Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kanta bil-ferħ!

Kanta bil-ferħ!

“Tajjeb li ngħannu [tifħir] lil Alla tagħna.”—SALM 147:1.

GĦANJIET: 9, 138

1. Il-​kant x’jgħinna nagħmlu?

AWTUR tal-​kanzunetti famuż darba qal: “Il-​kliem iġiegħlek taħseb. Il-​mużika ġġiegħlek tħoss. Imma l-​kliem mal-​mużika jmissulek qalbek.” L-​għanjiet tagħna jesprimu tifħir u mħabba għal Missierna tas-​sema, Ġeħova. Huma jġegħluna nħossuna eqreb lejh. Mela, huwa faċli nifhmu għala l-​kant għandu rwol tant importanti fil-​qima pura, kemm jekk inkantaw waħedna u kemm jekk flimkien maʼ ħutna.

2, 3. (a) Uħud kif għandhom mnejn iħossuhom dwar li jkantaw b’leħen għoli mal-​kongregazzjoni? (b) X’mistoqsijiet se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Iżda, kif tħossok dwar li tkanta b’leħen għoli mal-​kongregazzjoni? Tistħi tagħmel dan? F’xi kulturi, l-​irġiel għandhom mnejn iħossuhom skomdi jkantaw quddiem oħrajn. Din l-​attitudni jistaʼ jkollha effett negattiv fuq il-​kongregazzjoni kollha, speċjalment jekk l-​anzjani jżommu lura milli jkantaw jew jekk ikunu medhijin f’attivitajiet oħra matul l-​għanjiet.—Salm 30:12.

3 Il-​kant huwa parti mill-​qima tagħna lil Ġeħova. Allura, żgur li ma rridux noħorġu minn postna waqt l-​għanja jew nitilfu dik il-​parti tal-​laqgħa. B’hekk, għandna lkoll nistaqsu lilna nfusna: ‘Kif inħossni dwar li nkanta fil-​laqgħat? X’nistaʼ nagħmel jekk inżomm lura milli nkanta quddiem oħrajn? U kif nistaʼ nħoss dak li nkanta?ʼ

IL-​KANT HU PARTI ESSENZJALI MILL-​QIMA VERA

4, 5. X’kienu l-​arranġamenti għall-​kant fit-​tempju f’Iżrael tal-​qedem?

4 Matul l-​istorja, aduraturi taʼ Ġeħova użaw il-​mużika biex ifaħħruh. Taʼ interess, meta l-​Iżraelin kienu leali lejn Ġeħova, il-​kant kien parti importanti mill-​qima tagħhom. Pereżempju, meta David għamel il-​preparazzjonijiet għat-​tempju, hu organizza 4,000 Levita biex ifaħħru lil Ġeħova bil-​mużika. Minn dawn, 288 kienu “mħarrġin fil-​kant lil Ġeħova, ilkoll esperti.”—1 Kronaki 23:5; 25:7.

5 Il-​mużika u l-​kant kienu parti importanti wkoll mid-​dedikazzjoni tat-​tempju. Il-​Bibbja tgħidilna: “U ġara li malli t-​trumbettieri u l-​għannejja bħala ħaġa waħda bdew isemmgħu ħoss wieħed biex ifaħħru u jirringrazzjaw lil Ġeħova, u malli bdew jinstemgħu t-​trumbetti u ċ-​ċimbali u l-​istrumenti li jakkumpanjaw il-​kant u t-​tifħir lil Ġeħova, . . . il-​glorja taʼ Ġeħova mliet id-​dar taʼ l-​Alla l-​veru.” Immaġina kemm din l-​okkażjoni żgur li saħħet il-​fidi tal-​Iżraelin!—2 Kronaki 5:13, 14; 7:6.

6. X’arranġamenti għall-​mużika u l-​kant għamel Neħemija meta kien il-​gvernatur taʼ Ġerusalemm?

6 Neħemija, li organizza lill-​Iżraelin biex jerġgħu jibnu s-​swar taʼ Ġerusalemm, organizza wkoll lil-​Leviti biex ikantaw u jdoqqu. Il-​kant u d-​daqq tagħhom żied mal-​ferħ tad-​dedikazzjoni tas-​swar. Neħemija kien ħatar “żewġ korijiet kbar għar-​radd il-​ħajr.” Il-​korijiet imxew fuq is-​swar tal-​belt f’direzzjonijiet opposti sakemm iltaqgħu fuq is-​sur li kien l-​iżjed qrib tal-​inħawi tat-​tempju. Il-​ħoss li għamlu tant kien qawwi li n-​nies setgħu jisimgħuh mill-​bogħod. (Neħemija 12:27, 28, 31, 38, 40, 43) Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova ħa pjaċir jismaʼ lill-​aduraturi tiegħu jkantawlu għanjiet taʼ tifħir b’entużjażmu.

7. Ġesù kif wera li l-​kant kien se jkun parti essenzjali mill-​qima Kristjana?

7 Fi żmien Ġesù, il-​mużika kompliet tkun parti essenzjali mill-​qima vera. Aħseb dwar x’ġara fl-​iktar lejla importanti tal-​istorja umana. Wara li Ġesù stabbilixxa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej mad-​dixxipli tiegħu, huma lkoll kantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova.—Aqra Mattew 26:30.

8. Il-​Kristjani tal-​bidu kif tawna eżempju f’li nfaħħru lil Alla bl-​għanjiet?

8 Il-​Kristjani tal-​bidu tawna eżempju tajjeb f’li nfaħħru lil Alla bl-​għanjiet. Għalkemm ma kinux imorru f’tempju biex iqimu lil Ġeħova bħall-​Iżraelin, huma kienu jiltaqgħu fi djar privati. Dawn id-​djar ma kinux sbieħ u impressjonanti daqs it-​tempju, iżda l-​aħwa xorta kantaw b’żelu. Infatti, l-​appostlu Pawlu qal lil ħutu Kristjani: “Komplu għallmu u widdbu lil xulxin b’salmi, tifħir lil Alla, għanjiet spiritwali b’radd il-​ħajr.” (Kolossin 3:16) Aħna għandna nkantaw l-​“għanjiet spiritwali” mill-​ktieb tal-​għanjiet tagħna b’qalb mimlija gratitudni lil Ġeħova. Huma parti mill-​“ikel fiż-​żmien xieraq” li “l-​ilsir leali u għaqli” jipprovdilna.—Mattew 24:45.

KIF TISTAʼ TKUN KUNFIDENTI META TKANTA?

9. (a) Xi wħud għala forsi jżommu lura milli jkantaw bil-​ferħ fil-​laqgħat u l-​assembleat tagħna? (b) Kif għandna nkantaw l-​għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova, u min għandu jieħu t-​tmexxija? (Ara l-​ewwel stampa.)

9 Liema raġunijiet għandhom mnejn iżommuk lura milli tkanta? Forsi dan mhux komuni fil-​familja jew kultura tiegħek. Jew forsi tismaʼ kantanti professjonali fuq ir-​radju jew it-​televixin, u meta tqabbel il-​kant tiegħek maʼ tagħhom tħossok imbarazzat jew diżappuntat bil-​vuċi tiegħek. Iżda lkoll għandna r-​responsabbiltà li nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova. Allura żomm il-​ktieb tal-​għanjiet ’il fuq, għolli rasek, u kanta b’entużjażmu! (Esdra 3:11; aqra Salm 147:1.) Ħafna Swali tas-​Saltna llum għandhom skrins li juru l-​kliem tal-​għanjiet tagħna, u dan jistaʼ jgħinna nkantaw aħjar. Hu interessanti wkoll li l-​kant tal-​għanjiet tas-​Saltna issa hu parti mill-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna għall-​anzjani. Dan jenfasizza kemm hu importanti li l-​anzjani jieħdu t-​tmexxija fil-​kant waqt il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

10. X’għandna niftakru jekk nibżgħu nkantaw b’vuċi għolja?

10 Ħafna wħud jibżgħu jkantaw b’vuċi għolja għax jaħsbu li se jinstemgħu ħafna jew li m’għandhomx vuċi tajba. Madankollu, aħseb ftit. Aħna “lkoll nitfixklu ħafna drabi” meta nitkellmu, imma dan ma jwaqqafniex milli nitkellmu. (Ġakbu 3:2) Allura għala għandna nħallu l-​vuċijiet imperfetti tagħna jwaqqfuna milli nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova?

11, 12. Kif nistgħu ntejbu l-​kant tagħna?

11 Forsi nibżgħu nkantaw għax ma nafux kif inkantaw. Madankollu, hemm xi affarijiet sempliċi li nistgħu nagħmlu biex intejbu l-​kant tagħna. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

12 Int tistaʼ tkanta b’vuċi soda u għolja billi titgħallem kif tieħu n-​nifs sew. Bħalma l-​elettriku jagħti l-​enerġija lil bozza, in-​nifs tiegħek jagħti s-​saħħa lill-​vuċi tiegħek meta titkellem jew tkanta. Int għandek tkanta bl-​istess volum taʼ meta titkellem jew saħansitra iktar għoli minn hekk. (Ara s-​suġġerimenti mill-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, paġni 181 sa 184, taħt is-​sottitlu “Ħu Nifs Kif Suppost.”) Fil-​fatt, il-​Bibbja kultant tgħid lill-​aduraturi taʼ Ġeħova biex ‘jgħajtu bil-​ferħʼ meta jkantaw l-​għanjiet taʼ tifħir.—Salm 33:1-​3.

13. Spjega kif nistgħu nkantaw b’iżjed kunfidenza.

13 Matul il-​qima bħala familja jew waħdek, ipprova dan li ġej: Agħżel waħda mill-​għanjiet favoriti tiegħek mill-​ktieb tal-​għanjiet tagħna. Aqra l-​kliem tagħha b’vuċi għolja, soda, u kunfidenti. Imbagħad, waqt li tuża l-​istess volum, għid il-​kliem kollu minn frażi waħda f’nifs wieħed. Imbagħad, kanta l-​frażi u uża l-​istess vuċi soda. (Isaija 24:14) Il-​vuċi tal-​kant tiegħek se ssir iżjed b’saħħitha, u din hi xi ħaġa tajba. Tħallix il-​vuċi tiegħek tbeżżgħek jew iġġiegħlek tistħi!

14. (a) Il-​fatt li niftħu ħalqna iktar mis-​soltu kif se jtejjeb il-​kant tagħna? (Ara l-​kaxxa “ Kif ittejjeb il-​kant tiegħek.”) (b) Liema suġġerimenti biex tegħleb problemi tal-​vuċi ssib li jgħinuk?

14 Sabiex ikollok vuċi tal-​kant b’saħħitha, għandek bżonn tagħmel l-​ispazju f’ħalqek. Allura meta tkanta, iftaħ ħalqek iktar milli normalment tagħmel meta titkellem. Imma x’għandek tagħmel jekk tħoss li għandek vuċi dgħajfa jew vuċi rqiqa wisq? Int tistaʼ ssib xi suġġerimenti t’għajnuna fil-​kaxxa “Kif Tegħleb Problemi Speċifiċi,” li qiegħda fil-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, paġna 184.

KANTA GĦANJIET TAʼ TIFĦIR MILL-​QALB

15. (a) X’avviż ingħata fil-​laqgħa annwali tal-​2016? (b) X’raġunijiet hemm għala l-​ktieb tal-​għanjiet ġie rivedut?

15 Kull min attenda l-​laqgħa annwali tal-​2016 kien eċċitat meta Ħuna Stephen Lett tal-​Ġemgħa li Tiggverna ħabbar ktieb tal-​għanjiet ġdid bl-​isem “Sing Out Joyfully” to Jehovah. Bħalma spjega Ħuna Lett, raġuni waħda għala kellna bżonn ktieb tal-​għanjiet ġdid kienet li t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa bl-​Ingliż ġiet riveduta. Il-​kliem tal-​għanjiet inbidel biex jitneħħew espressjonijiet li ma jinstabux iżjed fil-​Bibbja riveduta. Ukoll, għanjiet ġodda dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar u l-​fidwa ġew miżjudin. Flimkien maʼ dan, peress li l-​kant hu parti essenzjali mill-​qima tagħna, il-​Ġemgħa li Tiggverna riedet tipproduċi ktieb tal-​għanjiet taʼ kwalità għolja. Allura l-​qoxra tiegħu hi bħal tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida.

16, 17. X’inhuma xi bidliet oħrajn fil-​ktieb tal-​għanjiet il-​ġdid?

16 Sabiex il-​ktieb tal-​għanjiet ikun eħfef biex jintuża, l-​għanjiet huma miġburin skont is-​suġġett. Pereżempju, l-​ewwel 12-​il għanja huma dwar Ġeħova, it-​tmienja li jmiss huma dwar Ġesù u l-​fidwa, u nibqgħu sejrin. Hemm lista sħiħa tas-​suġġetti kollha fil-​bidu tal-​ktieb. Dan jistaʼ jkun t’għajnuna, pereżempju meta ħu jkollu bżonn jagħżel għanja għal taħdita pubblika.

17 Sabiex kulħadd ikun jistaʼ jkanta mill-​qalb, xi kliem inbidel ħalli l-​messaġġ tal-​għanjiet ikun iżjed ċar. Inbidel ukoll kliem li ma jintużax daqshekk spiss. Anke t-​titli taʼ xi għanjiet ġew aġġustati. Pereżempju, kien xieraq li jinbidel it-​titlu tal-​għanja “Ħares lil Qalbek” minn kmand għal stqarrija bħal “Inħarsu lil qalbna.” Għala? Għaliex qabel, meta xi ħadd kien ikanta l-​kliem taʼ din l-​għanja, kien ikun qed jgħid lil oħrajn x’għandhom jagħmlu. Dan setaʼ kien skomdu għal uħud ġodda, uħud interessati, żgħażagħ, u aħwa nisa li jkunu fil-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna. Allura t-​titlu u l-​kliem inbidlu.

Ipprattika l-​għanjiet fil-​qima bħala familja (Ara paragrafu 18)

18. Għala għandna nitgħallmu l-​għanjiet fil-​ktieb tal-​għanjiet il-​ġdid tagħna? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

18 Ħafna mill-​għanjiet tal-​ktieb “Sing Out Joyfully” to Jehovah huma bħal talb. Dawn jistgħu jgħinuk tgħid lil Ġeħova kif tħossok. Għanjiet oħrajn se jgħinu biex nitqanqlu “għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.” (Ebrej 10:24) Aħna rridu nsiru familjari mal-​melodiji, ir-​ritmi, u l-​kliem tal-​għanjiet tagħna. Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi nisimgħu rekordings t’aħwa rġiel u nisa jkantaw l-​għanjiet. Dawn ir-​rekordings tistaʼ ssibhom bl-​Ingliż fuq jw.org. Meta tipprattika l-​għanjiet id-​dar, int tkun tistaʼ titgħallem tkantahom b’kunfidenza u sentiment. *​—Ara n-​nota taʼ taħt.

19. Kull wieħed u waħda minna fil-​kongregazzjoni kif jistaʼ jqim lil Ġeħova?

19 Ftakar li l-​kant huwa parti importanti mill-​qima tagħna. Huwa mod qawwi biex nuru lil Ġeħova li nħobbuh u li aħna grati għal dak kollu li għamel għalina. (Aqra Isaija 12:5.) Meta tkanta b’entużjażmu, se tinkuraġġixxi lil oħrajn jagħmlu l-​istess. Dawk kollha fil-​kongregazzjoni, kemm jekk żgħar, kbar, jew ġodda fil-​verità, jistgħu jqimu lil Ġeħova b’dan il-​mod. Allura żżommx lura milli tkanta mill-​qalb. Obdi d-​direzzjoni tas-​salmista li qal: “Kantaw lil Ġeħova.” Iva, kanta bil-​ferħ!—Salm 96:1.

^ par. 11 Għal iżjed suġġerimenti dwar kif ittejjeb il-​vuċi tiegħek biex tkanta, ara l-​programm taʼ kull xahar taʼ Diċembru 2014 bl-​Ingliż fuq il-​JW Broadcasting (kategorija tal-​vidjows FROM OUR STUDIO).

^ par. 18 Kull filgħodu u waranofsinhar tal-​programmi tal-​konvenzjonijiet u tal-​assembleat jibdew bi preżentazzjoni mużikali t’għaxar minuti. Dawn il-​preżentazzjonijiet jgħinuna nħarsu ’l quddiem biex inkantaw u jippreparawna biex noqogħdu attenti għall-​programm. Allura, ilkoll għandna nkunu f’postna u lesti biex nisimgħu b’attenzjoni meta tibda l-​mużika.