Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ—Żommu sod kontra x-Xitan

Żgħażagħ—Żommu sod kontra x-Xitan

“Ilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla biex tkunu tistgħu żżommu sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.”EFESIN 6:11.

GĦANJIET: 139, 55

1, 2. (a) Għala qegħdin il-​Kristjani żgħażagħ jirbħu l-​ġlieda kontra Satana u d-​demonji? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’se nistudjaw?

L-​APPOSTLU PAWLU qabbel lill-​Kristjani maʼ suldati. Aħna qegħdin fi gwerra, u l-​għedewwa tagħna huma reali! Imma l-​ġlieda tagħna mhijiex kontra l-​bnedmin; hi kontra Satana u d-​demonji. Huma ilhom gwerriera għal eluf taʼ snin u saru jafu jiġġieldu tajjeb ħafna. Allura forsi jidher impossibbli li nirbħu f’din il-​gwerra, speċjalment jekk għadna żgħar. Jistgħu ż-​żgħażagħ jirbħu l-​gwerra kontra dawn l-​għedewwa daqshekk b’saħħithom? Iva jistgħu, u hekk qed jagħmlu! Għala? Għax Ġeħova qed jagħtihom il-​qawwa. Ukoll, bħal suldati trenjati sew, huma ‘jilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla’ biex b’hekk ikunu preparati għall-​gwerra.—Aqra Efesin 6:10-12.

2 Meta Pawlu uża din it-​tixbiha, hu għandu mnejn kien qed jaħseb fl-​armatura li kienu jilbsu s-​suldati Rumani. (Atti 28:16) F’dan l-​artiklu, se nistudjaw din it-​tixbiha eċċellenti. Ukoll se niddiskutu x’qalu xi żgħażagħ dwar l-​isfidi u r-​riżultati tajbin li jiġu meta nilbsu kull parti tal-​armatura spiritwali tagħna.

Liebes int kull parti mill-armatura spiritwali tiegħek?

IĊ-ĊINTURIN TAL-VERITÀ

3, 4. Il-​verità li nsibu fil-​Bibbja kif qisha ċinturin li kien jilbes suldat Ruman?

3 Aqra Efesin 6:14. Suldat Ruman kien ikollu ċinturin li kellu pjanċi tal-​metall biex jipproteġulu l-​qadd. Dan iċ-​ċinturin kien magħmul b’tali mod biex jerfaʼ l-​piż tal-​kurazza. Xi ċinturini kellhom ħoloq b’saħħithom li fihom setgħu jidħlu sikkina żgħira u sejf. B’ġenbejh imħażżmin, jew biċ-​ċinturin maqful tajjeb, suldat setaʼ jħossu kunfidenti meta jmur għall-​gwerra.

Il-veritajiet li aħna nitgħallmu mill-Kelma t’Alla jipproteġuna minn tagħlim falz

4 Bħal ċinturin, il-​veritajiet li aħna nitgħallmu mill-​Kelma t’Alla jipproteġuna minn tagħlim falz. (Ġwanni 8:31, 32; 1 Ġwanni 4:1) U iktar ma nitgħallmu nħobbu l-​veritajiet tal-​Bibbja, iktar se jkun faċli għalina biex ngħixu fi qbil mal-​livelli t’Alla, jew biex nilbsu l-​“kurazza” tagħna. (Salm 111:7, 8; 1 Ġwanni 5:3) Ukoll, iktar ma nifhmu dawn il-​veritajiet, iktar se nkunu nistgħu niddefenduhom kontra l-​għedewwa tagħna.—1 Pietru 3:15.

5. Għala għandna dejjem ngħidu l-​verità?

5 Peress li l-​veritajiet mill-​Kelma t’Alla huma importanti għalina, aħna nobdu dak li tgħid hi u dejjem ngħidu l-​verità. Il-​gideb hu waħda mill-​armi effettivi li Satana qed juża. Il-​gideb iweġġaʼ lill-​persuna li tgħidu u anki lil dawk li jemmnuh. (Ġwanni 8:44) Dan hu għala aħna għalkemm imperfetti nagħmlu dak kollu li nistgħu biex qatt ma nigdbu. (Efesin 4:25) Dan jistaʼ jkun diffiċli. Abigail, * li għandha 18-​il sena, tgħid: “Mhux dejjem jidher li jaqbillek tgħid il-​verità, speċjalment meta tkun taf li jekk tigdeb tistaʼ tiffranka balla inkwiet.” Allura hi għala dejjem tipprova tgħid il-​verità? Hi tgħid: “Meta ngħid il-​verità, ikolli kuxjenza nadifa quddiem Ġeħova. U l-​ġenituri u l-​ħbieb tiegħi jafu li jistgħu jafdawni.” Victoria, li għandha 23 sena, tgħid: “Meta tgħid il-​verità u tiddefendi dak li temmen fih, tistaʼ tiġi bullied. Imma dejjem se tgawdi riżultati tajbin: Se tikseb fiduċja fik innifsek, se tħossok eqreb lejn Ġeħova, u se jkollok ir-​rispett taʼ dawk li jħobbuk.” Tistaʼ int tara għala hu importanti li tilbes iċ-​ċinturin tal-​verità l-​ħin kollu?

Iċ-ċinturin tal-verità (Ara paragrafi 3-5)

“IL-KURAZZA TAS-SEWWA”

6, 7. Il-​livelli sewwa u ġusti taʼ Ġeħova għala jitqabblu maʼ kurazza?

6 Il-​kurazza li suldat Ruman kien jilbes spiss kienet tkun magħmula minn strixxi orizzontali tal-​ħadid li kienu milwijin biex jiffittjaw madwar sidru. Dawn l-​istrixxi tal-​ħadid kienu jkunu mwaħħlin maʼ ċineg tal-​ġilda permezz taʼ krieket jew bokkli tal-​metall. Spallejh kienu jkunu mgħottijin b’iktar strixxi tal-​ħadid li kienu jkunu wkoll imwaħħlin mal-​ġilda li kien jilbes minn taħt. Il-​kurazza ma kinitx tħallih jiċċaqlaq kif irid, u hu kellu bżonn jiċċekkja regolarment li kull pjanċa kienet qiegħda f’postha. Imma din il-​kurazza kienet tipproteġilu qalbu u organi vitali oħra kontra xi ponta taʼ xi xabla jew vleġġa!

Aħna sempliċiment m’aħniex kapaċi biżżejjed biex nipproteġu lil qalbna

7 Il-​livelli sewwa u ġusti taʼ Ġeħova, li jipproteġu lil ‘qalbna,’ jew il-​persuna li aħna minn ġewwa, jistgħu jitqabblu maʼ din il-​kurazza. (Proverbji 4:23) Suldat qatt ma kien se jbiddel il-​kurazza tal-​ħadid tiegħu maʼ waħda magħmula minn metall iktar dgħajjef. Bl-​istess mod, aħna qatt mhu se nbiddlu l-​livelli ġusti taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb mal-​ideat tagħna taʼ x’inhu tajjeb. Aħna sempliċiment m’aħniex kapaċi biżżejjed biex nipproteġu lil qalbna. (Proverbji 3:5, 6) Huwa għalhekk li għandna bżonn b’mod regolari niċċekkjaw li l-​“kurazza” tagħna għadha qed tipproteġilna qalbna.

8. Għala għandna dejjem nobdu l-​livelli taʼ Ġeħova?

8 Int ġieli tħoss li l-​livelli taʼ Ġeħova jiħdulek il-​libertà jew ma jħallukx tagħmel dak li trid? Daniel, li għandu 21 sena, jgħid: “L-​għalliema u l-​istudenti tal-​iskola kienu jidħqu bija għax ngħix mal-​livelli tal-​Bibbja. Għal xi żmien, tlift il-​kunfidenza u ħassejtni dipress.” Imma issa kif iħossu? Hu jgħid: “Maż-​żmien, rajt ir-​riżultati tajbin li jiġu meta tgħix mal-​livelli taʼ Ġeħova. Xi wħud minn ‘sħabi’ bdew jieħdu d-​drogi; oħrajn ma baqgħux jiġu l-​iskola. Kien taʼ dwejjaq meta tara kif ħajjithom spiċċat. Ġeħova vera jipproteġina.” Mandy, li għandha 15-​il sena, tgħid: “Hija sfida għalija biex inżomm mal-​livelli taʼ Ġeħova u ma nagħmilx dak li wħud tampari jaħsbu li hu cool jew taʼ pjaċir.” Allura hi x’tagħmel? “Infakkar lili nnifsi li jien inġorr isem Ġeħova u li din hija tentazzjoni oħra li Satana qed jipprova juża biex jattakkani. Imma meta jirnexxili nirbaħ tentazzjoni nħossni kburija bija nnifsi.”

Il-kurazza tas-sewwa (Ara paragrafi 6-8)

“SAQAJKOM MIXDUDIN BIT-TAGĦMIR TAʼ L-AĦBAR TAJBA TAL-PAĊI”

9-11. (a) Liema sandli simboliku jilbsu l-​Kristjani? (b) X’jistaʼ jgħinna nħossuna iktar komdi meta nippritkaw?

9 Aqra Efesin 6:15. Suldat Ruman ma setax imur għall-​gwerra mingħajr ma jilbes is-​sandli tiegħu, li kien qisu boots. Dan kien ikun magħmul minn tliet saffi taʼ ġilda, allura kien ikun b’saħħtu ħafna. Imma dan is-​sandli xorta kien komdu, u b’hekk suldat setaʼ jimxi b’mod kunfidenti u ma jiżloqx.

10 Bħalma s-​sandli li s-​suldati Rumani kienu jilbsu kien jgħinhom imorru tajjeb fil-​gwerra, hekk ukoll is-​sandli simboliku li aħna nilbsu jgħinna nxandru l-​aħbar tajba taʼ paċi. (Isaija 52:7; Rumani 10:15) Minkejja dan, kultant irridu ħafna kuraġġ biex nippritkaw. Robert, li għandu 20 sena, jgħid: “Jien kont nibżaʼ nagħti xhieda lil sħabi tal-​klassi. Naħseb kont nistħi. Meta nħares lura, ma nafx għala kont inħossni hekk. Issa nieħu pjaċir nagħti xhieda lin-​nies tal-​età tiegħi.”

11 Ħafna żgħażagħ Kristjani sabu li jħossuhom iktar komdi jippritkaw jekk ikunu ppreparaw minn qabel. X’tistaʼ tagħmel biex tkun preparat? Julia, li għandha 16-​il sena, tgħid: “Jien inżomm xi pubblikazzjonijiet fil-​basket tal-​iskola, u nismaʼ x’jaħsbu u x’jemmnu t-​tfal tal-​klassi. Imbagħad inkun nistaʼ naħseb x’jistaʼ jgħinhom. Meta nipprepara, inkun nistaʼ nkellimhom fuq dak li jistaʼ jgħinhom l-​iktar.” Maria, li għandha 23 sena, tgħid: “Jekk tkun qalbek tajba u tismaʼ sew meta jitkellmu, int tieħu idea maʼ xiex iħabbtu wiċċhom dawk tamparek. Nagħmel ċert li naqra l-​affarijiet kollha li joħorġu għaż-​żgħażagħ. B’dan il-​mod, inkun nistaʼ nurihom xi ħaġa mill-​Bibbja jew minn jw.org li tistaʼ tgħinhom.” Li tkun preparat biex tipprietka hu bħal meta tilbes “sandli” li jiġik sew.

Saqajkom mixdudin (Ara paragrafi 9-11)

“IT-TARKA KBIRA TAL-FIDI”

12, 13. X’inhuma xi “vleġeġ tan-​nar” li Satana juża?

12 Aqra Efesin 6:16. Suldat Ruman kien iġorr tarka rettangolari kbira. Din kienet tgħattih minn spallejh sa rkopptejh u kienet tipproteġih mix-​xwabel, lanez, u vleġeġ.

13 Liema “vleġeġ tan-​nar” jistaʼ Satana jispara lejk? Forsi jattakkak b’gideb dwar Ġeħova. Satana jridek tħoss li Ġeħova ma jħobbokx u li ħadd ma jimpurtah minnek. Aida, li għandha 19-​il sena, tgħid: “Spiss ħassejt li Ġeħova mhuwiex u ma jridx ikun il-​Ħabib tiegħi.” X’tagħmel meta tħossha hekk? “Il-​laqgħat huma t’għajnuna kbira ħafna għall-​fidi tiegħi. Qabel kont nintefaʼ bilqiegħda u qatt ma nikkummenta, għax kont naħseb li ħadd ma ried jismaʼ x’kelli ngħid. Issa, differenti, nipprepara għal-​laqgħat u nipprova nikkummenta darbtejn jew tliet darbiet. Mhux faċli, imma wara nħossni aħjar. U l-​aħwa vera jinkuraġġuni. Wara l-​laqgħat dejjem inħoss li Ġeħova jħobbni.”

14. X’nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Aida?

14 Tarka taʼ suldat dejjem tibqaʼ l-​istess daqs. Imma bħalma nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Aida, il-​fidi tagħna mhijiex hekk. Il-​fidi tagħna tistaʼ tikber jew tiċkien, tistaʼ tissaħħaħ jew tiddgħajjef. L-​għażla f’idejna. (Mattew 14:31; 2 Tessalonikin 1:3) Biex ‘it-​tarka tal-​fidi’ tagħna tipproteġina, aħna għandna nkomplu nkabbruha u nsaħħuha!

It-tarka kbira tal-fidi (Ara paragrafi 12-14)

“L-ELMU TAS-SALVAZZJONI”

15, 16. It-​tama tagħna kif inhi bħal elmu?

15 Aqra Efesin 6:17. Suldat Ruman kien jilbes elmu biex jipproteġi rasu, għonqu, u wiċċu. Kultant l-​elmu kien ikollu manku biex is-​suldat ikun jistaʼ jġorru f’idu.

16 Bħalma l-​elmu kien jipproteġi l-​moħħ taʼ suldat, “it-​tama tas-​salvazzjoni” tagħna tipproteġilna lil moħħna. (1 Tessalonikin 5:8; Proverbji 3:21) It-​tama tgħinna niffokaw fuq il-​wegħdi t’Alla u ma naqtgħux qalbna minħabba l-​problemi tagħna. (Salm 27:1, 14; Atti 24:15) Imma jekk irridu li t-​tama tagħna tipproteġina, din għandha tkun reali għalina. Għandna nilbsu “l-​elmu” tagħna fuq rasna, u mhux inġorruh f’idna!

17, 18. (a) Satana kif jistaʼ jqarraq bina f’li ninżgħu l-​elmu tagħna? (b) Kif nistgħu nagħtu prova li ma ġejniex imqarrqin minn Satana?

17 Satana kif jistaʼ jqarraq bina f’li ninżgħu l-​elmu tagħna? Aħseb xi pprova jagħmillu lil Ġesù. Satana kien jaf li Ġesù kien se jsir il-​mexxej tal-​bnedmin. Imma l-​ewwel, Ġesù kellu jbati u jmut. U mbagħad kien se jkollu jistenna biex isir Sultan sakemm jasal il-​waqt taʼ Ġeħova. Allura Satana offra lil Ġesù ċ-​ċans li jsir mexxej qabel. Satana wiegħed lil Ġesù li jekk jagħmel att wieħed taʼ qima, hu setaʼ jkun il-​mexxej tad-​dinja mill-​ewwel. (Luqa 4:5-​7) Satana jaf ukoll li Ġeħova wegħedna li se jagħtina affarijiet mill-​isbaħ fid-​dinja l-​ġdida. Imma rridu nistennew biex din il-​wegħda titwettaq, u sadanittant aħna għandu mnejn ikollna ħafna problemi. Allura Satana joffrilna ċ-​ċans li ngħixu ħajja komda issa. Hu jridna npoġġu l-​kumditajiet tagħna l-​ewwel u s-​Saltna t’Alla t-​tieni.—Mattew 6:31-33.

18 Ħafna żgħażagħ Kristjani ma ġewx imqarrqin minn Satana. Pereżempju, Kiana, li għandha 20 sena, tgħid: “Jien naf li l-​unika tama li se ssolvi l-​problemi tagħna hi s-​Saltna t’Alla.” It-​tama tagħha kif teffettwa l-​mod kif taħseb u tgħix ħajjitha? Tgħinha tiftakar li l-​affarijiet taʼ din id-​dinja mhumiex għal dejjem. Minflok ma tuża l-​isforzi kollha tagħha biex ikollha karriera f’din is-​sistema, Kiana qed tuża l-​ħin u l-​enerġija tagħha biex taqdi lil Ġeħova.

L-elmu tas-salvazzjoni (Ara paragrafi 15-18)

“IS-SEJF TAʼ L-ISPIRTU,” IL-KELMA T’ALLA

19, 20. Kif nistgħu ntejbu l-​abbiltà tagħna biex nużaw il-​Kelma t’Alla aħjar?

19 Is-​suldati Rumani kienu jużaw sjuf li kienu jkunu twal madwar 50 ċentimetru. Dawn is-​suldati kienu jafu jużawh sew is-​sejf tagħhom għax kienu jittrennjaw bih kuljum.

20 L-​appostlu Pawlu qal li l-​Kelma t’Alla hi bħal sejf li tana Ġeħova. Imma għandna bżonn nitgħallmu nużawh sew biex niddefendu l-​fidi tagħna jew naġġustaw il-​mod kif naħsbu. (2 Korintin 10:4, 5; 2 Timotju 2:15) Kif nistgħu ntejbu l-​abbiltajiet tagħna? Sebastian, li għandu 21 sena, jgħid: “Fil-​qari tiegħi tal-​Bibbja qed nieħu nota taʼ vers wieħed minn kull kapitlu. Qed niġbor lista tal-​versi favoriti tiegħi.” Dan jgħinu jifhem aħjar kif jaħseb Ġeħova. Daniel, li ssemma qabel, iżid: “Hekk kif nagħmel il-​qari tiegħi tal-​Bibbja, nagħżel versi li naħseb li jistgħu jgħinu lin-​nies li niltaqaʼ magħhom fuq il-​ministeru. Sibt li n-​nies iktar jisimgħu meta jaraw li għandna ħeġġa għal dak li tgħid il-​Bibbja u li qed nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex ngħinuhom.”

Is-sejf tal-ispirtu (Ara paragrafi 19-20)

21. Għala m’għandniex għal xiex nibżgħu minn Satana u d-​demonji?

21 Bħalma tgħallimna mill-​eżempji taż-​żgħażagħ li ssemmew f’dan l-​artiklu, aħna m’għandniex għal xiex nibżgħu minn Satana u d-​demonji. Veru li huma b’saħħithom, imma Ġeħova hu iktar b’saħħtu minnhom. U huma mhux se jeżistu għal dejjem. Huma se jinqaflu fl-​abbiss u mhu se jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lil ħadd matul ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, u wara dan se jinqerdu għalkollox. (Rivelazzjoni 20:1-3, 7-10) Aħna nafuh lill-​għadu tagħna, il-​lixki tiegħu, u l-​mira tiegħu. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nibqgħu sodi kontrih!

^ par. 5 Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.