ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 23
Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—MT. 22:37.
GĦANJA 134 It-tfal huma wirt mingħand Alla
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1-2. Spjega għala ċerti prinċipji tal-Bibbja jsiru iktar importanti għalina.
SPISS meta koppja tkun se tiżżewweġ, anzjan jagħmel taħdita bbażata fuq il-Bibbja dwar iż-żwieġ. Għalkemm l-għarus u l-għarusa mhux l-ewwel darba li semgħu dawn il-prinċipji tal-Bibbja, issa huma importanti iktar għalihom. Għala? Għax issa bħala koppja miżżewġa jridu japplikawhom f’ħajjithom.
2 Xi ħaġa simili tiġri meta koppja Kristjana jkunu se jsiru ġenituri. Matul is-snin, huma jaf semgħu ħafna taħditiet dwar kif irabbu t-tfal. Imma issa l-prinċipji li semgħu f’dawk it-taħditiet huma ħafna iktar importanti għalihom, għax issa se jkollhom it-tfal tagħhom stess. X’responsabbiltà kbira hi din! Dan jurina li meta ċ-ċirkustanzi f’ħajjitna jinbidlu, ċerti skritturi jsiru iktar importanti għalina. Din hi waħda mir-raġunijiet għala l-qaddejja taʼ Ġeħova jaqraw il-Kelma t’Alla u jimmeditaw fuqha “l-jiem kollha” taʼ ħajjithom, bħalma kienu jagħmlu s-slaten taʼ Iżrael.—Dt. 17:19.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Ġenituri, intom għandkom wieħed mill-aqwa privileġġi li Kristjan jistaʼ jkollu. Dan hu li tgħallmu t-tfal tagħkom dwar Ġeħova. Imma dan ma jinvolvix biss li tagħtuhom informazzjoni dwar Alla. Tridu tgħinu lit-tfal tagħkom iħobbu ħafna lil Ġeħova. Dan kif tistgħu tagħmluh? F’dan l-artiklu se niddiskutu erbaʼ prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jgħinu lilkom bħala ġenituri. (2 Tim. 3:16) Se naraw ukoll kif xi ġenituri Kristjani bbenefikaw għax applikaw pariri tal-Bibbja.
ERBAʼ PRINĊIPJI LI JISTGĦU JGĦINU LILL-ĠENITURI
4. Liema prinċipju jistaʼ jgħin lill-ġenituri jgħallmu lit-tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova? (Ġakbu 1:5)
4 L-1 Prinċipju: Fittex għall-gwida taʼ Ġeħova. Itlob lil Ġeħova jagħtik l-għerf biex tgħin lit-tfal tiegħek isiru jħobbuh. (Aqra Ġakbu 1:5.) Ġeħova jistaʼ jagħtik l-aqwa pariri. Hemm ħafna raġunijiet għala. Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom. L-ewwel, Ġeħova hu l-iktar ġenitur li għandu esperjenza. (Salm 36:9) U t-tieni, il-pariri tajbin li jagħtina huma dejjem għall-ġid tagħna.—Is. 48:17.
5. (a) L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova liema għajnuna qed tagħti lill-ġenituri? (b) Mill-vidjow, x’tgħallimt minn Ħuna u Oħtna Amorim dwar kif rabbew it-tfal tagħhom?
5 Permezz tal-Kelma tiegħu u l-organizzazzjoni, Ġeħova qed jagħti lill-ġenituri ħafna informazzjoni bbażata fuq il-Bibbja. Din tgħinhom jgħallmu lil uliedhom iħobbu lil Ġeħova. (Mt. 24:45) Pereżempju, fis-serje t’artikli “Għajnuna għall-Familja,” il-ġenituri jistgħu jsibu ħafna għajnuna. Din is-serje, għal ħafna snin, kienet toħroġ fir-rivista Stenbaħ! u issa nsibuha fuq il-website tagħna. Apparti minn hekk, ħafna vidjows fuq jw.org jistgħu jgħinu lill-ġenituri japplikaw il-pariri taʼ Ġeħova meta jkunu qed irabbu t-tfal. *—Prov. 2:4-6.
6. Joe kif iħossu dwar l-għajnuna li jirċievu hu u l-mara tiegħu mingħand l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
6 Ħafna ġenituri qalu kemm japprezzaw l-għajnuna li Ġeħova qed jagħtihom permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Missier jismu Joe jgħid: “Biex trabbi tlett itfal fil-verità mhux faċli. Jien u l-mara dejjem nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna. U ħafna drabi wara li nitolbu joħroġ xi artiklu jew vidjow li jgħinna fis-sitwazzjoni li nkunu qegħdin fiha. Aħna dejjem nistrieħu fuq il-pariri taʼ Ġeħova.” Joe u l-mara tiegħu raw b’għajnejhom stess kif dawn l-artikli u l-vidjows għenu lit-tfal tagħhom jersqu qrib Ġeħova.
7. Għala huwa importanti li l-ġenituri jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu t’eżempju tajjeb? (Rumani 2:21)
7 It-2 Prinċipju: Kun t’eżempju tajjeb. It-tfal jinnotaw dak li jagħmlu l-ġenituri tagħhom u spiss jimitawhom. Ovvjament l-ebda ġenitur mhu perfett. (Rum. 3:23) Imma l-ġenituri għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ikunu t’eżempju tajjeb għat-tfal tagħhom. (Aqra Rumani 2:21.) Missier qal hekk: “It-tfal jixorbu kollox, qishom sponża. Ġieli, meta aħna ma nagħmlux dak li ngħidulhom biex jagħmlu, jgħidulna.” Allura, jekk irridu li t-tfal tagħna jħobbu lil Ġeħova rridu nuru li l-imħabba tagħna għalih hi b’saħħitha.
8-9. X’titgħallem minn dak li qalu Andrew u Emma?
8 Hemm ħafna modi kif il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova. Ara x’qal ħu taʼ 17-il sena jismu Andrew: “Ommi u missieri dejjem għallmuni kemm hu importanti li nitlob. Kull filgħaxija missieri kien jgħidli talba, anki jekk inkun diġà għedt waħda għalija. Lili u lil oħti kienu jgħidulna: ‘Tistgħu titolbu lil Ġeħova meta tridu intom.’ Minħabba li kienu jgħiduli dan, it-talb sar importanti ħafna għalija. Issa nsibha iktar faċli biex nitlob, u għalija Ġeħova qisu Missier li jħobbni.” Ġenituri, qatt tinsew li l-imħabba tagħkom għal Ġeħova tistaʼ tgħin lit-tfal tagħkom iħobbuh ukoll.
9 Aħseb ukoll dwar l-eżempju t’Emma. Meta missierha telaqhom ħalla lil ommha b’ħafna dejn. Emma tgħid: “Kien hemm ħafna drabi fejn ommi ma kellhiex flus biżżejjed, imma hi kienet dejjem issemmi kif Ġeħova jieħu ħsieb lill-qaddejja tiegħu. Mill-mod kif kienet tgħix ħajjitha stajt nara li hi kienet temmen dak li tgħidilna. Dak li kienet tgħallimni, ommi kienet tapplikah f’ħajjitha.” Dan x’jgħallimna? Li anki f’sitwazzjonijiet diffiċli l-ġenituri jistgħu jgħallmu lit-tfal bl-eżempju tagħhom.—Gal. 6:9.
10. Il-ġenituri Iżraelin fi xħin setgħu jitkellmu mat-tfal tagħhom dwar Ġeħova? (Dewteronomju 6:6, 7)
10 It-3 Prinċipju: Tkellem mat-tfal tiegħek spiss. Lill-ġenituri Iżraelin, Ġeħova kien qalilhom biex jgħallmu lit-tfal tagħhom b’mod regolari dwaru. (Aqra Dewteronomju 6:6, 7.) Dawk il-ġenituri kellhom ħafna opportunitajiet matul il-ġurnata biex jitkellmu magħhom u jgħallmuhom iħobbu lil Ġeħova. Pereżempju, tifel Iżraeli kellu ċ-ċans li jqattaʼ ħafna ħin ma’ missieru peress li kienu jaħdmu fl-għelieqi. Oħtu jistaʼ jkun li kienet tqattaʼ ħafna ħin matul il-ġurnata tgħin lil ommha fit-tisjir, fil-ħjata, u f’affarijiet oħra tad-dar. Waqt li t-tfal u l-ġenituri kienu jkunu qed jaħdmu flimkien, huma setgħu jitkellmu dwar affarijiet importanti. Pereżempju, setgħu jitkellmu dwar kemm hu qalbu tajba Ġeħova u kif kien qed jieħu ħsieb il-familja tagħhom.
11. Il-ġenituri f’liema ħin jistgħu jitkellmu mat-tfal tagħhom?
11 Illum il-ħajja m’għadhiex bħalma kienet qabel. F’ħafna pajjiżi, il-ġenituri u t-tfal ma jistgħux iqattgħu ħafna ħin flimkien. Il-ġenituri jaf ikunu x-xogħol u t-tfal l-iskola. Għalhekk, huwa iktar importanti li l-ġenituri jsibu l-ħin biex jitkellmu maʼ wliedhom. (Efes. 5:15, 16; Flp. 1:10) Il-qima bħala familja tistaʼ tkun opportunità biex iqattgħu l-ħin flimkien. Ħu żagħżugħ jismu Alexander jgħid: “Missieri dejjem jara li nagħmlu l-qima bħala familja. U ma jħalli xejn itellifna milli nqattgħu dan il-ħin flimkien. Wara l-istudju, vera nieħdu pjaċir għax noqogħdu nitkellmu flimkien.”
12. Il-kap tal-familja x’għandu jżomm f’moħħu waqt il-qima bħala familja?
12 Jekk inti l-kap tal-familja, x’tistaʼ tagħmel biex it-tfal tiegħek jieħdu pjaċir waqt il-qima bħala familja? Għax ma tipprovax tistudja magħhom il-ktieb il-ġdid Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!? Dan il-ktieb sabiħ se jgħinek titkellem b’mod faċli mat-tfal tiegħek. Inti żgur tixtieq li t-tfal tiegħek jgħidulek dwar dak li qed iħossu u dak li qed jinkwetahom. Għalhekk, tużax il-ħin waqt il-qima bħala familja biex tikkritikahom jew tikkoreġihom. U tiħodhiex bi kbira jekk it-tfal jgħidu li ma jaqblux ma’ xi ħaġa li tgħid il-Bibbja. Minflok, ħu pjaċir li qed jgħidulek dan u agħmilhielhom faċli jgħidulek kif iħossuhom. Meta vera tifhem kif qed iħossuhom se tkun tistaʼ tgħinhom.
13. B’liema modi oħra jistgħu l-ġenituri jgħinu lit-tfal tagħhom jersqu eqreb lejn Ġeħova?
13 Ġenituri, fittxu opportunitajiet waqt il-ġurnata biex tgħinu lit-tfal tagħkom iħossuhom eqreb taʼ Ġeħova. M’għandekx għalfejn tistenna l-ħin tal-istudju biex tgħallimhom dwar Alla. Innota x’qalet omm jisimha Lisa: “Aħna nużaw il-ħolqien biex ngħallmu lit-tfal tagħna jitgħallmu dwar Ġeħova. Pereżempju, meta l-kelb tagħna kien jagħmel xi ħaġa tad-daħq, konna ngħidulhom li dan juri li Ġeħova hu Alla ferħan u jixtieq li aħna wkoll inkunu ferħanin.”
14. Għala hu importanti li l-ġenituri jgħinu lit-tfal tagħhom jagħżlu ħbieb tajbin? (Proverbji 13:20)
14 Ir-4 Prinċipju: Għin lit-tfal tiegħek jagħżlu ħbieb tajbin. Il-Kelma t’Alla turi b’mod ċar li l-ħbieb tagħna jistgħu jaffettwawna kemm b’mod tajjeb u kemm b’mod ħażin. (Aqra Proverbji 13:20.) Ġenituri, tafu min huma l-ħbieb tat-tfal tagħkom? Iltqajtu u qattajtu ħin magħhom? X’tistgħu tagħmlu biex tgħinu lit-tfal tagħkom jagħmlu ħbieb maʼ dawk li jħobbu lil Ġeħova? (1 Kor. 15:33) Tistgħu tistiednu aħwa li jħobbu lil Ġeħova biex iqattgħu ħin magħkom u mat-tfal tagħkom.—Salm 119:63.
15. Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lit-tfal tagħhom ikollhom ħbieb tajbin?
15 Missier jismu Tony jispjega x’għamlu hu u martu biex jgħinu lit-tfal tagħhom jagħżlu ħbieb tajbin. Hu jgħid: “Matul is-snin, aħna stidinna ħafna aħwa differenti, kbar u żgħar, fid-dar tagħna. Aħna kilna flimkien u anki għamilna l-qima bħala familja magħhom. Dan hu l-aqwa mod kif issir taf lil dawk li jħobbu u jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ. Kellna l-privileġġ li joqogħdu magħna indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, missjunarji, u aħwa oħrajn. It-tfal tagħna tgħallmu ħafna mill-esperjenzi tagħhom, miż-żelu li wrew, u mix-xogħol li kienu lesti li jagħmlu għal Ġeħova. Dan kollu għen biex it-tfal tagħna jersqu eqreb lejn Ġeħova.” Ġenituri, kunu determinati li tgħinu lit-tfal tagħkom jagħżlu ħbieb tajbin.
QATT TAQTAʼ QALBEK!
16. X’tistaʼ tagħmel jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek tgħid li ma tridx tibqaʼ taqdi lil Ġeħova?
16 Imma xi ngħidu jekk minkejja l-isforzi kollha li għamiltu, it-tifel jew it-tifla tagħkom xorta ma tridx taqdi lil Ġeħova? Qatt taħsbu li hu t-tort tagħkom. Ġeħova ta lil kull wieħed u waħda minna, inkluż lit-tfal tagħkom, il-libertà li nagħżlu jekk naqduhx jew le. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek iddeċidiet li titlaq lil Ġeħova taqtax qalbek. Ibqaʼ ttama li xi darba tiġi lura. Ftakar fit-tixbiha tal-iben il-ħali. (Lq. 15:11-19, 22-24) Dak il-ġuvni għamel ħafna affarijiet ħżiena imma fl-aħħar reġaʼ ġie lura. Imma ħafna forsi jgħidu: “Dik storja. Jistaʼ t-tifel jew it-tifla tiegħi terġaʼ lura għand Ġeħova?” Iva, tistaʼ! Fil-fatt hekk ġara lil ġuvni jismu Elie.
17. L-esperjenza t’Elie kif tinkuraġġik?
17 Elie jgħid hekk dwar il-ġenituri tiegħu: “[Huma] għamlu l-almu tagħhom biex inaqqxu fija mħabba għal Ġeħova u għall-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Però, meta kont adoloxxent, bdejt nirribella.” Elie beda jagħmel affarijiet bil-moħbi li mhumiex tajbin. Minkejja li l-ġenituri tiegħu pprovaw jgħinuh, hu ma riedx jismaʼ. Wara li telaq mid-dar, beda jinvolvi ruħu fi mġiba ħażina. Minkejja dan, ġieli kien jitkellem dwar il-Bibbja maʼ ħabib tiegħu. Elie jgħid: “Iktar ma tkellimt dwar Ġeħova maʼ sieħbi iktar sibt ruħi naħseb dwar Ġeħova. Bil-mod il-mod, iż-żrieragħ tal-verità tal-Bibbja li kienu inattivi f’qalbi—żrieragħ li l-ġenituri tiegħi kienu stinkaw biex jiżirgħu—bdew jikbru.” Maż-żmien, Elie reġaʼ ġie lura fil-verità. * Min jaf kemm kienu ferħanin il-ġenituri tiegħu li minn età żgħira pprovaw jgħallmuh iħobb lil Ġeħova!—2 Tim. 3:14, 15.
18. Kif tħossok dwar il-ġenituri li qed jaħdmu iebes biex jgħallmu lit-tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova?
18 Ġenituri, Ġeħova takom rigal mill-isbaħ, li trabbu ġenerazzjoni ġdida taʼ qaddejja tiegħu. (Salm 78:4-6) Dan mhux faċli, u għalhekk infaħħrukom tax-xogħol iebes li qed tagħmlu! Jekk tkomplu tagħmlu l-aħjar li tistgħu biex tgħallmu t-tfal tagħkom iħobbu u jobdu lil Ġeħova, tistgħu tkunu ċerti li Missierkom tas-sema kollu mħabba se jkun ferħan bikom.—Efes. 6:4.
GĦANJA 135 L-appell mill-qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”
^ Il-ġenituri jħobbuhom ħafna lil uliedhom. Huma jaħdmu iebes biex jieħdu ħsiebhom u biex jarawhom ferħanin. Imma l-iktar ħaġa importanti għall-ġenituri hi li jgħinu lil uliedhom iħobbu lil Ġeħova. F’dan l-artiklu se niddiskutu erbaʼ prinċipji mill-Bibbja li se jgħinu lill-ġenituri jagħmlu dan.
^ Ara l-vidjow Ġeħova għallimna kif inrabbu l-familja fuq jw.org.
^ Ara l-artiklu “Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 2012.
^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Biex isir jaf il-ħbieb tat-tifel tiegħu, missier jagħmel sforz u jilgħab il-basketball mat-tifel u mal-ħabib tiegħu.