Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 22

Liema Għerf Jistaʼ Jgħinek f’Ħajtek?

Liema Għerf Jistaʼ Jgħinek f’Ħajtek?

“Ġeħova jagħti l-​għerf.”—PROV. 2:6.

GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Għala lkoll kemm aħna għandna bżonn l-​għerf t’Alla? (Proverbji 4:7)

 JEKK xi darba kellek bżonn tieħu deċiżjoni importanti żgur li tlabt għall-​għerf, għax kont taf li għandek bżonnu. (Ġak. 1:5) Is-​Sultan Salamun kiteb: “L-​għerf hu l-​aqwa ħaġa.” (Aqra Proverbji 4:7.) Bla dubju, Salamun kien qed jitkellem dwar għerf uniku, dak li jiġi mingħand Ġeħova. (Prov. 2:6) Imma l-​għerf t’Alla jistaʼ jgħinna fil-​problemi li niffaċċjaw illum? Dażgur li jistaʼ, u f’dan l-​artiklu hekk se naraw.

2. X’jistaʼ jgħinna jkollna iktar għerf?

2 Mod wieħed kif ikollna iktar għerf hu billi nistudjaw u napplikaw it-​tagħlim taʼ żewġ irġiel li kellhom ħafna għerf. L-​ewwel, se nitkellmu dwar Salamun. Il-​Bibbja tgħid li “Alla baqaʼ jagħti lil Salamun ħafna għerf u abbiltà li jifhem.” (1 Slat. 4:29) Imbagħad se nitkellmu dwar Ġesù, l-​iktar bniedem għaref li qatt eżista. (Mt. 12:42) Dwaru l-​Bibbja bassret: “Fuqu jrid jistrieħ l-​ispirtu taʼ Ġeħova, l-​ispirtu taʼ l-​għerf u taʼ l-​abbiltà li jifhem.”—Is. 11:2.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Alla ta l-​għerf lil Salamun u lil Ġesù biex jagħtuna pariri tajbin dwar affarijiet importanti. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw tlieta minnhom. Se naraw kemm hu importanti li jkollna ħarsa bilanċjata lejn il-​flus, ix-​xogħol, u tagħna nfusna.

ĦARSA BILANĊJATA LEJN IL-​FLUS

4. Il-​ħajja taʼ Salamun u Ġesù kif kienet differenti?

4 Salamun kien sinjur ħafna u kien jgħix f’dar komda u lussuża. (1 Slat. 10:7, 14, 15) Mill-​banda l-​oħra, Ġesù kellu ftit affarijiet materjali u lanqas kellu dar tiegħu. (Mt. 8:20) Però, it-​tnejn li huma kellhom ħarsa bilanċjata lejn l-​affarijiet materjali għax l-​għerf tagħhom kien ġej mingħand Alla Ġeħova.

5. Salamun kif kellu ħarsa bilanċjata lejn il-​flus?

5 Salamun qal li l-​flus huma “protezzjoni.” (Ekk. 7:12) Jekk ikollna l-​flus, nistgħu nixtru l-​affarijiet li jkollna bżonn u xi affarijiet li nixtiequ. Imma, minkejja li Salamun kien sinjur ħafna, hu fehem li hemm affarijiet iktar importanti mill-​flus. Pereżempju, hu kiteb: “Aħjar jintgħażel isem tajjeb [jiġifieri, reputazzjoni tajba] minflok ħafna rikkezzi.” (Prov. 22:1) Salamun innota wkoll li dawk in-​nies li jħobbu l-​flus ħafna drabi ma jkunux kuntenti. (Ekk. 5:10, 12) U hu wissiena biex noqogħdu attenti u ma naħsbux li l-​flus huma l-​iktar ħaġa importanti għax il-​flus malajr jistgħu jispiċċaw.—Prov. 23:4, 5.

Il-​ħarsa tagħna lejn l-​affarijiet materjali qed tagħmilhielna diffiċli biex nagħmlu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel f’ħajjitna? (Ara paragrafi 6-7) *

6. Ġesù kif kellu ħarsa bilanċjata lejn l-​affarijiet materjali? (Mattew 6:31-​33)

6 Ġesù kellu ħarsa bilanċjata lejn l-​affarijiet materjali. Hu kien jieħu pjaċir jixrob u jiekol. (Lq. 19:2, 6, 7) Infatti, l-​ewwel miraklu tiegħu kien meta biddel l-​ilma fi nbid tal-​aqwa kwalità. (Ġw. 2:10, 11) U dakinhar li miet, il-​Bibbja tgħid li hu kien liebes libsa li tiswa l-​flus. (Ġw. 19:23, 24) Imma Ġesù ma ħalliex l-​affarijiet materjali jsiru l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien . . . Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” (Mt. 6:24) Ġesù għallimna li jekk inpoġġu s-​Saltna l-​ewwel, Ġeħova żgur se jagħtina dak li jkollna bżonn.—Aqra Mattew 6:31-​33.

7. Daniel x’barkiet gawda minħabba li kellu ħarsa bilanċjata lejn il-​flus?

7 Ħafna aħwa bbenefikaw minħabba li applikaw il-​pariri tajbin taʼ Ġeħova dwar il-​flus. Aħseb dwar l-​eżempju taʼ ħu single jismu Daniel. Hu jgħid: “Meta kont żgħir iddeċidejt li l-​iktar ħaġa importanti għalija kellha tkun li naqdi lil Ġeħova.” Minħabba li għex ħajja sempliċi, Daniel kellu l-​opportunità li jgħin fejn seħħew diżastri u anki jaqdi f’Betel. Hu jkompli jgħid: “Onestament nistaʼ ngħid li qatt ma ddispjaċieni mid-​deċiżjoni li ħadt. Vera, kieku l-​flus kienu l-​iktar ħaġa importanti għalija stajt naqlaʼ ħafna iktar. Imma kieku m’għandix il-​ħbieb li għandi llum. Il-​fatt li qed inpoġġi x-​xogħol taʼ Ġeħova fl-​ewwel post f’ħajti jġibli ħafna ferħ. Ġeħova tani ħafna iktar ferħ milli setgħu jagħtuni l-​flus.” Mela nistgħu naraw li meta niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu għal Ġeħova, u mhux fuq il-​flus, se jkollna ħafna barkiet.

ĦARSA BILANĊJATA LEJN IX-​XOGĦOL

8. Kif nafu li Salamun kellu ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol? (Ekkleżjasti 5:18, 19)

8 Salamun qal li xogħol iebes jistaʼ jagħti ħafna ferħ u sejjaħlu rigal mingħand Alla. (Aqra Ekkleżjasti 5:18, 19.) Hu qal li x-​xogħol iebes jagħmlilna tajjeb. (Prov. 14:23) Salamun kien jaf li dan il-​kliem hu veru. Infatti hu bena djar, ħawwel għelieqi tad-​dwieli, għamel ġonna, u anki bena bliet. (1 Slat. 9:19; Ekk. 2:4-​6) Dan juri li hu ħadem iebes, u bla dubju ħassu ferħan. Imma Salamun kien jaf li biex ikun vera ferħan kellu bżonn jagħmel iktar minn hekk. Hu għamel ukoll ħafna affarijiet għal Ġeħova. Pereżempju, hu ħa ħsieb il-​bini sabiħ tat-​tempju taʼ Ġeħova, proġett li dam għaddej sebaʼ snin. (1 Slat. 6:38; 9:1) Wara li Salamun għamel ħafna affarijiet, hu nduna li l-​iktar ħaġa importanti kienet li jaqdi lil Ġeħova. Hu kiteb: “Il-​konklużjoni taʼ dan, wara li nstemaʼ kollox, hi: Ibżaʼ mill-​Alla l-​veru u ħares il-​kmandamenti tiegħu.”—Ekk. 12:13.

9. Ġesù kif qagħad attent li x-​xogħol ma jkunx l-​iktar ħaġa importanti għalih?

9 Ġesù kien jaħdem iebes. Meta kien għadu żgħir, kien jaħdem bħala mastrudaxxa. (Mk. 6:3) Il-​ġenituri żgur li apprezzaw l-​għajnuna li tahom biex immantnu l-​familja kbira tagħhom. U min jaf kemm kien jagħmel xogħol sabiħ peress li hu kien perfett. Bla dubju, ħafna nies riedu li jaħdmilhom hu! X’aktarx li Ġesù kien jieħu pjaċir, imma minkejja li kellu x-​xogħol hu dejjem ra li jkollu l-​ħin biex jagħmel l-​affarijiet taʼ Ġeħova. (Ġw. 7:15) Iktar tard, meta x-​xogħol full-​time tiegħu sar l-​ippritkar, lid-​dixxipli tiegħu qalilhom: “Taħdmux għall-​ikel li jintemm imma għall-​ikel li jibqaʼ għall-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:27) U fil-​Prietka taʼ Fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Aħżnu teżori fis-​sema.”—Mt. 6:20.

Kif nistgħu nżommu bilanċ bejn ix-​xogħol u l-​affarijiet spiritwali? (Ara paragrafi 10-11) *

10. Jekk inkunu ħaddiema beżlin, minn xiex irridu noqogħdu attenti?

10 L-​għerf taʼ Ġeħova se jgħinna jkollna ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol. Bħala Kristjani, aħna niġu mgħallmin biex naħdmu iebes u nagħmlu xogħolna tajjeb. (Efes. 4:28) Spiss, l-​imgħallmin tagħna jindunaw li aħna onesti u beżlin u jaf jgħidulna li japprezzaw ix-​xogħol tagħna. Dan jistaʼ jġegħelna naħdmu iktar biex nagħtu xhieda tajba. Però, jekk jiġri hekk jaf ma jibqgħalniex ħin biżżejjed għall-​familja u biex naqdu lil Ġeħova. Għalhekk, jaf ikollna nagħmlu l-​bidliet li jkun hemm bżonn biex insibu bilanċ bejn ix-​xogħol u l-​affarijiet importanti.

11. William kif tgħallem ikollu ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol?

11 Ħu żagħżugħ jismu William fehem x’jiġifieri li persuna jkollha ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol. Hu jgħid hekk dwar anzjan li kien l-​imgħallem tiegħu: “Dan il-​ħu hu t’eżempju tajjeb ħafna. Hu jaħdem iebes, u n-​nies jieħdu pjaċir jixtru mingħandu għax għandu xogħol tajjeb. Imma fl-​aħħar tal-​ġurnata, meta jkun lesta x-​xogħol, hu kapaċi jinsa x-​xogħol u jiffoka fuq il-​familja u l-​affarijiet spiritwali. U taf xiex? Hu wieħed mill-​iktar persuni kuntenti li naf!” *

ĦARSA BILANĊJATA TAGĦNA NFUSNA

12. Fil-​bidu tat-​tmexxija tiegħu, Salamun kif kellu ħarsa bilanċjata tiegħu nnifsu, imma mbagħad xi ġralu?

12 Meta Salamun kien qaddej leali taʼ Ġeħova, hu kellu ħarsa bilanċjata tiegħu nnifsu. Bħala żagħżugħ, hu rrealizza li ma kienx jaf jagħmel kollox, u għalhekk talab għall-​gwida taʼ Ġeħova. (1 Slat. 3:7-​9) Meta beda jmexxi, Salamun kien jaf li l-​kburija hi taʼ periklu. Hu kiteb: “Qabel tisbita jkun hemm il-​kburija, u qabel it-​tfixkil ikun hemm spirtu supperv.” (Prov. 16:18) B’dispjaċir, iktar tard Salamun ma applikax dak li qal hu stess. Maż-​żmien, hu sar kburi u ma baqax jobdi lil Ġeħova. Pereżempju, waħda mil-​liġijiet kienet tgħid li sultan Lhudi “m’għandux ikollu ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx” minn Ġeħova. (Dt. 17:17) Salamun m’obdiex din il-​liġi u maż-​żmien kellu 700 mara u 300 konkubina, li ħafna minnhom ma kinux jaqdu lil Ġeħova! (1 Slat. 11:1-​3) Forsi Salamun ħaseb li dan mhux taʼ periklu għalih. Imma iktar tard hu bata l-​konsegwenzi minħabba li m’obdiex lil Ġeħova.—1 Slat. 11:9-​13.

13. X’nistgħu nitgħallmu mill-​umiltà taʼ Ġesù?

13 Ġesù b’umiltà żamm ħarsa bilanċjata tiegħu nnifsu. Qabel ġie fuq l-​art, Ġesù qeda lil Ġeħova billi għamel ħafna affarijiet tal-​għaġeb. Permezz taʼ Ġesù, “inħolqu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha fis-​smewwiet u fuq l-​art.” (Kol. 1:16) Fil-​magħmudija, Ġesù ftakar fl-​affarijiet li għamel meta kien ma’ Missieru. (Mt. 3:16; Ġw. 17:5) Imma Ġesù ma sarx kburi meta ftakar f’dawn l-​affarijiet. Infatti hu qatt m’għamel xi ħaġa biex juri li hu aħjar minn oħrajn. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu li meta ġie fuq l-​art, “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Hu qal ukoll li ma setaʼ jagħmel xejn minn jeddu. (Ġw. 5:19) Kemm kien umli! X’eżempju mill-​aqwa li għandna nimitaw.

14. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġesù dwar li jkollna ħarsa bilanċjata tagħna nfusna?

14 Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex ikollhom ħarsa bilanċjata tagħhom infushom. Darba waħda, Ġesù qalilhom: “Ix-​xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud.” (Mt. 10:30) Dan il-​kliem jinkuraġġina ħafna, speċjalment jekk għandna ħarsa negattiva tagħna nfusna. Dan ifisser li Missierna tas-​sema jimpurtah ħafna minna għax aħna prezzjużi għalih. Jekk Ġeħova jħallina nkunu parti mill-​familja tiegħu u jaħseb li jixirqilna nkunu fid-​dinja l-​ġdida, m’għandniex naħsbu li hu żbaljat.

Jekk ma jkollniex ħarsa bilanċjata tagħna nfusna, liema barkiet u opportunitajiet nistgħu nitilfu? (Ara paragrafu 15) *

15. (a) It-​Torri tal-​Għassa x’parir tana? (b) Bħalma naraw fl-​istampi f’paġna 24, jekk inkunu ffokati żżejjed fuqna nfusna, liema barkiet nistgħu nitilfu?

15 Madwar 15-​il sena ilu, It-​Torri tal-​Għassa qal hekk dwar kif ikollna ħarsa bilanċjata tagħna nfusna: “Ċertament, aħna ma rridux naħsbu żżejjed dwarna nfusna sal-​punt li nsiru kburin; lanqas ma rridu mmorru fl-​estrem l-​ieħor u nħossu li ma niswew għalxejn. Minflok, il-​mira tagħna għandha tkun li nikkultivaw ħarsa bilanċjata, waħda li tikkunsidra kemm il-​kapaċitajiet kif ukoll il-​limitazzjonijiet tagħna. Mara Kristjana esprimiet lilha nfisha b’dan il-​mod: ‘Jien m’iniex persuna ħażina; lanqas ma jien superjuri għall-​oħrajn. Bħal kulħadd, għandi kemm it-​tajjeb kif ukoll il-​ħażin.’” * Dan jurina b’mod ċar kemm hu tajjeb li jkollna ħarsa bilanċjata tagħna nfusna.

16. Ġeħova għala jagħtina l-​għerf tiegħu?

16 Peress li jħobbna u jridna nkunu ferħanin, Ġeħova jagħtina l-​għerf permezz tal-​Kelma tiegħu. (Is. 48:17, 18) L-​aqwa deċiżjoni li nistgħu nieħdu u li se tagħmilna ferħanin hi li nkomplu nagħmlu l-​affarijiet li jferrħu lil Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk se nevitaw ħafna problemi li jkollhom dawk li jiffokaw iżżejjed fuq il-​flus, fuq ix-​xogħol, jew fuqhom infushom. Ejja nkunu determinati li nużaw l-​għerf li jagħtina Ġeħova ħalli nferrħulu qalbu!—Prov. 23:15.

GĦANJA 94 Grati għall-​Kelma t’Alla

^ Salamun u Ġesù kellhom ħafna għerf. Dan l-​għerf tahulhom Alla Ġeħova. F’dan l-​artiklu se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​pariri li nsibu fil-​Bibbja li tawna kemm Salamun kif ukoll Ġesù biex ikollna ħarsa bilanċjata lejn il-​flus, ix-​xogħol, u tagħna nfusna. Se naraw ukoll kif ħutna bbenefikaw meta applikaw dak li tgħallmu mill-​Bibbja.

^ Ara l-​artiklu “How to Enjoy Hard Work” f’It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Frar 2015.

^ Ara l-​artiklu “Il-​Bibbja Tistaʼ Tgħinek Issib l-​Hena” f’It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 t’Awwissu 2005.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: John u Tom huma żewġ aħwa żgħażagħ li qegħdin fl-​istess kongregazzjoni. John moħħu fil-​karozza tiegħu. Tom juża l-​karozza tiegħu biex iwassal lil oħrajn fuq il-​ministeru u l-​laqgħat.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: John qed jaħdem overtime. Hu ma jridx jiddiżappunta lill-​imgħallem tiegħu. Għalhekk, kull darba li l-​imgħallem ikun iridu jagħmel l-​overtime, hu jaċċetta. Dakinhar filgħaxija, Tom, li hu qaddej ministerjali, imur jagħmel żjara m’anzjan ieħor. Tom kien spjega lill-​imgħallem tiegħu li hu mhux dejjem ikun jistaʼ jagħmel l-​overtime biex b’hekk jagħmel ix-​xogħol taʼ Ġeħova.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: John moħħu fih innifsu. Tom ipoġġi lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajtu, u b’hekk għamel ħafna ħbieb ġodda għax għen biex isir xi xogħol f’Sala tal-​Assemblea.