Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala ‘nibqgħu nagħtu ħafna frott’

Għala ‘nibqgħu nagħtu ħafna frott’

“Missieri hu glorifikat b’dan, li tibqgħu tagħtu ħafna frott u turu li intom dixxipli tiegħi.”—ĠWANNI 15:8.

GĦANJIET: 145, 144

1, 2. (a) Xi ddiskuta Ġesù mad-​dixxipli tiegħu fil-​lejl qabel ma miet? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Għala hu importanti għalina li niftakru għala nippritkaw? (ċ) X’se niddiskutu?

FIL-​lejl qabel ma miet, Ġesù tkellem fit-​tul mal-​appostli tiegħu. Hu aċċertahom li kien iħobbhom ħafna. Qalilhom ukoll dwar it-​tixbiha tad-​dielja, li ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel dan. Ġesù ried jinkuraġġixxi lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu jagħtu ħafna frott,’ jiġifieri, biex ikomplu jippritkaw il-​messaġġ dwar is-​Saltna.—Ġwanni 15:8.

2 Madankollu, Ġesù ma qalx biss lid-​dixxipli dak li kien jeħtieġ li jagħmlu imma wkoll għala kien jeħtieġ li jagħmluh. Hu tahom raġunijiet għala kien hemm bżonn li jibqgħu jippritkaw. Hu importanti għalina li niftakru għala aħna wkoll jeħtiġilna nkomplu nippritkaw. Li naħsbu dwar dan se jagħtina raġunijiet biex nissaportu waqt li nagħtu “xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:13, 14) F’dan l-​artiklu se niddiskutu erbaʼ raġunijiet Skritturali għala nippritkaw. Ukoll, se niddiskutu erbaʼ rigali mingħand Ġeħova li jgħinuna nibqgħu nagħtu l-​frott.

AĦNA NIGGLORIFIKAW LIL ĠEĦOVA

3. (a) Skont Ġwanni 15:8, x’inhi l-​iktar raġuni importanti għala nippritkaw? (b) X’jirrappreżenta l-​għeneb fit-​tixbiha taʼ Ġesù, u dan ix-​xebh għala hu xieraq?

3 L-​iktar raġuni importanti għala nippritkaw hi li aħna rridu nigglorifikaw lil Ġeħova u nqaddsu lil ismu. (Aqra Ġwanni 15:1, 8.) Meta Ġesù qal it-​tixbiha tad-​dielja, hu qabbel lil Ġeħova maʼ bidwi li jkabbar l-​għeneb. Ġesù qal li hu stess kien id-​dielja u s-​segwaċi tiegħu kienu l-​friegħi. (Ġwanni 15:5) Allura f’din it-​tixbiha, l-​għeneb jirrappreżenta l-​frott li jipproduċu d-​dixxipli taʼ Ġesù, jew ix-​xogħol tal-​ippritkar li jagħmlu. Ġesù qal lill-​appostli tiegħu: “Missieri hu glorifikat b’dan, li tibqgħu tagħtu ħafna frott.” Meta d-​dwieli jipproduċu għeneb tajjeb, dan iġib unur lill-​bidwi. B’mod simili, meta nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nippritkaw il-​messaġġ dwar is-​Saltna, aħna nġibu unur, jew glorja, lil Ġeħova.—Mattew 25:20-23.

Meta nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nippritkaw dwar is-​Saltna, aħna nġibu unur lil Ġeħova

4. (a) Aħna kif inqaddsu l-​isem t’Alla? (b) Int kif tħossok dwar li għandek il-​privileġġ li tqaddes l-​isem t’Alla?

4 L-​isem t’Alla diġà hu qaddis. M’hemm xejn li nistgħu nagħmlu biex nagħmluh iktar qaddis. Allura aħna kif inqaddsu l-​isem t’Alla meta nippritkaw? Innota x’qal il-​profeta Isaija: “Huwa lil Ġeħova taʼ l-​armati li għandkom tittrattaw bħala qaddis.” (Isaija 8:13) Aħna nqaddsu l-​isem t’Alla, Ġeħova, meta nqisuh bħala l-​ikbar mill-​ismijiet kollha u meta ngħinu lil oħrajn jifhmu li hu qaddis. (Mattew 6:9) Pereżempju, meta ngħallmu lin-​nies il-​verità dwar il-​kwalitajiet meraviljużi taʼ Ġeħova u l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin biex jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna tal-​art, aħna nkunu qed ngħinuhom jifhmu li l-​affarijiet ħżiena kollha li Satana qal dwar Ġeħova huma gideb. (Ġenesi 3:1-5) Aħna nqaddsu l-​isem t’Alla wkoll meta ngħinu lin-​nies ikunu jafu li Ġeħova jistħoqqlu ‘jirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa.’ (Rivelazzjoni 4:11) Rune, li ilu 16-​il sena pijunier, jgħid: “Inħossni grat li naf li ngħatajt l-​opportunità li nkun xhud għall-​Ħallieq tal-​univers. Dan iġegħelni nkun irrid nibqaʼ nipprietka.”

AĦNA NĦOBBU LIL ĠEĦOVA U LIL IBNU

5. (a) Liema raġuni dwar l-​ippritkar tissemma fi Ġwanni 15:9, 10? (b) Ġesù kif għen lid-​dixxipli tiegħu jifhmu li kellhom bżonn jissaportu?

5 Aqra Ġwanni 15:9, 10. It-​tieni raġuni għala nippritkaw il-​messaġġ dwar is-​Saltna hi li aħna nħobbu lil Ġeħova u Ġesù. (Marku 12:30; Ġwanni 14:15) Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li huma kellhom ‘jibqgħu fi mħabbtu.’ Ġesù għala qal dan? Għax kien jaf li s-​segwaċi tiegħu kellhom bżonn jissaportu biex jgħixu bħala Kristjani veri. Fil-​fatt, fi Ġwanni 15:4-10, naraw li Ġesù uża kliem bħal “ibqgħu,” “jibqaʼ,” u “tibqgħu” ħafna drabi biex jgħin lid-​dixxipli jifhmu li kellhom bżonn jissaportu.

6. Aħna kif nuru li rridu nibqgħu fl-​imħabba taʼ Kristu?

6 Aħna kif nuru li rridu nibqgħu fl-​imħabba taʼ Kristu u jkollna l-​approvazzjoni tiegħu? Billi nkunu ubbidjenti lejh. Ġesù qiegħed sempliċiment jgħidilna nagħmlu dak li hu stess għamel. Hu qal: “Jien osservajt il-​kmandamenti tal-​Missier u nibqaʼ fi mħabbtu.” (Ġwanni 15:10) Ġesù jagħtina l-​eżempju.—Ġwanni 13:15.

7. L-​ubbidjenza kif għandha x’taqsam mal-​imħabba?

7 Ġesù għamilha ċara li l-​ubbidjenza għandha x’taqsam mal-​imħabba meta qal: “Min għandu l-​kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni.” (Ġwanni 14:21) Il-​kmandi taʼ Ġesù jiġu mingħand Missieru, allura meta nobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex nippritkaw, aħna nuru wkoll li nħobbu lil Ġeħova. (Mattew 17:5; Ġwanni 8:28) U meta nuru li nħobbu lil Ġeħova u Ġesù, huma jżommuna fl-​imħabba tagħhom.

AĦNA NAVŻAW LIN-​NIES

8, 9. (a) Għal liema raġuni oħra aħna nippritkaw? (b) Il-​kliem taʼ Ġeħova li nsibu f’​Eżekjel 3:18, 19 u 18:23 kif jimmotivana biex nibqgħu nippritkaw?

8 It-​tielet raġuni għala nippritkaw hi li aħna rridu navżaw lil oħrajn dwar il-​jum li riesaq taʼ Ġeħova. Fil-​Bibbja, Noè jiġi deskritt bħala “predikatur.” (Aqra t-​2 Pietru 2:5.) Qabel ġie d-​Dulluvju, il-​messaġġ taʼ Noè lin-​nies żgur li kien fih ukoll twissija dwar il-​qerda li kienet ġejja. Għala ngħidu dan? Għax Ġesù qal: “Bħalma f’dawk il-​jiem qabel id-​dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-​żwieġ, sal-​jum li Noè daħal fl-​arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem.” (Mattew 24:38, 39) Għalkemm il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma tawx kas Noè, hu pprietka b’lealtà l-​messaġġ taʼ twissija li Ġeħova kien tah.

9 Illum, aħna nippritkaw il-​messaġġ dwar is-​Saltna sabiex nagħtu opportunità lin-​nies biex jitgħallmu dwar x’se jagħmel Alla għall-​bnedmin fil-​futur. Bħal Ġeħova, aħna verament irridu li n-​nies jagħtu kas il-​messaġġ u ‘jibqgħu jgħixu.’ (Eżekjel 18:23) Meta nippritkaw minn dar għal dar u f’postijiet pubbliċi, aħna nwissu lil kemm jistaʼ jkun nies li s-​Saltna t’Alla se tiġi u teqred din id-​dinja ħażina.—Eżekjel 3:18, 19; Danjel 2:44; Rivelazzjoni 14:6, 7.

AĦNA NĦOBBU LIN-​NIES

10. (a) F’​Mattew 22:39, liema raġuni biex nippritkaw tissemma? (b) Pawlu u Sila kif għenu gwardjan tal-​ħabs f’Filippi?

10 Ir-​rabaʼ raġuni għala nkomplu nippritkaw hi li aħna nħobbu lin-​nies. (Mattew 22:39) Din l-​imħabba tgħinna nkomplu nippritkaw għax nafu li ħafna nies għandhom mnejn ibiddlu l-​attitudni tagħhom meta jinbidlulhom iċ-​ċirkustanzi tagħhom. Pereżempju, nies li kienu kontra Pawlu u Sila tefgħuhom il-​ħabs fil-​belt taʼ Filippi. Imma f’nofsillejl, kien hemm terremot li heżżeż il-​ħabs u fetaħ il-​bibien tiegħu. Il-​gwardjan tal-​ħabs tant beżaʼ li l-​priġunieri kienu ħarbu li ried joqtol lilu nnifsu. Imma Pawlu waqqfu u għajjat: “Tagħmilx ħsara lilek innifsek!” Il-​gwardjan staqsa: “X’għandi nagħmel biex niġi salvat?” Pawlu u Sila qalulu: “Emmen fil-​Mulej Ġesù u tiġi salvat.”—Atti 16:25-34.

Aħna nippritkaw għax inħobbu lil Ġeħova, lil Ġesù, u lin-nies (Ara paragrafi 5, 10)

11, 12. (a) Ir-​rakkont dwar il-​gwardjan tal-​ħabs x’jgħallimna dwar il-​ministeru tagħna? (b) Għala rridu nkomplu nippritkaw?

11 Ir-​rakkont dwar il-​gwardjan tal-​ħabs x’jgħallimna dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar? Innota li kien biss wara t-​terremot li l-​gwardjan tal-​ħabs biddel l-​attitudni tiegħu u talab l-​għajnuna. B’mod simili, xi nies li ma jridux jisimgħu l-​messaġġ tal-​Bibbja għandhom mnejn ibiddlu l-​attitudni tagħhom u jfittxu l-​għajnuna meta jkunu għaddew minn sitwazzjoni kerha f’ħajjithom. Pereżempju, xi wħud jistgħu jħossuhom maħsudin minħabba li tilfu l-​impjieg jew għax iddivorzjaw. Oħrajn jistgħu jkunu mdejqin ħafna għax saru jafu li għandhom xi marda serja jew għax miet xi ħadd li jħobbu. Meta jiġru affarijiet bħal dawn, in-​nies jibdew jistaqsu mistoqsijiet dwar il-​ħajja, mistoqsijiet li ma jkunux ħasbu dwarhom qabel. Saħansitra jibdew jistaqsu, ‘X’għandi nagħmel biex niġi salvat?’ Huma għandhom mnejn ikunu jridu jisimgħu l-​messaġġ tagħna taʼ tama għall-​ewwel darba f’ħajjithom.

12 Allura jekk inkomplu nippritkaw b’lealtà, aħna se nkunu hemm meta n-​nies ikunu lesti li jaċċettaw il-​faraġ li nġibulhom. (Isaija 61:1) Charlotte, li ilha 38 sena pijuniera, tgħid: “Illum in-​nies lanqas jafu x’jaqbdu jagħmlu. Għandhom bżonn iċ-​ċans li jisimgħu l-​aħbar tajba.” Ejvor, li ilha 34 sena pijuniera, tgħid: “Illum, iżjed minn qatt qabel, ħafna nies xejn mhuma tajbin emozzjonalment. Tassew nixtieq ngħinhom. Dan jagħtini l-​ħeġġa biex nipprietka.” Biċ-​ċar, l-​imħabba għan-​nies hija raġuni eċċellenti biex inkomplu nippritkaw!

RIGALI LI JGĦINUNA NKOMPLU NIPPRITKAW

13, 14. (a) Liema rigal jissemma fi Ġwanni 15:11? (b) Kif jistaʼ jkollna l-​ferħ li għandu Ġesù? (ċ) Il-​ferħ kif jgħinna fil-​ministeru tagħna?

13 Matul il-​lejl qabel ma miet, Ġesù semma wkoll diversi rigali li kienu se jgħinu lill-​appostli tiegħu biex jibqgħu jagħtu l-​frott. X’inhuma dawn ir-​rigali, u kif jistgħu jgħinuna llum?

14 Ir-​rigal tal-​ferħ. Huwa taʼ piż l-​ippritkar għalina? Xejn affattu! Wara li Ġesù rrakkonta t-​tixbiha dwar id-​dielja, hu qal li meta nippritkaw se jkollna l-​ferħ tiegħu. (Aqra Ġwanni 15:11.) Dan kif jistaʼ jkun? Ftakar, fit-​tixbiha tiegħu, hu qabbel lilu nnifsu maʼ dielja u lid-​dixxipli tiegħu maʼ friegħi. Il-​friegħi jieħdu l-​ilma u s-​sustanzi li għandhom bżonn biss jekk jibqgħu mwaħħlin mad-​dielja. B’mod simili, aħna nistgħu nkunu ferħanin bħalma kien Ġesù biss jekk nibqgħu magħqudin miegħu u nsegwu mill-​qrib il-​passi tiegħu. Imbagħad se jkollna l-​ferħ tiegħu, il-​ferħ li jiġi milli nagħmlu r-​rieda t’Alla. (Ġwanni 4:34; 17:13; 1 Pietru 2:21) Hanne, li ilha iktar minn 40 sena pijuniera, tgħid, “Il-​ferħ li dejjem inħoss wara li nkun fil-​ministeru jħeġġiġni biex inkompli fis-​servizz taʼ Ġeħova.” Il-​ferħ se jagħtina s-​saħħa biex inkomplu nippritkaw anke meta l-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma jisimgħux.—Mattew 5:10-​12.

15. (a) Liema rigal jissemma fi Ġwanni 14:27? (b) Il-​paċi kif tgħinna nibqgħu nagħtu l-​frott?

15 Ir-​rigal tal-​paċi. (Aqra Ġwanni 14:27.) Iktar kmieni fil-​lejla qabel Ġesù miet, hu qal lill-​appostli tiegħu: “Nagħtikom il-​paċi tiegħi.” Il-​paċi taʼ Ġesù kif tistaʼ tgħinna nkomplu nippritkaw? Meta nkomplu nippritkaw, aħna nħossu l-​paċi ġewwinija għax nafu li nkunu qed inferrħu lil Ġeħova u Ġesù. Imbagħad, li jkollna l-​paċi ġewwinija se jagħtina s-​saħħa biex inkomplu nippritkaw. (Salm 149:4; Rumani 5:3, 4; Kolossin 3:15) Ulf, li ilu 45 sena pijunier, jgħid, “Ix-​xogħol tal-​ippritkar jgħejjini, imma jagħtini sodisfazzjon u skop veru f’ħajti.” Kemm aħna grati li ġejna mberkin b’paċi ġewwinija li tibqaʼ!

16. (a) Liema rigal jissemma fi Ġwanni 15:15? (b) L-​appostli kif setgħu jibqgħu l-​ħbieb taʼ Ġesù?

16 Ir-​rigal tal-​ħbiberija maʼ Ġesù. Wara li Ġesù qal lill-​appostli tiegħu li riedhom ikunu ferħanin, hu spjega għala kien importanti li juru mħabba bla egoiżmu. (Ġwanni 15:11-13) Imbagħad qal: “Sejjaħtilkom ħbieb.” X’rigal prezzjuż li tkun il-​ħabib taʼ Ġesù! Imma l-​appostli kif setgħu jibqgħu ħbiebu? Ġesù spjega: ‘Morru u ibqgħu agħtu l-​frott.’ (Aqra Ġwanni 15:14-16.) Fi kliem ieħor, komplu ppritkaw. Madwar sentejn qabel dan, Ġesù qal lill-​appostli: “Intom u sejrin, ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’” (Mattew 10:7) Hu għalhekk li fil-​lejl qabel ma miet, Ġesù inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu biex ikomplu fix-​xogħol tal-​ippritkar. (Mattew 24:13; Marku 3:14) Żgur li Ġesù kien jaf illi li nobdu l-​kmand tiegħu ma kienx se jkun faċli. Imma huma setgħu jagħmluh u jibqgħu ħbiebu. Kif? Bl-​għajnuna taʼ rigal ieħor.

17, 18. (a) Liema rigal jissemma fi Ġwanni 15:7? (b) Dan ir-​rigal kif għen lid-​dixxipli taʼ Ġesù? (ċ) Liema rigali jgħinuna llum?

17 Ir-​rigal taʼ li jitwieġeb it-​talb tagħna. Ġesù qal: “Itolbu kulma tixtiequ u jsirilkom.” (Ġwanni 15:7, 16) Żgur li din il-​wegħda taʼ Ġesù saħħet verament lill-​appostli! * (Ara n-​nota taʼ taħt.) L-​appostli ma fehmux għalkollox li Ġesù dalwaqt kien se jmut. Imma l-​mewt tiegħu ma kinitx se tfisser li huma kienu se jkunu mingħajr għajnuna. Ġeħova kien lest li jwieġeb it-​talb tagħhom u jgħinhom fix-​xogħol tal-​ippritkar. U propju hekk għamel. Ftit wara li Ġesù miet, l-​appostli talbu bil-​qalb lil Ġeħova biex jagħtihom il-​kuraġġ, u Ġeħova wieġeb it-​talb tagħhom.—Atti 4:29, 31.

Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna għall-għajnuna (Ara paragrafu 18)

18 L-​istess qed jiġri llum. Hekk kif inkomplu nippritkaw, aħna nibqgħu ngawdu l-​ħbiberija maʼ Ġesù. U nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova lest li jwieġeb it-​talb tagħna għall-​għajnuna meta nsibuha diffiċli biex nippritkaw. (Filippin 4:13) Aħna grati ħafna li Ġeħova jwiġbilna talbna u li għandna lil Ġesù bħala l-​ħabib tagħna. Dawn ir-​rigali mingħand Ġeħova jsaħħuna biex nibqgħu nagħtu l-​frott.—Ġakbu 1:17.

19. (a) Għala nibqgħu nippritkaw? (b) X’se jgħinna nlestu x-​xogħol li Alla tana nagħmlu?

19 F’dan l-​artiklu, aħna tgħallimna dwar erbaʼ raġunijiet għala nkomplu nippritkaw: biex nigglorifikaw lil Ġeħova u nqaddsu lil ismu, biex nuru mħabbitna għal Ġeħova u Ġesù, biex navżaw lin-​nies, u biex nuru li nħobbu lin-​nies. Tgħallimna wkoll dwar erbaʼ rigali: il-​ferħ, il-​paċi, il-​ħbiberija maʼ Ġesù, u t-​tweġibiet għat-​talb tagħna. Dawn ir-​rigali jagħtuna s-​saħħa biex inlestu x-​xogħol li Alla tana nagħmlu. Ġeħova jkun kuntent ħafna meta jarana naħdmu iebes biex ‘nibqgħu nagħtu ħafna frott’!

^ par. 17 Waqt li Ġesù kien qed jitkellem mal-​appostli, hu spiss fakkarhom li Ġeħova kien se jwieġeb it-​talb tagħhom.—Ġwanni 14:13; 15:7, 16; 16:23.