Qiegħed tistkenn f’Ġeħova?
“Ġeħova qed jifdi ruħ il-qaddejja tiegħu; u ħadd minn dawk li jistkennu fih ma se jinstab ħati.”—SALM 34:22.
1. Ħafna mill-qaddejja leali t’Alla kif iħossuhom minħabba d-dnub?
“BNIEDEM miżerabbli li jien!” Hekk qal l-appostlu Pawlu. (Rumani 7:24) Illum, ħafna mill-qaddejja leali t’Alla jħossuhom skuraġġiti u mnikktin bħalma ħassu Pawlu. Għala? Għax għalkemm irridu nogħġbu lil Ġeħova, ilkoll kemm aħna writna d-dnub u l-imperfezzjoni. Allura, għandna mnejn inħossuna skuraġġiti meta ma jirnexxilniex nogħġbuh. Xi Kristjani li għamlu dnub serju saħansitra ħassew li Ġeħova qatt ma jistaʼ jaħfrilhom.
2. (a) Salm 34:22 kif juri li l-qaddejja t’Alla m’għandhomx għalfejn jinħakmu mill-ħtija? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu? (Ara l-kaxxa “ Tagħlima jew tifsira simbolika?”)
2 L-Iskrittura tassigurana li jekk nistkennu f’Ġeħova, m’għandniex għalfejn inħossuna maħkumin mill-ħtija. (Aqra Salm 34:22.) Imma xi jfisser li tistkenn f’Ġeħova? X’għandna nagħmlu jekk irridu lil Ġeħova jħenn għalina u jaħfrilna? Nistgħu nsibu t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet billi nitgħallmu dwar l-arranġament tal-bliet tar-refuġju f’Iżrael tal-qedem. Dan l-arranġament eżista taħt il-patt tal-Liġi, li ġie mibdul f’Pentekoste tas-sena 33. Iżda l-Liġi kien għamilha Ġeħova. Għalhekk, mill-arranġament tal-bliet tar-refuġju nitgħallmu kif Ġeħova jqis id-dnub, il-midinbin, u ’l dawk li jindmu. L-ewwel, ejja naraw għala Iżrael kellu l-bliet tar-refuġju u kif kienu jintużaw.
“AGĦŻLU GĦALIKOM IL-BLIET TAR-REFUĠJU”
3. L-Iżraelin x’kellhom jagħmlulu lill-qattiel?
3 Ġeħova kien jieħu bis-serjetà kull każ taʼ qtil. Jekk Iżraeli jkun qatel lil xi ħadd, ir-raġel li kien jiġi l-iktar mill-qrib tal-vittma, dak li kellu “d-dritt jivvendika ruħu għad-demm,” kellu joqtol lill-qattiel. (Numri 35:19) B’dan il-mod, il-qattiel kien iħallas b’ħajtu stess għall-ħajja tal-persuna innoċenti li jkun qatel. Jekk il-qattiel ma kienx jinqatel malajr, l-Art Imwiegħda setgħet issir imniġġsa, jew ma tibqax iktar qaddisa. Ġeħova kkmanda: “Tniġġsux l-art li qed tgħammru fiha” billi xxerrdu d-demm tan-nies, jiġifieri, billi toqtlu lil xi ħadd.—Numri 35:33, 34.
4. X’kien jiġri meta Iżraeli jkun qatel lil xi ħadd b’mod aċċidentali?
4 Imma x’kien jiġri meta Iżraeli jkun qatel lil xi ħadd b’mod aċċidentali? Avolja l-mewt kienet bi żball, hu xorta kien ikun ħati taʼ qtil taʼ bniedem innoċenti. (Ġenesi 9:5) Iżda, f’każ bħal dan, Ġeħova qal li setgħet tintwera ħniena. Dak li jkun qatel lil xi ħadd mhux apposta setaʼ jaħrab minn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm u jmur lejn waħda mis-sitt ibliet tar-refuġju. Ladarba kien jitħalla joqgħod f’dik il-belt, hu kien ikun protett. Imma hu kellu jibqaʼ fil-belt tar-refuġju sal-mewt tal-qassis il-kbir.—Numri 35:15, 28.
5. L-arranġament tal-bliet tar-refuġju x’jgħallimna dwar Ġeħova?
5 L-arranġament tal-bliet tar-refuġju ma kienx l-idea taʼ xi bniedem. Dan ġie minn Ġeħova. Hu kkmanda lil Ġożwè: “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Agħżlu għalikom il-bliet tar-refuġju.’” Ġożwè 20:1, 2, 7, 8) Ġeħova ddeċieda li dawn il-bliet għandhom jiġu mwarrbin apparti. Allura minn dan l-arranġament, nistgħu nitgħallmu ħafna dwar Ġeħova. Pereżempju, dan jgħinna jkollna fehma aħjar tal-ħniena taʼ Ġeħova. U jgħallimna dwar kif nistgħu nistkennu f’Ġeħova llum.
Dawn il-bliet ingħataw “stat sagru.” (GĦANDU “JITKELLEM” MAX-XJUĦ TAL-BELT DWAR IL-KAŻ
6, 7. (a) Iddeskrivi l-irwol tax-xjuħ f’li jiġġudikaw lil dak li jkun qatel lil xi ħadd mhux apposta. (Ara l-ewwel stampa.) (b) Għala kien għaqli għall-maħrub li jitkellem max-xjuħ?
6 Jekk Iżraeli jkun qatel lil xi ħadd b’mod aċċidentali, hu kellu jaħrab lejn il-belt tar-refuġju u “jitkellem” max-xjuħ f’bieb il-belt. Ix-xjuħ kellhom jilqgħuh. (Ġożwè 20:4) Xi żmien wara, huma kienu jibagħtuh lura fejn ikun sar il-qtil biex jiġi ġġudikat mix-xjuħ tal-belt t’hemm. (Aqra Numri 35:24, 25.) Jekk dawn ix-xjuħ kienu jiddeċiedu li l-mewt kienet aċċident, allura huma kienu jibagħtu l-maħrub lura lejn il-belt tar-refuġju.
7 Il-maħrub għala kellu bżonn jitkellem max-xjuħ? Ix-xjuħ kienu se jagħmlu ċert li l-kongregazzjoni t’Iżrael tibqaʼ nadifa u jgħinu lil dak li qatel lil xi ħadd mhux apposta biex jibbenefika mill-ħniena taʼ Ġeħova. Studjuż tal-Bibbja kiteb li jekk maħrub ma kienx imur għand ix-xjuħ, hu setaʼ jinqatel. Hu żied jgħid li l-maħrub kien ikun responsabbli għal mewtu stess għax ma jkunx għamel dak li kkmanda Alla. Sabiex jibqaʼ ħaj, dak li jkun qatel lil xi ħadd mhux apposta kellu jitlob l-għajnuna u jaċċettaha. Jekk hu ma kienx imur lejn waħda mill-bliet tar-refuġju, ir-raġel li kien jiġi l-iktar mill-qrib tal-vittma kien ħieles li joqtlu.
8, 9. Kristjan li għamel dnub serju għala għandu jitkellem mal-anzjani?
8 Illum, sabiex Kristjan li jkun għamel dnub serju jerġaʼ jkollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, hu għandu bżonn imur għand l-anzjani ħalli jkunu jistgħu jgħinuh. Dan għala hu daqshekk importanti? L-ewwel, hu Ġeħova li għamel l-arranġament għall-anzjani biex jiġġudikaw każijiet taʼ dnubiet serji. (Ġakbu 5:14-16) It-tieni, l-anzjani qegħdin hemm biex jgħinu lill-midinbin li nidmu biex jerġaʼ jkollhom l-approvazzjoni t’Alla u biex jevitaw li jirripetu d-dnub. (Galatin 6:1; Ebrej 12:11) It-tielet, l-anzjani huma awtorizzati u mħarrġin sabiex iqawwu qalb il-midinbin li nidmu u biex jgħinuhom itaffu l-uġigħ u s-sens taʼ ħtija li jkollhom. Lil anzjani bħal dawn, Ġeħova jsejħilhom “ilqugħ [jew kenn] mill-maltempata tax-xita.” (Isaija 32:1, 2) Dan l-arranġament hu mod wieħed kif Alla jħenn għalina.
9 Ħafna mill-qaddejja t’Alla ħassew is-serħan li jiġi meta titkellem mal-anzjani u tirċievi l-għajnuna mingħandhom. Pereżempju, ħu jismu Daniel għamel dnub serju, imma għalkemm għaddew xi xhur ma marx għand l-anzjani. Hu qal: “Wara li għadda dan iż-żmien kollu, jien ħsibt li kien tard wisq biex ningħata l-għajnuna mingħand l-anzjani.” Xorta waħda, hu dejjem kien jibżaʼ li xi ħadd isir jaf dwar id-dnub tiegħu, u ħass li kellu jibda kull talba billi jitlob maħfra mingħand Ġeħova. Fl-aħħar, hu talab l-għajnuna
tal-anzjani. Meta jħares lura, hu jgħid: “Bla dubju, bżajt navviċinahom. Imma wara, ħassejt bħallikieku xi ħadd neħħieli balla minn fuq l-istonku.” Daniel setaʼ jerġaʼ jitkellem bil-libertà maʼ Ġeħova. Issa hu għandu kuxjenza nadifa, u reċentement sar qaddej ministerjali.“HU JRID JAĦRAB LEJN WAĦDA MINN DAWN IL-BLIET”
10. Dak li jkun qatel mhux apposta x’kellu jagħmel sabiex jintwera maħfra?
10 Sabiex ikun jistaʼ jintwera maħfra, dak li jkun qatel mhux apposta kellu jaħrab malajr kemm jistaʼ jkun lejn waħda mill-bliet tar-refuġju l-iktar viċin. (Aqra Ġożwè 20:4.) Ħajtu kienet tiddependi fuq li jasal fil-belt u jibqaʼ hemm sal-mewt tal-qassis il-kbir. Dan kien sagrifiċċju għall-maħrub. Hu kien ikollu jħalli warajh xogħlu, id-dar komda tiegħu, u l-libertà li jivvjaġġa. * (Ara n-nota taʼ taħt.) (Numri 35:25) Imma dan kien sagrifiċċju taʼ min jagħmlu. Jekk xi darba fettillu jitlaq mill-belt, il-maħrub kien juri li ma jimpurtahx li qatel bniedem ieħor, u kien jipperikola ħajtu.
11. Kristjan niedem kif jistaʼ juri li hu grat ferm għall-ħniena t’Alla?
11 Anke llum, midneb li jindem għandu jagħmel ċerti affarijiet sabiex Alla jaħfirlu. Hu għandu jieqaf jagħmel id-dnub. Dan jinkludi li jevita kull ħaġa li tistaʼ twasslu għal dnub serju. L-appostlu Pawlu ddeskriva dak li għamlu l-Kristjani niedma f’Korintu. Hu kiteb: “Għax ara l-fatt li sewwidtu qalbkom fi qbil mar-rieda t’Alla x’ħeġġa kbira pproduċa fikom, iva, tindif mill-ħtija, iva, għadab minħabba l-ħażen, iva, biżaʼ t’Alla, iva, xenqa, iva, żelu, iva, korrezzjoni tal-ħażen!” (2 Korintin 7:10, 11) Għalhekk, jekk nagħmlu kulma nistgħu biex ma nibqgħux nidinbu, se nuru lil Ġeħova li aħna kkonċernati ħafna dwar is-sitwazzjoni tagħna u li ma naħsbux li se nintwerew ħniena awtomatikament.
12. Kristjan x’għandu mnejn ikollu bżonn iċedi sabiex ikompli jintwera ħniena minn Ġeħova?
12 Kristjan x’għandu mnejn ikollu bżonn iċedi sabiex ikompli jintwera ħniena minn Ġeħova? Hu għandu jkun lest li jċedi saħansitra affarijiet li jieħu gost jagħmel jekk dawn jistgħu jġegħluh jidneb. (Mattew 18:8, 9) Pereżempju, jekk sħabek jinfluwenzawk biex tagħmel affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova, se tieqaf tagħmilha magħhom? Jekk issibha diffiċli tikkontrolla kemm tixrob alkoħol, se tevita sitwazzjonijiet li jistgħu jwaqqgħuk biex tixrob iżżejjed? Jekk issibha diffiċli tikkontrolla xewqat immorali sesswalment, se tevita films, websajts, jew kwalunkwe ħaġa oħra li tistaʼ ġġiegħlek ikollok ħsibijiet mhux nodfa? Ftakar, kull sagrifiċċju li nagħmlu biex nobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova hu taʼ min jagħmlu. M’hemm xejn agħar milli tħoss li Ġeħova abbandunak. U m’hemm xejn aħjar milli tħoss il-“qalb tajba bl-imħabba,” jew l-imħabba leali, taʼ Ġeħova “għal żmien indefinit.”—Isaija 54:7, 8.
“IRIDU JSERVUKOM BĦALA REFUĠJU”
13. Spjega għala xi ħadd maħrub setaʼ jħossu protett, fis-sigurtà, u ferħan fil-belt tar-refuġju.
13 Ladarba kien fil-belt tar-refuġju, il-maħrub kien protett. Ġeħova kien qal Ġożwè 20:2, 3) Ġeħova ma kienx jistenna li l-maħrub jerġaʼ jiġi ġġudikat għall-istess każ. Ukoll, dak li kellu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm ma kienx jitħalla jidħol fil-belt biex joqtlu. Meta l-maħrub kien ikun fil-belt, kellu l-protezzjoni taʼ Ġeħova. Hu ma kienx f’ħabs. Setaʼ jaħdem, jgħin lil oħrajn, u jaqdi lil Ġeħova fil-paċi. Iva, hu setaʼ jkollu ħajja ferħana u sodisfaċenti!
hekk dwar dawn il-bliet: “Iridu jservukom bħala refuġju.” (14. Kristjan li jkun nidem minn xiex jistaʼ jkun ċert?
14 Xi wħud mill-poplu t’Alla li għamlu dnubiet serji xorta jħossuhom ħatjin anke wara li jkunu nidmu. Xi wħud saħansitra jħossu li Ġeħova qatt mhu se jinsa verament dak li għamlu. Jekk tħossok b’dan il-mod, jekk jogħġbok kun ċert li meta Ġeħova jaħfirlek, hu jagħmel dan għalkollox. M’għandekx għalfejn tibqaʼ tħossok ħati. Hekk ġralu Daniel, li ssemma qabel. Wara li l-anzjani ħadu ħsieb il-kwistjoni u għenuh jerġaʼ jkollu kuxjenza nadifa, hu ħass serħan kbir. Hu jgħid: “Ma kellix għalfejn nibqaʼ nħossni ħati. Ladarba dnub inħafer, ikun inħafer għal dejjem. Bħalma qal Ġeħova, hu jneħħilna t-toqol tagħna u jitfgħu ’l bogħod minna. Qatt mhu se jkollok terġaʼ tarah.” Wara li jkun fil-belt tar-refuġju, il-maħrub ma kellux għalfejn jibżaʼ li dak li kellu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm kien se jiġi u joqtlu. B’mod simili, wara li Ġeħova jaħfrilna d-dnub tagħna, m’għandniex għalfejn nibżgħu li se joqgħod ifakkarna fih jew Salm 103:8-12.
jikkastigana għalih.—Aqra15, 16. Il-fatt li tkun taf li Ġesù ħallas il-fidwa u li hu l-Qassis il-Kbir tagħna kif isaħħaħlek il-fiduċja tiegħek fil-ħniena t’Alla?
15 Fil-fatt, aħna għandna saħansitra iktar raġunijiet mill-Iżraelin biex nafdaw fil-ħniena taʼ Ġeħova. Wara li Pawlu qal li ħassu “miżerabbli” għax ma setax jobdi lil Ġeħova perfettament, hu qal: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!” (Rumani 7:25) X’ried ifisser? Għalkemm Pawlu kien qed jiġġieled kontra xewqat midinba u kien dineb fil-passat, hu kien nidem. Allura kien fiduċjuż li Ġeħova kien ħafirlu permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Peress li Ġesù ħallas il-fidwa, aħna jistaʼ jkollna kuxjenza nadifa u paċi ġewwinija. (Ebrej 9:13, 14) Bħala l-Qassis il-Kbir tagħna, Ġesù “jistaʼ wkoll isalva għalkollox lil dawk li qed jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax hu dejjem ħaj biex jitlob bil-ħniena għalihom.” (Ebrej 7:24, 25) Fil-qedem, il-qassis il-kbir kien jgħin lill-Iżraelin biex ikunu ċerti li Ġeħova kien se jaħfrilhom dnubiethom. B’Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir tagħna, aħna għandna saħansitra iktar raġunijiet biex inkunu ċerti li “nsibu ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-għajnuna f’waqtha.”—Ebrej 4:15, 16.
16 Mela biex nistkennu f’Ġeħova, jeħtieġ li jkollna fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Taħsibx li l-fidwa tapplika biss għan-nies inġenerali. B’fidi emmen li int tibbenefika minnha. (Galatin 2:20, 21) B’fidi emmen li permezz tal-fidwa, Ġeħova jaħfer id-dnubiet tiegħek. B’fidi emmen li l-fidwa tagħti lilek it-tama li tgħix għal dejjem. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù hu r-rigal għalik mingħand Ġeħova!
17. Int għala trid tistkenn f’Ġeħova?
17 Il-bliet tar-refuġju jgħinuna nifhmu l-ħniena taʼ Ġeħova. Dan l-arranġament minn Alla jgħallimna li l-ħajja hi sagra. Ukoll, jurina kif l-anzjani jistgħu jgħinuna, xi jfisser li nkunu verament niedma, u għala nistgħu nkunu ċerti għalkollox li Ġeħova jaħfrilna. Qiegħed int tistkenn f’Ġeħova? Ma tistax tkun f’post protett iktar minn dan! (Salm 91:1, 2) Fl-artiklu li jmiss, se naraw kif il-bliet tar-refuġju jistgħu jgħinuna nimitaw lil Ġeħova, l-akbar eżempju taʼ ġustizzja u ħniena.
^ par. 10 Skont studjużi Lhud, il-familja tal-maħrub x’aktarx kienet tmur fil-belt tar-refuġju biex tkun miegħu.