Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 21

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni X’Jgħid Dwar il-Futur Tiegħek?

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni X’Jgħid Dwar il-Futur Tiegħek?

“Amen! Ejja, Mulej Ġesù.”—RIV. 22:20.

GĦANJA 142 Inżommu mat-​tama tagħna sat-​tmiem

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​bnedmin kollha liema deċiżjoni importanti għandhom bżonn jieħdu?

 IN-​NIES għandhom deċiżjoni importanti x’jieħdu. Se jappoġġaw lil Alla Ġeħova, il-​wieħed li għandu d-​dritt imexxi fis-​sema u fuq l-​art, jew lil Satana x-​Xitan li hu l-​għadu t’Alla? Kulħadd se jkollu jagħżel lil min se jappoġġa. Tkun xi tkun id-​deċiżjoni li jieħdu, din se taffettwa l-​futur tagħhom. (Mt. 25:31-​33, 46) Matul “it-​tribulazzjoni l-​kbira,” huma se jkollhom il-​marka tas-​salvazzjoni jew tal-​qerda.—Riv. 7:14; 14:9-​11; Eżek. 9:4, 6.

2. (a) Ebrej 10:35-​39 x’jinkuraġġina nagħmlu? (b) Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni kif jistaʼ jgħinna?

2 Aqra Ebrej 10:35-​39. Jekk int għażilt lil Ġeħova bħala l-​Mexxej, ħadt deċiżjoni tajba, u issa żgur li tixtieq tgħin lil oħrajn biex jagħmlu bħalek. Int tistaʼ tuża l-​informazzjoni li hemm fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni biex tgħinhom. Dan il-​ktieb tal-​għaġeb jurina x’se jiġri lil dawk li jiħduha kontra Ġeħova. Imma jurina wkoll kif Hu se jippremja lil dawk li jaċċettawh bħala l-​Mexxej tagħhom. Irridu nistudjaw dawn il-​veritajiet importanti. Jekk nagħmlu dan, se jgħinna biex inkunu iktar determinati li nibqgħu naqdu lil Ġeħova. Barra minn hekk, nistgħu nużaw dak li tgħallimna biex ngħinu lil oħrajn jieħdu d-​deċiżjoni t-​tajba u jżommu magħha.

3. X‘se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet: X’se jiġri lil dawk li jaċċettaw it-​tmexxija t’Alla? U x’se jiġri lil dawk li jaċċettaw it-​tmexxija tal-​bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat li tissemma fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni?

X’SE JIĠRILHOM DAWK LI HUMA LEALI LEJN ĠEĦOVA?

4. Ġwanni liema grupp taʼ nies jara maʼ Ġesù fis-​sema?

4 Fil-​viżjoni, l-​appostlu Ġwanni jara żewġ gruppi taʼ nies li jaċċettaw it-​tmexxija taʼ Ġeħova, u li se jirċievu l-​barkiet li se jgawdu fil-​ħajja taʼ dejjem. L-​ewwel grupp fih 144,000. (Riv. 7:4) Dawn jittieħdu mill-​art biex jiffurmaw gvern, jew Saltna, maʼ Ġesù fis-​sema. Flimkien maʼ Ġesù, se jmexxu għal fuq l-​art. (Riv. 5:9, 10; 14:3, 4) Fil-​viżjoni, Ġwanni jarahom bilwieqfa maʼ Ġesù fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema.—Riv. 14:1.

5. X’se jiġrilhom dalwaqt il-​midlukin li għadhom ħajjin fuq l-​art?

5 Minn żmien l-​appostli ’l hawn, eluf taʼ nies bdew jintgħażlu biex isiru parti mill-​grupp tal-​144,000. (Lq. 12:32; Rum. 8:17) Però, Ġwanni, fil-​viżjoni sar jaf li numru żgħir minn dan il-​grupp se jkunu għadhom ħajjin fuq l-​art matul l-​aħħar jiem. Qabel tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, dawn l-​uħud li jkun għad fadal se jirċievu l-​aħħar “siġill” bħala sinjal li Ġeħova jkun aċċettahom. (Riv. 7:2, 3; 12:17) Imbagħad f’xi żmien matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, dawn se jittieħdu fis-​sema biex jingħaqdu mal-​kumplament tal-​144,000, li diġà mietu lealment. Hemmhekk, huma se jmexxu maʼ Ġesù fis-​Saltna t’Alla.—Mt. 24:31; Riv. 5:9, 10.

6-7. (a) Ġwanni liema grupp ieħor jara, u aħna x’nafu dwaru? (b) Il-​midlukin li baqaʼ fuq l-​art u l-​‘folla l-​kbira’ għala għandhom ikunu interessati dwar Rivelazzjoni kapitlu 7?

6 Wara li Ġwanni ra l-​grupp tas-​sema, hu ra “folla kbira.” Però l-​Bibbja ma tgħidilniex kemm hi kbira din il-​folla. (Riv. 7:9, 10) X’nafu dwarha? Ġwanni jgħid hekk: “Dawn huma l-​uħud li ħarġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira, għax ħaslu l-​ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf.” (Riv. 7:14) Wara li jkunu salvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira, dawn l-​uħud tal-​“folla kbira” se jgħixu fuq l-​art u jgawdu barkiet mill-​isbaħ.—Salm 37:9-​11, 27-​29; Prov. 2:21, 22; Riv. 7:16, 17.

7 Sew jekk ġejna magħżulin biex ngħixu fis-​sema u sew jekk se ngħixu fuq l-​art, naraw lilna nfusna f’dak li jgħid li se jiġri Rivelazzjoni kapitlu 7? Suppost, iva. Kemm se jkun żmien sabiħ għall-​qaddejja kollha t’Alla! U kemm se nkunu ferħanin li għażilna t-​tmexxija taʼ Ġeħova! Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni x’jgħidilna iktar dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira?—Mt. 24:21.

X’SE JIĠRILHOM DAWK LI MA JAĊĊETTAWX IT-​TMEXXIJA T’ALLA?

8. It-​tribulazzjoni l-​kbira kif se tibda, u ħafna nies x’se jagħmlu?

8 Bħalma semmejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, il-​gvernijiet tad-​dinja li jappoġġaw lill-​Ġnus Magħquda dalwaqt se jattakkaw lil Babilonja l-​Kbira, li hi r-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja. (Riv. 17:16, 17) Dan se jkun il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Ifisser dan li matul dak iż-​żmien ħafna nies se jibdew jaqdu lil Ġeħova? Le. Minflok, Rivelazzjoni kapitlu 6 jurina li matul dak iż-​żmien, nies li ma jkunux qed jaqdu lil Ġeħova se jfittxu protezzjoni mill-​gvernijiet u mas-​sistema kummerċjali tad-​dinja taʼ Satana, li huma mqabblin mal-​muntanji. Minħabba li dawn in-​nies mhux se jappoġġaw is-​Saltna t’Alla, Ġeħova se jqishom bħala l-​għedewwa tiegħu.—Lq. 11:23; Riv. 6:15-​17.

9. Il-​poplu taʼ Ġeħova għala se jispikka matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, u x’se jiġri?

9 Bla dubju, il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova ħa jispikkaw matul dak iż-​żmien diffiċli ħafna. Huma se jkunu l-​uniċi nies fuq l-​art li jkunu qed jaqdu lil Alla Ġeħova u li ma jaċċettawx li jappoġġaw lill-​“bhima salvaġġa.” (Riv. 13:14-​17) Minħabba li jibqgħu leali lejn Ġeħova, l-​għedewwa tiegħu se jirrabjaw ħafna. Għalhekk, grupp taʼ nazzjonijiet se jingħaqdu flimkien biex jattakkaw lill-​poplu t’Alla mad-​dinja kollha. Il-​Bibbja ssejjaħ dan l-​attakk bħala l-​attakk taʼ Gog taʼ Magog.—Eżek. 38:14-​16.

10. Kif jurina Rivelazzjoni 19:19-​21, Ġeħova kif se jħossu minħabba dan l-​attakk fuq il-​poplu tiegħu?

10 Ġeħova kif se jħossu minħabba dan l-​attakk aħrax fuq il-​poplu tiegħu? Hu jgħid: “Il-​korla tiegħi titlaʼ fi mnieħri.” (Eżek. 38:18, 21-​23) Rivelazzjoni kapitlu 19 jgħidilna x’se jiġri wara. Ġeħova se jibgħat lil Ibnu biex jipproteġi lill-​poplu tiegħu u jegħleb lill-​għedewwa tagħhom. Ġesù u l-​armata tiegħu, li hi magħmula mill-​anġli leali u l-​144,000, se jiġġieldu kontra Gog taʼ Magog. (Riv. 17:14; 19:11-​15) Kif se tispiċċa din il-​gwerra? L-​organizzazzjonijiet u n-​nies kollha li se jiħduha kontra Ġeħova se jiġu meqrudin!—Aqra Rivelazzjoni 19:19-​21.

WARA L-​GWERRA JSIR IT-​TIEĠ

11. Liema hi l-​iktar okkażjoni speċjali li tissemma fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni?

11 Immaġina kif ħa jħossuhom il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova fuq l-​art meta hu jeqred lill-​għedewwa tiegħu! Kemm se jkun hemm ferħ matul dak iż-​żmien! Għalkemm fis-​sema se jkun hemm ħafna ferħ meta Babilonja l-​Kbira tiġi meqruda, hemm xi ħaġa oħra li se ġġib iktar ferħ. (Riv. 19:1-​3) Din hi l-​okkażjoni speċjali li tissemma fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, “iż-​żwieġ tal-​Ħaruf.”—Riv. 19:6-​9.

12. Skont Rivelazzjoni 21:1, 2, iż-​żwieġ tal-​Ħaruf meta se jsir?

12 Dan iż-​żwieġ meta se jsir? Il-​144,000 kollha se jkunu fis-​sema eżatt qabel tibda l-​gwerra taʼ Armageddon. Però, dan ma jkunx il-​waqt biex isir iż-​żwieġ tal-​Ħaruf. (Aqra Rivelazzjoni 21:1, 2.) Dan iż-​żwieġ se jsir wara li tispiċċa l-​gwerra taʼ Armageddon u l-​għedewwa t’Alla jkunu nqerdu kollha.—Salm 45:3, 4, 13-​17.

13. X’se jiġri fiż-​żwieġ tal-​Ħaruf?

13 X’se jiġri fiż-​żwieġ tal-​Ħaruf? Żwieġ jgħaqqad flimkien raġel u mara. B’mod simili, iż-​żwieġ tal-​Ħaruf se jgħaqqad lis-​Sultan, Ġesù Kristu, mal-​144,000, li huma l-​“għarusa.” Permezz taʼ din l-​okkażjoni speċjali, il-​144,000 flimkien maʼ Ġesù se jibdew imexxu għal fuq l-​art għal 1,000 sena.—Riv. 20:6.

BELT MILL-​ISBAĦ U L-​FUTUR TIEGĦEK

Rivelazzjoni kapitlu 21 isemmi belt simbolika, Ġerusalemm il-​Ġdida, “nieżla mis-​sema mingħand Alla.” Matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena din se ġġib ħafna barkiet lill-​bnedmin ubbidjenti (Ara paragrafi 14-16)

14-15. Rivelazzjoni kapitlu 21 maʼ xiex iqabbilhom lill-​144,000? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

14 Rivelazzjoni kapitlu 21 iqabbel il-​144,000 maʼ belt sabiħa ħafna li tissejjaħ “Ġerusalemm il-​Ġdida.” (Riv. 21:2, 9) Din il-​belt kellha 12-​il ġebla tal-​pedament, u fuqhom kien hemm miktub “it-​tnax-​il isem tat-​tnax-​il appostlu tal-​Ħaruf.” Dan għala kien interessanti għal Ġwanni? Għax hu ra ismu miktub fuq waħda minn dak il-​ġebel. Xi privileġġ mill-​isbaħ!—Riv. 21:10-​14; Efes. 2:20.

15 Din il-​belt ma tidhirx bħal bliet oħrajn. Hi għandha triq prinċipali tad-​deheb pur, 12-​il bieb tal-​perla, il-​ħitan u l-​pedamenti mżejnin b’ħaġar prezzjuż, u t-​tul u l-​wisaʼ u l-​għoli tagħha kienu ndaqs. (Riv. 21:15-​21) Imma Ġwanni nduna li hemm xi ħaġa nieqsa! Innota x’jgħid: “Fiha ma rajtx tempju, għax Alla Ġeħova li Jistaʼ Kollox kien it-​tempju tagħha, kif ukoll il-​Ħaruf. U l-​belt la kellha bżonn ix-​xemx u lanqas il-​qamar biex jiddu fuqha, għax il-​glorja t’Alla dawlitha, u l-​musbieħ tagħha kien il-​Ħaruf.” (Riv. 21:22, 23) Dawk li jagħmlu parti minn Ġerusalemm il-​Ġdida se jkunu maʼ Ġeħova. (Ebr. 7:27; Riv. 22:3, 4) Għalhekk, Ġeħova u Ġesù huma t-​tempju f’din il-​belt.

Min se jibbenefika mill-​affarijiet tajbin li huma rrappreżentati mix-​“xmara” u mis-​“siġar”? (Ara paragrafi 16-17)

16. In-​nies x’se jiġrilhom matul it-​Tmexxija t’Elf Sena tas-​Saltna t’Alla?

16 Kemm hu eċċitanti għall-​midlukin li jaħsbu dwar din il-​belt! Imma dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art ukoll għandhom ikunu interessati fiha. Matul it-​Tmexxija t’Elf Sena tas-​Saltna t’Alla, Ġerusalemm il-​Ġdida se ġġib ħafna barkiet fuq l-​art. Ġwanni jara dawn il-​barkiet neżlin bħal “xmara taʼ ilma tal-​ħajja.” U fuq iż-​żewġ naħat tax-​xmara kien hemm “siġar tal-​ħajja” li jagħmlu weraq “għall-​fejqan tal-​ġnus.” (Riv. 22:1, 2) Għalhekk, il-​bnedmin kollha li jkunu qed jgħixu hemmhekk se jkollhom l-​opportunità li jgawdu dawn l-​affarijiet tajbin. Maż-​żmien, il-​bnedmin kollha li jobdu lil Ġeħova se jsiru perfetti. Mhux se jkun hemm iktar mard, la wġigħ, u lanqas biki tad-​dwejjaq.—Riv. 21:3-​5.

17. Bħalma jurina Rivelazzjoni 20:11-​13, min se jibbenefika matul l-​elf sena?

17 Min se jibbenefika minn dawn l-​affarijiet sbieħ? L-​ewwel se jkunu dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon u t-​tfal li jitwieldu fid-​dinja l-​ġdida. Imma Rivelazzjoni kapitlu 20 iwegħedna li l-​mejtin se jiġu rxoxtati. (Aqra Rivelazzjoni 20:11-​13.) “Nies sewwa” li mietu fil-​passat flimkien maʼ dawk li “m’humiex sewwa,” li ma kellhomx l-​opportunità jitgħallmu dwar Ġeħova, se jiġu rxoxtati fuq l-​art. (Atti 24:15; Ġw. 5:28, 29) Allura matul l-​elf sena, kulħadd se jiġi rxoxtat biex jgħix fuq l-​art? Le. Nies mill-​agħar li ma ridux jaqdu lil Ġeħova qabel mietu mhux se jiġu rxoxtati. Huma kellhom iċ-​ċans imma wrew li ma jixirqilhomx ikunu fil-​Ġenna tal-​art.—Mt. 25:46; 2 Tess. 1:9; Riv. 17:8; 20:15.

IT-​TEST FINALI

18. Meta jgħaddu l-​elf sena kif se tkun is-​sitwazzjoni fuq l-​art?

18 Meta jgħaddu l-​elf sena, dawk kollha li jkunu qed jgħixu fuq l-​art se jkunu perfetti. Id-​dnub li wirtu mingħand Adam mhux se jaffettwahom iktar. (Rum. 5:12) L-​effetti tad-​dnub t’Adam se jkunu tneħħew għalkollox. Għalhekk, dawk li jkunu qed jgħixu fuq l-​art se jirċievu l-​ħajja, jew ‘jieħdu l-​ħajja,’ bħala nies perfetti fl-​aħħar tal-​elf sena.—Riv. 20:5.

19. Għala hemm bżonn li jkun hemm it-​test finali?

19 Aħna nafu li Ġesù baqaʼ leali lejn Ġeħova anki meta ttantah Satana. Imma, il-​bnedmin perfetti kollha se jibqgħu leali lejn Ġeħova meta Satana jittestjahom? Kull persuna se tkun tistaʼ twieġeb din il-​mistoqsija għaliha nfisha meta Satana jinħeles mill-​abbiss wara l-​elf sena. (Riv. 20:7) Dawk li jibqgħu leali matul dan it-​test finali se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem u sa fl-​aħħar igawdu l-​libertà vera. (Rum. 8:21) Dawk li jiħduha kontra Ġeħova se jinqerdu għal dejjem, flimkien max-​Xitan u d-​demonji tiegħu.—Riv. 20:8-​10.

20. Kif tħossok meta taħseb dwar il-​profeziji tal-​għaġeb li nsibu fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni?

20 Kif tħossok issa li għaddejna fil-​qosor il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni? Ma tħossokx inkuraġġit li taf li qed tgħix fi żmien li qed jitwettqu dawn il-​profeziji tal-​għaġeb? Dan żgur li jġiegħlek tkun trid tgħid lill-​oħrajn biex jingħaqdu magħna u jibdew jagħtu qima lil Ġeħova. (Riv. 22:17) Issa li ddiskutejna dawn l-​affarijiet li se jiġru fil-​futur, inħossuna eċitati, u bħall-​appostlu Ġwanni ngħidu: “Amen! Ejja, Mulej Ġesù.”—Riv. 22:20.

GĦANJA 27 Jiġu rrivelati wlied Alla

^ Dan hu l-​aħħar artiklu f’din is-​serje dwar il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. Kif se naraw f’dan l-​artiklu, dawk li jibqgħu leali lejn Alla se jkollhom futur mill-​isbaħ, imma dawk li ma jaċċettawx it-​tmexxija t’Alla, it-​tmiem tagħhom se jkun tal-​mistħija.