità, ħabbtitilna l-​bieb u tatni envelop. Dan kien mimli flus. Hi u xi ftit mit-​tfal żgħar tagħha kienu qed iqumu kmieni ħafna biex imorru fl-​għelieqi tal-​qoton u jneħħu l-​ħaxix ħażin. Huma għamlu dan biex jaqilgħu biżżejjed flus ħalli jien inkun nistaʼ mmur New York. Hi qaltli, “Mur l-​iskola u tgħallem kemm tiflaħ, u ejja lura u għallem lilna!” Iktar tard, tlabt lill-​kumpanija tat-​telefown jekk stajtx nibda naħdem magħhom ħames ġimgħat iktar tard milli kien ippjanat li nibda. It-​tweġiba kienet ċara, “Le!” Imma ma kienx jimporta. Kont ħadtha d-​deċiżjoni tiegħi. Jien grat ħafna li m’aċċettajtx dak ix-​xogħol!

Issa se tispjegalkom Gloria kif tiftakar iż-​żmien li qattajna f’Pine Bluff: “Sirt inħobbu t-​territorju! Kelli bejn 15 u 20 studju tal-​Bibbja. Allura, filgħodu konna mmorru minn dar għal dar u l-​kumplament tal-​ġurnata konna nagħmlu l-​istudji tal-​Bibbja, kultant sal-​11 taʼ billejl. Il-​ministeru kien sabiħ ħafna! Kont nieħu gost li kieku bqajt hemm. Nammetti li ma tantx xtaqt inbiddel l-​inkarigu u nibda x-​xogħol tas-​circuit, imma Ġeħova kellu xi ħaġa oħra f’moħħu.” U hekk kien.

IL-​ĦAJJA FIX-​XOGĦOL TAL-​IVVJAĠĠAR

Waqt li konna pijunieri f’Pine Bluff, applikajna biex insiru pijunieri speċjali. Konna verament qed nistennew li nintgħażlu. Għala? Għax konna nafu li l-​indokratur tad-​distrett tagħna riedna ngħinu kongregazzjoni f’Texas, u riedna naqdu bħala pijunieri speċjali hemm. Għoġbitna l-​idea. Allura stennejna fuq li stennejna, ittamajna li nirċievu tweġiba, imma bqajna nsibu l-​letterbox vojta. Fl-​aħħar, waslet ittra. Konna ġejna inkarigati fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar! Dan kien f’Jannar tal-​1965. Ħuna Leon Weaver, li llum hu membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Istati Uniti, ġie inkarigat jaqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet fl-​istess żmien magħna.

Kont ansjuż dwar li nsir indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Xi sena qabel, James A. Thompson, Jr., l-​indokratur tad-​distrett, eżamina l-​kwalifiki tiegħi. Bi mħabba spjegali fejn stajt nitjieb, billi semmieli xi kwalitajiet li jkollu bżonn indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Ftit wara li bdejt ix-​xogħol tas-​circuit, indunajt kemm kelli bżonnu dak il-​parir. Wara li ġejt maħtur, Ħuna Thompson kien l-​ewwel indokratur tad-​distrett li qdejt miegħu. Tgħallimt ħafna minn dan il-​ħu leali.

Jien ngħożż l-għajnuna li ngħatajt minn aħwa rġiel taʼ esperjenza

F’dak iż-​żmien, indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet ftit kien jingħata taħriġ. Għal ġimgħa, jien qgħadt ninnota indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Imbagħad, hu għamel l-​istess waqt li jien kont qed inżur kongregazzjoni oħra. Hu tani xi suġġerimenti u gwida. Minn hemm ’il quddiem ħdimna waħedna. Niftakarni ngħid lil Gloria, “Kieku aħjar jibqaʼ naqra oħra.” Iżda maż-​żmien, irrealizzajt xi ħaġa importanti. Dejjem se jkun hemm aħwa rġiel li jistgħu jgħinuk, imma dan jistaʼ jkun possibbli biss jekk tħallihom. Għadni ngħożżha sal-​lum l-​għajnuna li ngħatajt minn aħwa rġiel taʼ esperjenza bħal J. R. Brown, li kien indokratur li jivvjaġġa, u Fred Rusk mill-​familja taʼ Betel.

Ir-​razziżmu kien mifrux sew dak iż-​żmien. Darba, f’belt li konna qed inżuru f’Tennessee, il-​KKK ħarġu fit-​toroq. Niftakar darba oħra meta waqafna f’restorant biex nieklu xi ħaġa taʼ malajr waqt li konna fil-​ministeru. Meta mort biex nuża t-​toilet, raġel li kien jidher irrabjat u li kellu tpinġija razzista ġie warajja. Imma mbagħad daħal ħu abjad li kien ħafna ikbar minna t-​tnejn u staqsieni, “Kollox sew Ħuna Herd?” L-​ieħor telaq malajr mingħajr ma uża t-​toilet. Matul is-​snin, stajt nara li dak li jwassal għar-​razziżmu mhuwiex il-​kulur tal-​ġilda taʼ xi ħadd imma d-​dnub li qiegħed f’kull wieħed u waħda minna. U wkoll tgħallimt li ħu jibqaʼ ħu, il-​kulur tal-​ġilda ma jagħmilx differenza, u jekk ikun hemm bżonn imut għalik.

SPIĊĊAJT SINJUR

Għamilna 12-​il sena fix-​xogħol tas-​circuit u 21 sena fix-​xogħol tad-​distrett. Kienu snin sodisfaċenti u premjanti. Iżda kien hemm premju ieħor jistenniena. Ħolma li kellna għal ħafna snin saret realtà f’Awwissu tal-​1997. Ġejna mistidnin naqdu f’Betel tal-​Istati Uniti. Dan kien 38 sena wara l-​ewwel darba li applikajna. Ix-​xahar taʼ wara, bdejna naqdu f’Betel. Jien ħsibt li l-​aħwa responsabbli f’Betel riduni ngħin għal ftit żmien biss, imma mhux hekk ġara.

Gloria kienet ġawhra meta żżewwiġtha, u għadha ġawhra sal-lum

L-​ewwel inkarigu li kelli kien fid-​Dipartiment tas-​Servizz. Tgħallimt ħafna minn hemm! L-​aħwa rġiel f’dan id-​dipartiment jirċievu ħafna mistoqsijiet sensittivi u diffiċli mingħand l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet u l-​ġemgħat tal-​anzjani tal-​pajjiż kollu. Jien grat għal kemm kienu paċenzjużi u t’għajnuna dawn l-​aħwa rġiel f’li jittrennjawni. Li kieku nerġaʼ niġi inkarigat naħdem hemm, xorta jkolli ħafna x’nitgħallem minn dawn l-​aħwa.

Jien u Gloria nħobbuha l-​ħajja taʼ Betel. Dejjem konna nieħdu gost inqumu kmieni, u din id-​drawwa żgur li tgħin f’Betel. Wara xi sena, bdejt naqdi bħala ajjutant għall-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imbagħad fl-​1999, ġejt maħtur membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Tgħallimt ħafna affarijiet f’dan l-​inkarigu. Imma l-​iktar tagħlima importanti hi li l-​kap tal-​kongregazzjoni Kristjana hu Ġesù Kristu, u mhux xi bniedem.

Mill-1999 ’l hawn, kelli l-privileġġ li naqdi fil-Ġemgħa li Tiggverna

Meta naħseb dwar ħajti, kultant inħossni xi ftit bħall-​profeta Għamos. Ġeħova nnota lil dan ir-​ragħaj umli li x-​xogħol sempliċi tiegħu kien li jieħu ħsieb is-​siġar tat-​tin, frotta li n-​nies fqar biss kienu jieklu. Minkejja dan, Alla ħatar lil Għamos biex ikun profeta u bierku bil-​kbir f’dan l-​inkarigu. (Għamos 7:14, 15) B’mod simili, Ġeħova nnota lili, l-​iben taʼ bidwi fqir f’Liberty, Indiana. U Ġeħova berikni bil-​kbir. Tant hemm barkiet li impossibbli nsemmihom kollha! (Proverbji 10:22) Ħajti setaʼ kellha bidu fqir materjalment, imma jien żgur inħoss li spiċċajt ħafna iktar sinjur spiritwalment minn kemm qatt stajt nimmaġina!