Tħalli xejn iċaħħdek mill-premju
“Tħallu lill-ebda bniedem iċaħħadkom mill-premju.”—KOLOSSIN 2:18.
1, 2. (a) Il-qaddejja t’Alla għal liema premju jħarsu ’l quddiem? (b) X’jgħinna nżommu għajnejna fuq il-premju? (Ara l-ewwel stampa.)
IL-Kristjani midlukin għandhom tama prezzjuża. Huma jħarsu ’l quddiem għal li jgħixu fis-sema. Din it-tama l-appostlu Pawlu sejħilha “l-premju tas-sejħa t’Alla għal hemm fuq.” (Filippin 3:14) Fis-sema, huma se jsaltnu maʼ Ġesù Kristu fis-Saltna tiegħu u se jaħdmu miegħu biex jgħinu lin-nies isiru perfetti. (Rivelazzjoni 20:6) X’tama meraviljuża hi din! In-nagħaġ oħrajn iħarsu ’l quddiem għal premju differenti. Huma jittamaw li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art, u din it-tama tagħmilhom verament ferħanin!—2 Pietru 3:13.
2 Pawlu ried jgħin lil sħabu Kristjani midlukin biex jibqgħu leali u jirbħu l-premju. Hu qalilhom: “Żommu moħħkom fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq.” (Kolossin 3:2) Huma kellhom bżonn jiffokaw fuq it-tama prezzjuża tagħhom għas-sema. (Kolossin 1:4, 5) Li naħsbu dwar il-barkiet taʼ Ġeħova jgħin lill-qaddejja kollha t’Alla jżommu għajnejhom fuq il-premju. Dan japplika kemm jekk għandhom it-tama għas-sema u kemm jekk għall-art.—1 Korintin 9:24.
3. Pawlu dwar xiex wissiehom lill-Kristjani?
3 Ukoll, Pawlu wissa lill-Kristjani dwar perikli li setgħu jċaħħduhom mill-premju. Pereżempju, hu kiteb lill-Kolossin dwar Kristjani foloz li kienu qed jipprovaw jogħġbu lil Alla billi jsegwu l-Liġi taʼ Mosè minflok ma jpoġġu fidi fi Kristu. (Kolossin 2:16-18) Pawlu ddiskuta wkoll perikli li għadhom jeżistu llum u li jistgħu jwaqqfu lilna wkoll milli nirbħu l-premju. Hu spjega kif nirreżistu xewqat immorali u x’nagħmlu meta jkollna l-problemi fil-familja jew maʼ ħutna fil-kongregazzjoni. Il-parir taʼ valur taʼ Pawlu jistaʼ jgħin lilna llum. Għalhekk, ejja neżaminaw xi ftit mit-twissijiet mogħtijin bi mħabba li nsibu fl-ittra tiegħu lill-Kolossin.
MEWWET XEWQAT IMMORALI
4. Ix-xewqat immorali għala jistgħu jwaqqfuna milli nirbħu l-premju?
4 Wara li Pawlu fakkar lil ħutu dwar it-tama meraviljuża tagħhom, hu kiteb: “Għalhekk, mewtu l-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art fejn tidħol iż-żína [jew, l-immoralità sesswali], in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li twassal għall-ħsara, u x-xenqa b’għira.” (Kolossin 3:5) Ix-xewqat immorali jistgħu jkunu qawwijin ħafna u jistgħu jġegħluna nitilfu r-relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova u t-tama tagħna għall-futur. Wieħed ħu li ċeda għax-xewqat immorali tiegħu u li iktar tard reġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni jgħid li dawn ix-xewqat tant saru qawwijin li kien tard wisq meta ġie f’sensih.
5. Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna f’sitwazzjonijiet perikolużi?
5 Għandna bżonn noqogħdu speċjalment attenti jekk qegħdin f’sitwazzjoni li tistaʼ twassalna biex ma nobdux il-livelli morali taʼ Ġeħova. Pereżempju, huwa għaqli għal koppja li qed joħorġu flimkien li jagħmlu limiti mill-bidu dwar affarijiet bħal li jmissu u jbusu lil xulxin u li jkunu flimkien waħedhom. (Proverbji 22:3) Sitwazzjonijiet perikolużi oħra jistgħu jiġu meta nsiefru fuq xogħol jew meta naħdmu maʼ xi ħadd tas-sess oppost. (Proverbji 2:10-12, 16) X’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi ruħek? Identifika lilek innifsek bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Ġib ruħek kif jixraq, u qatt tinsa li l-flerting, jew il-kunfidenza żejda maʼ dawk tas-sess oppost, jistaʼ jwassal għal diżastru. Irridu noqogħdu attenti wkoll jekk inħossuna mdejqin jew waħedna. Għandu mnejn inkunu nixtiequ lil xi ħadd biex iġegħelna nħossuna bżonjużi. Tant nistgħu nħossuna ddisprati li naċċettaw l-attenzjoni mingħand kull min ikun. Dan hu perikoluż. Jekk qatt tħossok hekk, tagħmel xejn li se jwaqqfek milli tirbaħ il-premju. Dur lejn Ġeħova u lejn ħutek għall-għajnuna.—Aqra Salm 34:18; Proverbji 13:20.
6. X’għandna niftakru meta nagħżlu d-divertiment?
6 Sabiex immewtu xewqat immorali, irridu nirrifjutaw divertiment immorali. Illum, ħafna mid-divertiment li hawn ifakkarna fil-mod kif kienu l-affarijiet Ġuda 7) Dawk li joħolqu d-divertiment iġibu l-immoralità sesswali tidher normali u bla periklu. Allura dejjem għandna bżonn noqogħdu attenti. Ma nistgħux naqbdu u naċċettaw kwalunkwe divertiment li toffri d-dinja. Anzi, irridu nagħżlu divertiment li mhux se jwaqqafna milli nirbħu l-premju tal-ħajja.—Proverbji 4:23.
f’Sodoma u Gomorra. (“ILBSU” L-IMĦABBA U L-QALB TAJBA
7. Xi problemi jistgħu jinqalgħu fil-kongregazzjoni Kristjana?
7 Aħna ferħanin li nagħmlu parti mill-kongregazzjoni Kristjana. Fil-laqgħat, aħna nistudjaw il-Kelma t’Alla u nappoġġjaw lil xulxin bi mħabba. Dan jgħinna nżommu għajnejna ffokati fuq il-premju. Imma kultant ikun hemm nuqqas taʼ qbil li jistaʼ joħloq il-problemi maʼ ħutna. Jekk ma nsolvux dawn il-problemi, jistgħu faċilment iwasslu għal sentimenti taʼ rabja.—Aqra l-1 Pietru 3:8, 9.
8, 9. (a) Liema kwalitajiet se jgħinuna nirbħu l-premju? (b) X’jistaʼ jgħinna biex inżommu l-paċi jekk ħu Kristjan iweġġagħna?
8 Ma nistgħux inħallu sentimenti taʼ rabja jwaqqfuna milli nirbħu l-premju. Pawlu spjega x’għandhom bżonn jagħmlu l-Kristjani: “Bħala l-magħżulin t’Alla, imqaddsin u maħbubin, ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:12-14.
9 L-imħabba u l-qalb tajba jistgħu jgħinuna naħfru lil oħrajn. Jekk inħossuna mweġġgħin minħabba dak li xi ħadd qal jew għamel, nistgħu niftakru fi drabi meta konna aħna li għedna jew għamilna xi ħaġa li tweġġaʼ. Ma napprezzawx aħna l-imħabba u l-qalb tajba taʼ ħutna li ħafrulna? (Aqra Ekkleżjasti 7:21, 22.) Aħna grati li Kristu b’qalb tajba jgħaqqad lill-aduraturi veri. (Kolossin 3:15) Ilkoll kemm aħna nqimu lill-istess Alla, nippritkaw l-istess messaġġ, u għandna ħafna mill-istess problemi. Billi nuru mħabba u qalb tajba u naħfru lil xulxin, aħna se ngħinu biex il-kongregazzjoni tkun iktar magħquda u se nibqgħu ffokati fuq il-premju.
10, 11. (a) L-għira għala hi perikoluża? (b) Kif nistgħu nagħmlu ċert li l-għira ma ttellifniex milli nirbħu l-premju?
10 L-għira tistaʼ ttellifna milli nirbħu l-premju. Eżempji Bibliċi juru kemm l-għira hi perikoluża. Pereżempju, Kajjin beda jgħir għal Abel u qatlu. Koraħ, Datan, u Abiram bdew jgħiru għal Mosè u rribellaw kontrih. Is-Sultan Sawl beda jgħir għal David u pprova joqtlu. Dak li tgħid il-Kelma t’Alla hu tassew minnu: “Fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm id-diżordni u kull ħaġa vili.”—Ġakbu 3:16.
11 Jekk naħdmu iebes sabiex ġenwinament nuru mħabba u qalb tajba, se jkun diffiċli li nibdew ngħiru. Il-Kelma t’Alla tgħid: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx.” (1 Korintin 13:4) Sabiex nagħmlu ċert li l-għira ma ssirx parti mill-personalità tagħna, għandna bżonn nipprovaw naraw l-affarijiet kif jarahom Ġeħova. Jeħtieġ li nqisu lil ħutna bħala membri tal-istess ġisem, li hu l-kongregazzjoni. Il-Bibbja tgħid: “Jekk membru jiġi glorifikat, il-membri l-oħra kollha jithennew miegħu.” (1 Korintin 12:16-18, 26) Għalhekk, minflok ma ngħiru, aħna se nkunu ferħanin meta xi ħadd jirċievi xi barka. Aħseb dwar l-eżempju tajjeb taʼ Ġonatan, it-tifel tas-Sultan Sawl. Ġonatan ma għerx meta David intgħażel biex ikun sultan floku. Hu saħansitra inkuraġġixxa u appoġġja lil David. (1 Samwel 23:16-18) Nistgħu aħna nuru qalb tajba u mħabba bħal Ġonatan?
IRBĦU L-PREMJU BĦALA FAMILJA
12. Liema parir Bibliku se jgħin il-familja tagħna tirbaħ il-premju?
12 Meta kull membru tal-familja tagħna japplika prinċipji Bibliċi, il-familja tagħna se jkollha l-paċi u l-ferħ u se tirbaħ il-premju. Pawlu ta dan il-parir għaqli lill-familji: “Intom nisa miżżewġin, kunu sottomessi lejn żwieġkom bħalma jixraq fil-Mulej. Intom irġiel miżżewġin, ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom. Intom tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan jogħġob lill-Mulej. Intom missirijiet, iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.” (Kolossin 3:18-21) Tistaʼ tara kif dan il-parir jistaʼ jgħin lil familtek?
13. Oħt Kristjana kif tistaʼ tgħin lir-raġel tagħha li m’għandux l-istess twemmin biex ikun irid jaqdi lil Ġeħova?
13 Forsi int oħt li r-raġel tiegħek ma jaqdix lil Ġeħova. X’se tagħmel jekk tħoss li ma jittrattakx kif suppost? Se ttejjeb is-sitwazzjoni billi targumenta dwar l-imġiba tiegħu? Anki jekk tirbaħ l-argument, se ġġiegħlu jkun irid jaqdi 1 Pietru 3:1, 2.
lil Ġeħova? Probabbilment le. Imma jekk turi rispett lejn l-irwol tiegħu bħala l-kap tal-familja, int tistaʼ tgħin lil familtek ikollha iktar paċi u se ġġib unur lil Ġeħova. L-eżempju tajjeb tiegħek jistaʼ saħansitra jġiegħel lir-raġel tiegħek ikun irid jaqdi lil Ġeħova, imbagħad it-tnejn li intom tkunu tistgħu tirbħu l-premju.—Aqra l-14. Kristjan miżżewweġ x’għandu jagħmel jekk martu li m’għandhiex l-istess twemmin ma tirrispettahx?
14 Forsi int ħu li l-mara tiegħek ma taqdix lil Ġeħova. X’tistaʼ tagħmel jekk tħoss li ma tirrispettakx? Se tqanqalha turik iktar rispett kieku kellek tgħajjat magħha biex turiha min jikkmanda? Dażgur li le! Alla jistenna li tkun raġel miżżewweġ li juri mħabba u li jimita lil Ġesù. (Efesin 5:23) Ġesù, il-kap tal-kongregazzjoni, dejjem juri paċenzja u mħabba. (Luqa 9:46-48) Jekk int timita lil Ġesù, maż-żmien martek tistaʼ tkun trid taqdi lil Ġeħova wkoll.
15. Kristjan kif juri li jħobb lil martu?
15 Ġeħova jgħallimhom dan lill-irġiel miżżewġin: “Ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:19) Raġel miżżewweġ li jħobb lil martu jonoraha. Kif? Hu jismaʼ l-opinjonijiet tagħha u juriha li dak li tgħid hu importanti għalih. (1 Pietru 3:7) Għalkemm ma jistax jagħmel dejjem dak li titolbu, li jismagħha jistaʼ jgħinu jieħu deċiżjonijiet aħjar. (Proverbji 15:22) Raġel miżżewweġ li jħobb lil martu ma jisforzahiex biex tirrispettah. Anzi, hu jipprova jikseb ir-rispett tagħha. Meta raġel miżżewweġ iħobb lil martu u lil uliedu, hemm iktar ċans li jkunu kuntenti waqt li jaqdu lil Ġeħova u li jirbħu l-premju tal-ħajja.
ŻGĦAŻAGĦ—TĦALLU XEJN IWAQQAFKOM MILLI TIRBĦU L-PREMJU!
16, 17. Bħala żagħżugħ jew żagħżugħa, kif tistaʼ tevita li tiġi rritat iżżejjed mill-ġenituri?
16 Forsi int żagħżugħ jew żagħżugħa u tħoss li l-ġenituri tiegħek ma jifhmukx jew li qed iżommulek wisq. Dan tant jistaʼ jirritak li saħansitra tiddubita jekk tridx taqdi lil Ġeħova. Imma jekk titlaq lil Ġeħova, int se tinduna li ħadd fid-dinja ma jħobbok daqskemm iħobbuk il-ġenituri Kristjani u ħutek fil-kongregazzjoni.
17 Aħseb dwar dan: Kieku l-ġenituri qatt ma kkoreġewk, kif se tkun taf jekk jimpurtahomx minnek verament? (Ebrej 12:8) Veru, huma mhumiex perfetti, allura l-mod kif jiddixxiplinawk jistaʼ jirritak. Imma tiffokax fuq dan. Minflok, ipprova ifhem ir-raġuni għal dak li jgħidu u jagħmlu. Ibqaʼ kalm, u agħmel l-almu tiegħek biex ma tagħmilhomx bi kbar. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Kulmin iżomm lura dak li jkun se jgħid għandu l-għarfien, u bniedem taʼ dixxerniment iżomm spirtu kalm.” (Proverbji 17:27) Agħmilha l-mira tiegħek li ssir persuna matura li taċċetta parir u li titgħallem minnu mingħajr ma tinkwieta żżejjed dwar kif ġie mogħti. (Proverbji 1:8) Qatt tinsa illi li jkollok ġenituri li jħobbu lil Ġeħova hu rigal prezzjuż. Huma jridu jgħinuk tgħix għal dejjem.
18. Għala int determinat li żżomm għajnejk fuq il-premju?
18 Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jħares ’il quddiem għal futur meraviljuż, kemm jekk nittamaw li ngħixu għal dejjem fis-sema u kemm jekk fuq art magħmula ġenna. It-tama tagħna hi reali. Hi bbażata fuq il-wegħda tal-Ħallieq tal-univers, li jgħid: “L-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) Dalwaqt, kulħadd fuq l-art se jkun mgħallem minn Alla. Dan hu premju taʼ min jaħdem għalih. Għalhekk qatt tinsa dak li Ġeħova wiegħdek, u tħalli xejn iwaqqfek milli tirbaħ il-premju!