Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 20

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni X’Jgħid li Se Jiġrilhom l-Għedewwa t’Alla?

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni X’Jgħid li Se Jiġrilhom l-Għedewwa t’Alla?

“Ġabruhom flimkien lejn il-​post li bl-​Ebrajk jissejjaħ Ħar–Magedon.”—RIV. 16:16.

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni x’jgħid dwar in-​nies t’Alla?

 IL-​KTIEB tar-​Rivelazzjoni jurina li s-​Saltna t’Alla qed tmexxi fis-​sema u kif Ġesù tefa’ lil Satana lejn l-​art. (Riv. 12:1-​9) Dan ġab paċi għal dawk fis-​sema u inkwiet għan-​nies fuq l-​art. Għala? Għax Satana rrabjat u hu qed jattakka lill-​qaddejja leali taʼ Ġeħova.—Riv. 12:12, 15, 17.

2. X’se jgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova?

2 Kif nistgħu nibqgħu leali lejn Ġeħova minkejja li Satana qed jattakkana? (Riv. 13:10) Xi ħaġa li se tgħinna hi li nkunu nafu x’se jiġri fil-​futur. Pereżempju, f’​Rivelazzjoni, l-​appostlu Ġwanni jsemmi xi barkiet li se ngawdu dalwaqt. Waħda minn dawn il-​barkiet hi li l-​għedewwa t’Alla se jinqerdu. Issa ejja naraw kif il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jiddeskrivi lil dawn l-​għedewwa u x’se jiġrilhom.

L-​GĦEDEWWA T’ALLA JIĠU RAPPREŻENTATI “B’SINJALI”

3. X’inhuma xi sinjali li jissemmew f’​Rivelazzjoni?

3 L-​ewwel vers tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jgħidilna li l-​informazzjoni li se naqraw qed tingħata “b’sinjali,” jiġifieri b’lingwa simbolika. (Riv. 1:1) Iktar tard naqraw dwar diversi bhejjem salvaġġi li jirrappreżentaw lill-​għedewwa t’Alla. Pereżempju, tissemma “bhima salvaġġa tielgħa mill-​baħar, b’għaxart iqrun u b’sebat irjus.” (Riv. 13:1) Imbagħad tissemma “bhima salvaġġa oħra tielgħa mill-​art.” Din il-​bhima titkellem bħal dragun u ġġiegħel “in-​nar jinżel mis-​sema.” (Riv. 13:11-​13) Imbagħad naraw bhima differenti, “bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat,” u prostituta riekba fuqha. Dawn it-​tliet bhejjem salvaġġi jirrappreżentaw lill-​għedewwa li ilhom jiġġieldu kontra Ġeħova u s-​Saltna tiegħu. Għalhekk, huwa importanti li nkunu nafu min huma.—Riv. 17:1, 3.

ERBAʼ BHEJJEM ENORMI

Huma jitilgħu “mill-​baħar.” (Dan. 7:1-​8, 15-​17) Dawn jirrappreżentaw gvernijiet li mexxew jew ippersegwitaw lin-​nies t’Alla minn żmien Danjel ’l hawn. (Ara paragrafi 4, 7)

4-5. Dak li jgħid Danjel 7:15-​17, kif jgħinna nifhmu dawn is-​sinjali?

4 Qabel ma nitgħallmu min huma dawn l-​għedewwa, irridu nifhmu x’jirrappreżentaw il-​bhejjem salvaġġi u l-​prostituta. L-​aħjar mod biex nifhmu dan hu billi nħallu l-​Bibbja stess tispjegalna. Ħafna mis-​sinjali li nsibu fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni huma spjegati diġà f’kotba oħrajn li nsibu fil-​Bibbja. Pereżempju, il-​profeta Danjel kellu ħolma fejn “mill-​baħar telgħu erbaʼ bhejjem enormi.” (Dan. 7:1-​3) Danjel jgħidilna x’jirrappreżentaw. Dawn il-​bhejjem enormi jirrappreżentaw erbaʼ “slaten,” jew gvernijiet. (Aqra Danjel 7:15-​17.) Din l-​ispjegazzjoni ċara tgħinna nifhmu li l-​bhejjem li jissemmew f’​Rivelazzjoni jirreferu wkoll għall-​gvernijiet.

5 Issa ejja neżaminaw xi sinjali li jissemmew fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. Waqt li nagħmlu dan se naraw kif il-​Bibbja tgħinna nifhmu dawn is-​sinjali. Se nibdew bil-​bhejjem salvaġġi li jissemmew. L-​ewwel, se naraw lil min jirrappreżentaw. Imbagħad, se naraw x’se jiġri lil dawn il-​bhejjem. U fl-​aħħar, se nikkunsidraw x’se jfissru għalina dawn il-​ġrajjiet.

JINKIXFU MIN HUMA L-​GĦEDEWWA T’ALLA

IL-​BHIMA SALVAĠĠA B’SEBAT IRJUS

Hi titlaʼ “mill-​baħar” u għandha għaxart iqrun, sebat irjus, u għaxar dijademi, jew kuruni. (Riv. 13:1-​4) Din tirrappreżenta l-​gvernijiet kollha li mexxew sal-​lum il-​ġurnata. Is-​sebat irjus jirrappreżentaw sebaʼ qawwiet dinjin li mexxew jew ippersegwitaw lin-​nies t’Alla (Ara paragrafi 6-​8)

6. Skont Rivelazzjoni 13:1-​4, il-​bhima salvaġġa li għandha sebat irjus lil min tirrappreżenta?

6 Min hi l-​bhima salvaġġa b’sebat irjus? (Aqra Rivelazzjoni 13:1-​4.) Nistgħu naraw li din il-​bhima tidher qisha leopard, imma għandha saqajha taʼ ors, ħalq taʼ ljun, u għandha għaxart iqrun. L-​erbaʼ bhejjem salvaġġi li jissemmew f’​Danjel kapitlu 7 ukoll għandhom partijiet li jixbhu l-​partijiet taʼ din il-​bhima. Però, fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, dawn il-​partijiet insibuhom f’bhima waħda, mhux f’erbaʼ bhejjem separati. Din il-​bhima salvaġġa ma tirrappreżentax gvern wieħed biss. Ġwanni qal ukoll li hi kienet se tmexxi “fuq kull tribù u poplu u lsien u ġens.” Għalhekk din żgur li hija ikbar minn gvern wieħed. (Riv. 13:7) Mela, din il-​bhima salvaġġa b’sebat irjus tirrappreżenta lill-​gvernijiet kollha li mexxew fuq il-​bnedmin sal-​lum il-​ġurnata. *Ekk. 8:9.

7. Kull ras tal-​bhima salvaġġa lil min tirrappreżenta?

7 Kull ras tal-​bhima salvaġġa lil min tirrappreżenta? Rivelazzjoni kapitlu 17 jgħinna nsibu tweġiba għax jiddeskrivi xbieha tal-​bhima li nsibu f’​Rivelazzjoni kapitlu 13. F’​Rivelazzjoni 17:10 naqraw: “Hemm sebaʼ slaten: ħamsa waqgħu, wieħed qiegħed hawn, u l-​ieħor għadu ma wasalx, imma meta jasal irid jibqaʼ għal żmien qasir.” Mill-​gvernijiet kollha li Satana uża, sebgħa kienu mqabblin mal-​“irjus” minħabba li huma kellhom ħafna poter. Ħafna minn nies t’Alla kienu jgħixu fejn kienu jmexxu dawn il-​gvernijiet jew kienu ppersegwitaw lin-​nies t’Alla. Meta l-​appostlu Ġwanni kien għadu ħaj, ħamsa minnhom kienu diġà mexxew. Dawn kienu l-​Eġittu, l-​Assirja, Babilonja, il-​Medo-​Persja, u l-​Greċja. Is-​sitt qawwa dinjija, Ruma, kienet għadha qed tmexxi meta Ġwanni kellu din il-​viżjoni. Liema gvern kellu jkun is-​sebaʼ u l-​aħħar qawwa dinjija, jew ras?

8. Is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa lil min tirrappreżenta?

8 Issa se naraw li l-​profeziji li nsibu fil-​ktieb taʼ Danjel jgħinuna nsiru nafu lil min tirrappreżenta s-​sebaʼ u l-​aħħar ras tal-​bhima salvaġġa. Liema qawwa dinjija qed tmexxi f’dawn l-​aħħar jiem, jew matul “jum il-​Mulej”? (Riv. 1:10) Din hi magħmula minn żewġ gvernijiet li jaħdmu flimkien. Dawn huma r-​Renju Unit u l-​Istati Uniti tal-​Amerika, fi kliem ieħor, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Għalhekk, nistgħu ngħidu li din hi s-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa li tissemma f’​Rivelazzjoni 13:1-​4.

BHIMA SALVAĠĠA LI GĦANDHA ŻEWĠT IQRUN BĦAL ĦARUF

Hi titlaʼ “mill-​art” u “titkellem bħal dragun.” Hi ġġiegħel “in-​nar jinżel mis-​sema” u tagħmel sinjali bħall-​“profeta falz.” (Riv. 13:11-​15; 16:13; 19:20) Il-​qawwa Anglo-​Amerikana hija rappreżentata minn bhima b’żewġt iqrun u l-​profeta falz, minħabba li qarrqet bin-​nies u qaltilhom biex jagħmlu “xbieha” tal-​“bhima salvaġġa” li għandha sebat irjus u għaxart iqrun (Ara paragrafu 9)

9. Il-​bhima salvaġġa li għandha “żewġt iqrun bħal ħaruf” lil min tirrappreżenta?

9 F’​Rivelazzjoni kapitlu 13 nitgħallmu li s-​sebaʼ ras, li hija l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana, taġixxi wkoll bħal bhima salvaġġa b’“żewġt iqrun bħal ħaruf, imma bdiet titkellem bħal dragun.” Din il-​bhima “twettaq sinjali kbar, [anki] saħansitra ġġiegħel in-​nar jinżel mis-​sema għal fuq l-​art quddiem għajnejn il-​bnedmin.” (Riv. 13:11-​15) Rivelazzjoni kapitli 16 u 19 isejħu din il-​bhima salvaġġa “l-​profeta falz.” (Riv. 16:13; 19:20) Danjel semma xi ħaġa simili billi jgħid li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kienet se ‘tikkaġuna rovina tal-​għaġeb.’ (Dan. 8:19, 23, 24) Dan hu eżatt dak li ġara matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Iż-​żewġ bombi atomiċi li ntefgħu fuq il-​Ġappun u li wasslu biex tispiċċa l-​gwerra kienu magħmula minn xjentisti Ingliżi u Amerikani. Billi għamlet dawn il-​bombi, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana ġiegħlet “in-​nar jinżel mis-​sema għal fuq l-​art.”

BHIMA SALVAĠĠA LEWN L-​ISKARLAT

Il-​prostituta, Babilonja l-​Kbira, riekba fuq il-​bhima. Il-​bhima tirrappreżenta lit-​tmien sultan. (Riv. 17:3-​6, 8, 11) Għall-​ewwel il-​prostituta tikkontrolla lill-​bhima imma iktar tard tiġi meqruda minnha stess. Il-​prostituta tirrappreżenta r-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja. Il-​bhima llum tirrappreżenta lill-​Ġnus Magħquda, li tappoġġa lill-​gvernijiet kollha tad-​dinja (Ara paragrafi 10, 14-​17)

10. “Ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa” lil min tirrappreżenta? (Rivelazzjoni 13:14, 15; 17:3, 8, 11)

10 Issa se naraw bhima salvaġġa oħra. Din tixbah ħafna lill-​bhima b’sebat irjus, imma hi kulur l-​iskarlat. Din tissejjaħ “ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa” u hi meqjusa bħala ‘t-​tmien sultan.’ * (Aqra Rivelazzjoni 13:14, 15; 17:3, 8, 11.) Ġwanni sar jaf li dan is-​“sultan” kien jeżisti, imbagħad ma baqax jeżisti, u iktar tard reġaʼ beda jeżisti. Dan hu eżatt dak li ġara lill-​organizzazzjoni tal-​Ġnus Magħquda, li tappoġġa lill-​gvernijiet kollha tad-​dinja. Għall-​ewwel kienet tissejjaħ il-​Lega tan-​Nazzjonijiet. Imbagħad matul it-​Tieni Gwerra Dinjija ma baqgħetx teżisti. Iktar tard reġgħet bdiet teżisti u bdiet tissejjaħ kif nafuha llum, bħala l-​Ġnus Magħquda.

11. Il-​gvernijiet x’se jagħmlu, u aħna għala m’għandniex għalfejn nibżgħu?

11 Permezz tal-​gideb, dawn il-​bhejjem salvaġġi, jew gvernijiet, qed iġiegħlu lin-​nies jiħduha kontra Ġeħova u l-​poplu tiegħu. Ġwanni qal li hu bħallikieku se jiġbru “s-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” flimkien għall-​gwerra taʼ Armageddon, li hija “l-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Riv. 16:13, 14, 16) Imma m’għandniex għalfejn nibżgħu. Alla tagħna, Ġeħova, se jaġixxi malajr u se jsalva lil dawk kollha li qegħdin fuq in-​naħa tiegħu.—Eżek. 38:21-​23.

12. X’se jiġrilhom il-​bhejjem kollha?

12 X’se jiġri lill-​bhejjem kollha? Rivelazzjoni 19:20 jagħtina t-​tweġiba: “Il-​bhima salvaġġa nqabdet, u magħha nqabad ukoll il-​profeta falz li kien iwettaq quddiemha s-​sinjali li bihom qarraq lil dawk li rċivew il-​marka tal-​bhima salvaġġa u lil dawk li jagħtu qima lix-​xbieha tagħha. Waqt li kienu għadhom ħajjin, xeħtuhom it-​tnejn fl-​għadira tan-​nar jaqbad bil-​kubrit.” Għalhekk, waqt li jkunu għadhom qed imexxu, dawn il-​gvernijiet li huma l-​għedewwa t’Alla se jinqerdu għal dejjem.

13. Il-​Kristjani kollha liema pressjoni jiffaċċjaw mill-​gvernijiet?

13 Dan xi jfisser għalina? Bħala Kristjani, aħna rridu nkunu leali lejn Alla u s-​Saltna tiegħu. (Ġw. 18:36) Biex nagħmlu dan irridu nibqgħu newtrali u ma jkollniex x’naqsmu mal-​affarijiet tal-​politika. Imma dan mhux dejjem faċli għax il-​gvernijiet tad-​dinja jridu li nappoġġawhom b’dak li ngħidu u nagħmlu. Dawk li jċedu għall-​pressjoni tagħhom se jirċievu l-​marka tal-​bhima salvaġġa. (Riv. 13:16, 17) Kull min ikollu din il-​marka, Ġeħova mhux se jaċċettah u mhux se jtih il-​ħajja taʼ dejjem. (Riv. 14:9, 10; 20:4) Għalhekk, jagħmlulna kemm jagħmlulna pressjoni l-​gvernijiet biex nappoġġawhom, huwa importanti ħafna li nibqgħu newtrali kompletament.

TMIEM TAL-​MISTĦIJA GĦALL-​PROSTITUTA L-​KBIRA

14. Kif juri Rivelazzjoni 17:3-​5, l-​appostlu Ġwanni x’ra li biha baqaʼ mistagħġeb?

14 L-​appostlu Ġwanni jsemmi xi ħaġ’oħra li ra u li biha baqaʼ mistagħġeb. X’kienet? Mara riekba fuq waħda minn dawn il-​bhejjem feroċi. (Riv. 17:1, 2, 6) Din hi l-​“prostituta kbira,” u isimha hu “Babilonja l-​Kbira.” Hi tagħmel ‘l-​immoralità sesswali’ mas-​“slaten taʼ l-​art.”—Aqra Rivelazzjoni 17:3-​5.

15-16. Min hi “Babilonja l-​Kbira,” u kif nafu?

15 Min hi “Babilonja l-​Kbira”? Din il-​mara ma jistax ikun li tirrappreżenta lill-​gvernijiet għax il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jgħid li hi tagħmel l-​immoralità sesswali mal-​mexxejja politiċi tad-​dinja. (Riv. 18:9) U l-​fatt li hi riekba fuq il-​bhima salvaġġa juri li hi qed tipprova tikkontrolla lil dawn il-​mexxejja. Barra minn hekk, Babilonja l-​Kbira ma jistax ikun li tirrappreżenta s-​sistema kummerċjali tad-​dinja taʼ Satana għax fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, is-​sistema kummerċjali taʼ Satana tissejjaħ “il-​merkanti taʼ l-​art.”—Riv. 18:11, 15, 16.

16 Fil-​Bibbja, il-​kelma “prostituta” tistaʼ tirreferi għal dawk li jgħidu li jaqdu lil Alla imma jieħdu sehem fl-​idolatrija jew isiru ħbieb tad-​dinja b’modi oħrajn. (Eżek. 16:2, 35, 36; Ġak. 4:4) Mill-​banda l-​oħra, il-​Bibbja ssejjaħ lil dawk li jaqdu lil Alla b’lealtà “safjin” jew “verġni.” (2 Kor. 11:2; Riv. 14:4) Babilonja tal-​qedem kienet iċ-​ċentru tal-​qima falza. Għalhekk, Babilonja l-​Kbira tirrappreżenta kull tip taʼ qima falza, jiġifieri r-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja.—Riv. 17:5, 18; ara l-​artiklu “X’inhi Babilonja l-​Kbira?” fuq jw.org.

17. X’se jiġri lil Babilonja l-​Kbira?

17 X’se jiġri lill-​Babilonja l-​Kbira? Rivelazzjoni 17:16, 17 jagħtina tweġiba billi jgħid: “L-​għaxart iqrun li rajt, u l-​bhima salvaġġa, dawn se jobogħdu lill-​prostituta u jħarbtuha u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha għalkollox bin-​nar. Għax Alla daħħlilhom fi qlubhom li jwettqu l-​ħsieb tiegħu.” Iva, Ġeħova se jġiegħel lin-​nazzjonijiet biex jużaw il-​bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat, li hi l-​Ġnus Magħquda, biex jattakkaw ir-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja u jeqirduhom għalkollox.—Riv. 18:21-​24.

18. Kif nistgħu nkunu ċerti li m’għandna x’naqsmu xejn maʼ Babilonja l-​Kbira?

18 Dan xi jfisser għalina? Aħna rridu nżommu ‘l-​qima tagħna nadifa u bla tinġis mill-​ħarsa t’Alla.’ (Ġak. 1:27) Qatt m’għandna niġu influwenzati mit-​tagħlim falz ta’ Babilonja l-​Kbira, mill-​festi li ma jogħġbux lil Alla, mill-​ħajja ħażina li jgħixu n-​nies, u mill-​affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​ispiritiżmu tagħha! U rridu nkomplu nwissu lin-​nies biex ‘joħorġu minnha,’ ħalli ma jiħdux il-​kastig magħha.—Riv. 18:4.

IL-​ĠUDIZZJU FUQ L-​IKBAR GĦADU T’ALLA

ID-​DRAGUN LEWN IN-​NAR

Satana jagħti l-​qawwa lill-​bhima salvaġġa. (Riv. 12:3, 9, 13; 13:4; 20:2, 10) Bħala l-​ikbar għadu taʼ Ġeħova, Satana se jintefaʼ fl-​abbiss għal elf sena. Wara dan, Satana se jitwaddab “fl-​għadira tan-​nar u l-​kubrit” (Ara paragrafi 19-​20)

19. Min hu d-​“dragun kbir lewn in-​nar”?

19 Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jsemmi wkoll “dragun kbir lewn in-​nar.” (Riv. 12:3) Dan id-​dragun iġġieled kontra Ġesù u l-​anġli tiegħu. (Riv. 12:7-​9) Hu jattakka lin-​nies t’Alla u jagħti l-​qawwa lill-​bhejjem salvaġġi, jiġifieri l-​gvernijiet. (Riv. 12:17; 13:4) Min hu dan id-​dragun? Ħadd ħlief “is-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” (Riv. 12:9; 20:2) Hu l-​wieħed li qed jikkontrolla lill-​għedewwa kollha taʼ Ġeħova.

20. X’se jiġrilu d-​dragun?

20 X’se jiġrilu d-​dragun? Rivelazzjoni 20:1-​3 jispjega li anġlu se jitfaʼ lil Satana fl-​abbiss. Dan ħa jkun bħal ħabs għalih. Meta jkun qiegħed f’dan l-​abbiss, Satana mhux se jkun jistaʼ ‘jqarraq iktar bil-​ġnus sakemm jintemmu l-​elf sena.’ Fl-​aħħar, Satana u d-​demonji tiegħu se jinqerdu darba għal dejjem. Dan nafuh għax il-​Bibbja tgħid li se jiġu mitfugħin “fl-​għadira tan-​nar u l-​kubrit.” (Riv. 20:10) Tistaʼ timmaġina dinja mingħajr Satana u d-​demonji tiegħu? Xi żmien sabiħ se jkun!

21. Għala nistgħu nkunu ferħanin dwar dak li qrajna fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni?

21 Kemm hu inkuraġġanti li nifhmu xi jfissru s-​sinjali li jissemmew fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni! F’dan l-​artiklu mhux biss tgħallimna min huma l-​għedewwa taʼ Ġeħova imma rajna wkoll x’se jiġrilhom. Iva, “hieni min jaqra b’leħen għoli u dawk li jisimgħu l-​kliem taʼ din il-​profezija”! (Riv. 1:3) Imma meta l-​għedewwa t’Alla jinqerdu, in-​nies leali liema barkiet se jgawdu? Se niddiskutu dan fl-​aħħar artiklu minn din is-​serje.

GĦANJA 23 Ġeħova jibda jsaltan

^ Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni juża sinjali biex juri min huma l-​għedewwa t’Alla. Il-​ktieb taʼ Danjel jgħinna nifhmu xi jfissru dawn is-​sinjali. F’dan l-​artiklu se nqabblu xi profeziji mill-​ktieb taʼ Danjel maʼ profeziji simili li nsibu fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. Dan se jgħinna biex inkunu nafu min huma l-​għedewwa t’Alla. Imbagħad se naraw x’se jiġrilhom.

^ Evidenza oħra li l-​bhima b’sebat irjus tirrappreżenta lill-​gvernijiet kollha hi għax għandha “għaxart iqrun.” Spiss, fil-​Bibbja, in-​numru għaxra jintuża biex juri li xi ħaġa hi sħiħa, jew kompleta.

^ Din ix-​xbieha m’għandhiex kuruni, jew “dijademi,” fuq il-​qrun tagħha bħalma għandha l-​ewwel bhima salvaġġa. (Riv. 13:1) Dan minħabba li hi ħarġet mis-​sebaʼ slaten l-​oħrajn u huma jagħtuha l-​qawwa.—Ara l-​artiklu “X’inhi l-​bhima lewn l-​iskarlat li tissemma f’​Rivelazzjoni kapitlu 17?” fuq jw.org.