Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 19

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni Xi Jfisser Għalik Illum

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni Xi Jfisser Għalik Illum

“Hieni min jaqra b’leħen għoli . . . il-​kliem taʼ din il-​profezija.”—RIV. 1:3.

GĦANJA 15 Faħħru l-​Ewwel Imwieled taʼ Ġeħova!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. X’inhi raġuni waħda għala għandna nkunu interessati fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni?

 ĠIELI kien hemm xi ħadd u qallek biex toqgħod tara miegħu album tar-​ritratti? Meta tibda tara r-​ritratti tinduna li hemm ħafna nies li inti ma tafhomx. Imma mbagħad tieqaf u tifli sew ritratt minnhom. Għala? Għax tinduna li int qiegħed fir-​ritratt. Waqt li tkun qed tifli r-​ritratt, int tibda tipprova tiftakar fejn kont u meta ttieħed dan ir-​ritratt. Ukoll, tipprova tagħraf lil dawk li qegħdin fir-​ritratt miegħek. Dan ir-​ritratt ifisser ħafna għalik.

2 Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni hu bħal dak ir-​ritratt. Għala? Minn tal-​inqas għal żewġ raġunijiet. L-​ewwel, il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni nkiteb għalina. Infatti, fl-​ewwel vers naqraw: “Rivelazzjoni minn Ġesù Kristu, li tahielu Alla, biex juri lill-​ilsiera tiegħu dak li jrid iseħħ dalwaqt.” (Riv. 1:1) Għalhekk, dak li nkiteb f’dan il-​ktieb mhux għan-​nies inġenerali imma għalina, il-​qaddejja t’Alla. Mela ma niħduhiex bi kbira meta nsiru nafu li qed nieħdu sehem fit-​twettiq tal-​profeziji li nsibu f’dan il-​ktieb tal-​għaġeb. Għalhekk, meta naqraw il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni nkunu qed naqraw affarijiet li jaffettwaw lilna b’mod personali. Hu bħallikieku qed naraw ir-​ritratt li hemm aħna fih.

3-4. Skont il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, il-​profeziji li hemm fih meta se jitwettqu, u għalhekk x’għandna nagħmlu?

3 It-​tieni raġuni għala għandna nkunu interessati fil-​profeziji li nsibu fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni hi minħabba ż-​żmien li dawn se jitwettqu. Ġwanni semma meta se jitwettqu billi qal: “B’ispirazzjoni sibt ruħi f’jum il-​Mulej.” (Riv. 1:10) Meta Ġwanni kiteb dan il-​kliem madwar is-​sena 96 wara Kristu (WK), “jum il-​Mulej” kien għadu ’l bogħod ħafna. (Mt. 25:14, 19; Lq. 19:12) Imma skont profezija tal-​Bibbja, dan il-​jum beda fl-​1914 meta Ġesù sar Sultan fis-​sema. Minn dik is-​sena ’l quddiem, il-​profeziji fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, li japplikaw għall-​poplu t’Alla, bdew jitwettqu. Iva, aħna qed ngħixu “f’jum il-​Mulej”!

4 Peress li qegħdin ngħixu f’dan iż-​żmien eċitanti, irridu noqogħdu attenti b’mod speċjali għall-​parir li ngħatajna bi mħabba f’​Rivelazzjoni 1:3: “Hieni min jaqra b’leħen għoli u dawk li jisimgħu l-​kliem taʼ din il-​profezija u josservaw dak li hemm miktub fiha; għax qorob iż-​żmien stabbilit.” Mela hu importanti li ‘naqraw b’leħen għoli,’ biex ‘nisimgħu l-​kliem taʼ din il-​profezija,’ u ‘nosservawh.’ Liema kliem għandna nosservaw, jiġifieri nobdu?

KUN ĊERT LI L-​QIMA TIEGĦEK TOGĦĠOB LIL ĠEĦOVA

5. Skont il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, għala l-​qima tagħna għandha togħġob lil Ġeħova?

5 Mill-​ewwel kapitlu tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni nitgħallmu li Ġesù jaf eżatt x’qed jiġri fil-​kongregazzjonijiet. (Riv. 1:12-​16, 20; 2:1) Dak li qal Ġesù lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri jagħti prova taʼ dan. Lil dawn il-​kongregazzjonijiet, Ġesù tahom direzzjoni speċifika biex jagħmlu ċert li l-​mod kif jaqdu lil Ġeħova jkun jogħġob Lilu. Din id-​direzzjoni tapplika wkoll għall-​poplu t’Alla llum. Dan x’jgħallimna? Il-​Mexxej tagħna, Kristu Ġesù, jaf sew jekk għandniex ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Ġesù jiggwidana u jipproteġina, u jara kollox. Hu jaf x’għandna nagħmlu biex Ġeħova jibqaʼ kuntent bina. Ġesù liema direzzjoni ta, u għala għandna nobduha llum?

6. (a) Skont il-​kliem taʼ Ġesù li nsibuh f’​Rivelazzjoni 2:3, 4, il-​kongregazzjoni f’Efesu liema problema kellha? (b) Dan x’jgħallimna?

6 Aqra Rivelazzjoni 2:3, 4M’għandniex nitilqu l-​imħabba li kellna għal Ġeħova fil-​bidu. Il-​messaġġ taʼ Ġesù lill-​Kristjani fil-​kongregazzjoni f’Efesu wera li huma baqgħu jissaportu u jaqdu lil Ġeħova minkejja l-​problemi li ffaċċjaw. Minkejja dan, l-​imħabba li kellhom għal Ġeħova kienet birdet. Għalhekk, biex jogħġbu lil Ġeħova kellhom jaħdmu biex jerġgħu jkabbru l-​imħabba tagħhom lejh. Bl-​istess mod, aħna llum irridu nagħmlu iktar milli nissaportu. Għandna nissaportu għal raġunijiet tajbin. Ġeħova ma jimpurtahx biss dak li nagħmlu, imma wkoll għala nagħmluh. Ir-​raġuni għala nagħmlu l-​affarijiet hija importanti għalih għax hu jrid li naqduh għax inħobbuh u għax napprezzaw dak li għamel għalina.—Prov. 16:2; Mk. 12:29, 30.

7. (a) Skont Rivelazzjoni 3:1-​3, Ġesù liema problema ra fil-​kongregazzjoni f’Sardi? (b) X’għandna nagħmlu?

7 Aqra Rivelazzjoni 3:1-​3. Irridu nibqgħu mqajmin u għassa. L-​aħwa fil-​kongregazzjoni f’Sardi kellhom problema differenti. Minkejja li fil-​passat kienu qdew lil Ġeħova, huma ma baqgħux jagħmlu dan. Kien għalhekk li Ġesù qalilhom biex jistenbħu. X’inhi t-​twissija għalina? Huwa vera li Ġeħova mhux se jinsa dak li għamilna għalih. (Ebr. 6:10) Imma m’għandniex naħsbu li għax fil-​passat qdejnieh b’żelu, issa m’għandniex għalfejn inkomplu naqduh bl-​istess mod. Minkejja li forsi issa m’għadniex nistgħu nagħmlu daqs qabel, għandna nibqgħu żelużi “fix-​xogħol tal-​Mulej” u nibqgħu għassa sal-​aħħar.—1 Kor. 15:58; Mt. 24:13; Mk. 13:33.

8. X’lezzjoni nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù lill-​aħwa f’Laodiċija?

8 Aqra Rivelazzjoni 3:15-​17. Irridu nibqgħu żelużi u naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Il-​messaġġ taʼ Ġesù lill-​Kristjani f’Laodiċija juri li kellhom problema differenti. Ġesù qalilhom li kienu ‘fitlin’ fil-​qima tagħhom. Minħabba li kienu tilfu l-​interess, Ġesù qalilhom li kienu fi stat “miżerabbli” u tal-​biki. Huma kellhom bżonn juru ħafna żelu għal Ġeħova u l-​qima tiegħu. (Riv. 3:19) Dan x’jgħallimna? Jekk m’għadniex żelużi daqs kemm konna, irridu napprezzaw iktar l-​affarijiet tajbin li Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu jipprovdulna. (Riv. 3:18) Qatt m’għandna naħdmu iebes biex ngħixu ħajja komda issa, u mbagħad nittraskuraw il-​qima tagħna għal Ġeħova.

9. Liema periklu għandna nevitaw skont dak li qal Ġesù lill-​aħwa f’Pergamu u Tjatira?

9 M’għandniex naċċettaw it-​tagħlim tal-​apostati. Ġesù kkundanna lil xi wħud f’Pergamu li kienu qed idaħħlu ċerti ideat fost l-​aħwa u minħabba dan ġabu l-​firda. (Riv. 2:14-​16) Hu faħħar lil dawk fi Tjatira li evitaw l-​“affarijiet profondi taʼ Satana,” u inkuraġġiehom biex ‘iżommu sod’ mal-​verità. (Riv. 2:24-​26) Kristjani li kellhom fidi dgħajfa u ħallew tagħlim falz jeffettwahom kellhom juru dispjaċir kbir għal dak li għamlu. Xi ngħidu għalina llum? M’għandna qatt naċċettaw tagħlim li jmur kontra dak li jgħid Ġeħova. L-​apostati jaf għandhom “għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-​fatti l-​qawwa tagħha.” (2 Tim. 3:5) Meta nkunu studenti tajbin tal-​Bibbja, se jkun iktar faċli għalina biex nagħrfu u ma naċċettawx tagħlim falz.—2 Tim. 3:14-​17; Ġuda 3, 4.

10. X’lezzjoni oħra nistgħu nitgħallmu minn dak li Ġesù qal lill-​kongregazzjonijiet f’Pergamu u fi Tjatira?

10 M’għandna nagħmlu jew naċċettaw l-​ebda tip taʼ immoralità. L-​aħwa f’Pergamu u fi Tjatira kellhom problema oħra. Fil-​kongregazzjonijiet kien hemm uħud li kienu qed jagħmlu jew jaċċettaw affarijiet li Ġeħova jobgħod. Imma Ġesù kkundannahom għal dan. (Riv. 2:14, 20) Dan x’jgħallimna? Ma nistgħux nippretendu li Ġeħova jagħlaq għajnejh jekk qed nieħdu sehem f’xi affarijiet immorali, anki jekk ilna naqduh għal ħafna snin jew bħalissa għandna ħafna privileġġi. (1 Sam. 15:22; 1 Pt. 2:16) Hu jistenna li aħna nżommu mal-​livelli għoljin tiegħu avolja l-​livelli tad-​dinja spiċċaw.—Efes. 6:11-​13.

11. X’tgħallimna s’issa? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Lezzjonijiet Għalina Llum.”)

11 X’tgħallimna s’issa? Rajna kemm hu importanti li l-​qima tagħna tkun togħġob lil Ġeħova. Jekk qed nagħmlu xi ħaġa li biha Ġeħova ma jaċċettax il-​qima tagħna, issa rridu nagħmlu l-​bidliet li hemm bżonn. (Riv. 2:5, 16; 3:3, 16) Però, Ġesù, fil-​messaġġ tiegħu lill-​kongregazzjonijiet, semma xi ħaġ’oħra. X’inhi?

KUN LEST LI TISSAPORTI L-​PERSEKUZZJONI

Wara li Satana ġie mkeċċi mis-​sema, kif attakka lill-​poplu t’Alla? (Ara paragrafi 12-16)

12. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li qal Ġesù lill-​aħwa fi Żmirna u Filadelfja? (Rivelazzjoni 2:10)

12 Ejja nikkunsidraw il-​kliem li qal Ġesù lill-​kongregazzjonijiet fi Żmirna u Filadelfja. Hu qal lill-​Kristjani t’hemmhekk li ma kellhomx għalfejn jibżgħu mill-​persekuzzjoni għax jekk huma jibqgħu leali, Ġeħova kien se jippremjahom. (Aqra Rivelazzjoni 2:10; 3:10) Dan x’jgħallimna? Persekuzzjoni se jkollna żgur u aħna għandna nkunu lesti li nissaportuha. (Mt. 24:9, 13; 2 Kor. 12:10) Għala din it-​tfakkira hija importanti?

13-14. Minħabba l-​ġrajjiet li jissemmew f’​Rivelazzjoni kapitlu 12, in-​nies t’Alla kif ġew affettwati?

13 Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jurina li l-​poplu t’Alla kellu jkun ippersegwitat “f’jum il-​Mulej”—iż-​żmien li qed ngħixu fih bħalissa. Rivelazzjoni kapitlu 12 isemmi gwerra li kien hemm fis-​sema eżatt wara li Ġesù sar Sultan. Mikiel, li hu Ġesù Kristu meta reġaʼ telaʼ fis-​sema, u l-​anġli tiegħu ġġieldu kontra Satana u d-​demonji. (Riv. 12:7, 8) B’hekk, l-​għedewwa t’Alla tilfu din il-​ġlieda u ġew mitfugħin ’l isfel lejn l-​art fejn qed iġibu ħafna tbatija lill-​bnedmin. (Riv. 12:9, 12) Imma dan kif affettwa lin-​nies t’Alla?

14 Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jkompli jgħidilna x’qed jagħmel Satana. Hu ma jistax jerġaʼ jmur fis-​sema, u għalhekk qed jattakka l-​midlukin taʼ Ġeħova li qegħdin fuq l-​art. Dawn l-​uħud jirrappreżentaw is-​Saltna t‘Alla u qed jagħtu xhieda dwar Ġesù. (Riv. 12:17; 2 Kor. 5:20; Efes. 6:19, 20) Din il-​profezija kif qed titwettaq?

15. Iż-​“żewġ xhieda” li jissemmew f’​Rivelazzjoni kapitlu 11 lil min jirrappreżentaw u xi ġralhom?

15 Satana ġiegħel lill-​għedewwa t’Alla jattakkaw lill-​midlukin li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar. Dawn l-​irġiel ġew rappreżentati miż-​“żewġ xhieda” msemmijin fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, li mbagħad ġew maqtulin. * (Riv. 11:3, 7-​11) Fl-​1918, tmienja mill-​aħwa li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fl-​organizzazzjoni kienu akkużati b’mod falz u weħlu l-​ħabs għal ħafna snin. Ħafna nies ħasbu li x-​xogħol taʼ dawn il-​midlukin kien spiċċa.

16. X’ġara f’Marzu tal-​1919, imma Satana x’kompla jagħmel minn dak iż-​żmien ’l hawn?

16 Il-​profezija li nsibu f’​Rivelazzjoni kapitlu 11 uriet ukoll li ż-​“żewġ xhieda” kienu se jerġgħu jieħdu l-​ħajja fi żmien qasir. Din il-​profezija twettqet b’mod mhux mistenni f’inqas minn sena wara li dawn l-​aħwa kienu spiċċaw fil-​ħabs. F’Marzu tal-​1919, dawk l-​aħwa midlukin ġew meħlusin mill-​ħabs, u iktar tard il-​kawżi li kien hemm kontrihom waqgħu. Huma mill-​ewwel reġgħu ħadu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim. Imma dan ma waqqafx lil Satana milli jattakka lin-​nies t’Alla. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, Satana kkaġuna “xmara” taʼ persekuzzjoni kontra l-​qaddejja t’Alla. (Riv. 12:15) Mhux taʼ b’xejn li lkoll kemm aħna għandna bżonn “is-​sabar u l-​fidi.”—Riv. 13:10.

AGĦMEL L-​AĦJAR TIEGĦEK FIX-​XOGĦOL LI TANA ĠEĦOVA

17. Il-​poplu t’Alla liema għajnuna li ma kienx qed jistenna rċieva, minkejja li kien fil-​mira taʼ Satana?

17 Rivelazzjoni kapitlu 12 imbagħad juri li n-​nies t’Alla kienu se jirċievu għajnuna mingħand xi ħadd li ma kinux qed jistennew. Dan kien se jkun bħallikieku “l-​art fetħet ħalqha u belgħet ix-​xmara” taʼ persekuzzjoni. (Riv. 12:16) U dan hu eżatt dak li ġara. Ġieli, partijiet iktar stabbiliti fid-​dinja taʼ Satana, bħal ċertu qrati, qabżu għan-​nies t’Alla. U ħafna drabi, il-​qaddejja taʼ Ġeħova rebħu kawżi fil-​qorti u dan tahom ftit libertà. Kif użaw din il-​libertà? Huma użaw il-​ħin tagħhom b’mod tajjeb biex jagħmlu x-​xogħol li tahom Ġeħova. (1 Kor. 16:9) Dan ix-​xogħol x’jinkludi?

Il-poplu t’Alla liema żewġ messaġġi qed jipprietka? (Ara paragrafi 18-19)

18. Liema hu l-​iktar xogħol importanti li għandna nagħmlu matul dawn l-​aħħar jiem?

18 Ġesù pprofetizza li n-​nies tiegħu kienu se jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​Saltna [t’Alla]” mad-​dinja kollha qabel jiġi t-​tmiem. (Mt. 24:14) Waqt li kienu se jkunu qed jagħmlu dan, huma kienu se jirċievu l-​għajnuna minn xi anġlu, jew grupp taʼ anġli, fejn il-​Bibbja tgħid li għandu “aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-​art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.”—Riv. 14:6.

19. Dawk li jħobbu lil Ġeħova, x’messaġġ ieħor għandhom jippritkaw?

19 L-​aħbar tajba tas-​Saltna mhix l-​uniku messaġġ li l-​poplu t’Alla għandu jipprietka. Huma għandhom jgħinu wkoll fix-​xogħol li qed jagħmlu l-​anġli li jissemmew f’​Rivelazzjoni kapitli 8 sa 10. Dawn l-​anġli jagħtu twissija dwar l-​inkwiet kbir li se jiffaċċjaw dawk li ma jaċċettawx is-​Saltna t’Alla. Hu għalhekk li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ilhom jippritkaw messaġġ taʼ ġudizzju li huwa mqabbel maʼ “silġ u nar,” u li jispjega l-​ġudizzju t’Alla kontra s-​sistema ħażina taʼ Satana. (Riv. 8:7, 13) In-​nies għandhom bżonn ikunu jafu li t-​tmiem hu qrib ħalli jagħmlu l-​bidliet li hemm bżonn f’ħajjithom u jsalvaw f’jum ir-​rabja taʼ Ġeħova. (Sof. 2:2, 3) Imma dan il-​messaġġ, in-​nies mhux qed jieħdu pjaċir bih. Għalhekk, għandna bżonn il-​kuraġġ. Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, l-​aħħar messaġġ taʼ ġudizzju li se nippritkaw se jkun ħafna iktar dirett.—Riv. 16:21.

OBDI L-​KLIEM TAL-​PROFEZIJA

20. X’se nikkunsidraw fiż-​żewġ artikli li ġejjin?

20 Kemm hu importanti li nobdu “l-​kliem taʼ din il-​profezija” għax aħna nagħmlu parti mit-​twettiq taʼ dak li naqraw fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. (Riv. 1:3) Imma kif nistgħu nissaportu l-​persekuzzjoni bil-​lealtà u nkomplu nippritkaw bil-​kuraġġ? B’żewġ affarijiet: l-​ewwel, b’dak li l-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jgħidilna dwar l-​għedewwa t’Alla u, it-​tieni, bil-​barkiet li se nirċievu fil-​futur jekk nibqgħu leali. Dawn iż-​żewġ suġġetti se nikkunsidrawhom fiż-​żewġ artikli li ġejjin.

GĦANJA 32 Żomm int maʼ Ġeħova!

^ Aħna qed ngħixu fi żmien eċitanti! Profeziji li nsibu fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni qed jitwettqu llum. Dawn il-​profeziji kif jaffettwawna? Dan l-​artiklu u t-​tnejn taʼ warajh ħa jiddiskutu xi punti mill-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. Dawn se juruna kif aħna nistgħu naqdu lil Ġeħova bil-​mod kif jogħġob lilu billi nobdu l-​affarijiet li hemm miktubin f’dan il-​ktieb.

^ Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru 2014, p. 30.