Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tirraġunax kif tirraġuna d-dinja

Tirraġunax kif tirraġuna d-dinja

“Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ . . . tad-​dinja.”—KOLOSSIN 2:8.

GĦANJIET: 60, 26

1. L-​appostlu Pawlu x’kitbilhom lill-​Kristjani f’Kolossi? (Ara l-​ewwel stampa.)

WAQT li l-​appostlu Pawlu kien priġunier f’Ruma madwar is-​snin 60 u 61, hu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Kolossi. Hu spjegalhom għala kellhom bżonn ikollhom ‘l-​abbiltà mogħtija mill-​ispirtu t’Alla biex jifhmu b’mod sħiħ,’ jiġifieri, l-​abbiltà li jaraw l-​affarijiet kif jarahom Ġeħova. (Kolossin 1:9) Pawlu qal: “Dan qed ngħidu biex ebda bniedem ma jidħaq bikom b’argumenti konvinċenti. Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.” (Kolossin 2:4, 8) Imbagħad, Pawlu spjega għala xi ideat popolari huma ħżiena u għala xi nies jogħġbuhom dawn l-​ideat. Pereżempju, xi ideat minn dawn jistgħu jġiegħlu lin-​nies jaħsbu li huma aħjar jew iktar għorrief minn oħrajn. Għalhekk, Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu biex jgħin lill-​aħwa jevitaw raġunar tad-​dinja u ma jagħmlux prattiki ħżiena.—Kolossin 2:16, 17, 23.

2. Għaliex se niddiskutu xi eżempji taʼ kif tirraġuna d-​dinja?

2 Nies li jirraġunaw bħalma tirraġuna d-​dinja ma jagħtux kas il-​prinċipji taʼ Ġeħova, u jekk ma noqogħdux attenti, l-​ideat tagħhom jistgħu bil-​mod il-​mod idgħajfulna l-​fiduċja tagħna fl-​għerf t’Alla. Illum, ilkoll naraw u nisimgħu r-​raġunar tad-​dinja fuq it-​televixin, l-​internet, meta nkunu fuq il-​post tax-​xogħol, jew l-​iskola. X’nistgħu nagħmlu biex nevitaw din l-​influwenza ħażina? F’dan l-​artiklu, se niddiskutu ħames eżempji taʼ kif tirraġuna d-​dinja u se naraw kif nistgħu niċħdu dawn l-​ideat.

HEMM BŻONN NEMMNU F’ALLA?

3. Ħafna nies liema idea togħġobhom? Għala?

3 “Jien nistaʼ nkun persuna tajba mingħajr ma nemmen f’Alla.” Illum, din l-​idea hi komuni f’ħafna pajjiżi. Nies li jirraġunaw hekk għandhom mnejn ma jkunux ħasbu fil-​fond dwar jekk Alla jeżistix jew le u jistaʼ jkun li sempliċiment jieħdu pjaċir iħossu li għandhom il-​libertà li jagħmlu li jridu. (Aqra Salm 10:4.) Oħrajn jaħsbu li jidhru intelliġenti meta jgħidu, “Jistaʼ jkolli prinċipji tajbin mingħajr ma nemmen f’Alla.”

4. X’nistgħu ngħidu biex ngħinu lil xi ħadd li jemmen li m’hemmx Ħallieq?

4 Jagħmel sens li temmen li m’hemmx Ħallieq? Xi nies jitħawdu meta jipprovaw isibu t-​tweġiba permezz tax-​xjenza. Imma l-​verità hi sempliċi. Tistaʼ dar sempliċiment tiġi mix-​xejn? Dażgur li le! Kien hemm bżonn taʼ xi ħadd biex jibniha. Madankollu, l-​affarijiet ħajjin huma bil-​wisq iżjed komplikati minn xi dar. Anki l-​iktar ċelluli sempliċi jistgħu jagħmlu kopji tagħhom infushom, ħaġa li dar qatt ma tistaʼ tagħmel. Dan ifisser li ċ-​ċelluli jistgħu kemm iżommu l-​informazzjoni u kif ukoll jgħadduha lil ċelluli ġodda biex anki dawn ikunu jistgħu jagħmlu kopji tagħhom infushom. Min ħalaq iċ-​ċelluli ħajjin bl-​abbiltà li jagħmlu dawn l-​affarijiet? Il-​Bibbja twieġeb: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.”—Ebrej 3:4.

5. X’nistgħu ngħidu dwar l-​idea li nistgħu nkunu nafu x’inhu tajjeb mingħajr ma nemmnu f’Alla?

5 X’nistgħu ngħidu dwar l-​idea li nistgħu nkunu nafu x’inhu tajjeb mingħajr ma nemmnu f’Alla? Huwa minnu li l-​Kelma t’Alla tgħid li anki nies li ma jemmnux fih jistaʼ jkollhom prinċipji tajbin. (Rumani 2:14, 15) Pereżempju, xi ħadd għandu mnejn jirrispetta u jħobb lill-​ġenituri tiegħu. Imma jekk ma jimxix mal-​livelli taʼ Ġeħova, jistaʼ jieħu deċiżjonijiet ħżiena ħafna. (Isaija 33:22) Illum, ħafna nies intelliġenti huma konvinti li għandna bżonn l-​għajnuna t’Alla biex insolvu l-​problemi terribbli tad-​dinja. (Aqra Ġeremija 10:23.) Allura qatt m’għandna naħsbu li nistgħu nkunu nafu x’inhu tajjeb mingħajr ma nemmnu f’Alla u mingħajr ma nimxu mal-​livelli tiegħu.—Salm 146:3.

GĦANDNA BŻONN RELIĠJON?

6. Ħafna nies x’jaħsbu dwar ir-​reliġjon?

6 “Tistaʼ tkun kuntent mingħajr reliġjon.” Ħafna nies jaħsbu li r-​reliġjon hi taʼ dwejjaq u bla valur. Ukoll, ħafna reliġjonijiet jgħallmu dwar in-​nar tal-​infern, iġiegħlu n-​nies jagħtu l-​flus, jew jappoġġjaw il-​politikanti. Mhix taʼ sorpriża li iktar u iktar nies jgħidu li huma kuntenti mingħajr reliġjon! Huma forsi jgħidu affarijiet bħal, “Jien jimpurtani minn Alla, imma ma rridx inkun parti minn reliġjon.”

7. Ir-​reliġjon vera kif tistaʼ tgħinek tkun kuntent?

7 Nistgħu nkunu verament kuntenti mingħajr reliġjon? Huwa minnu li persuna tistaʼ tkun kuntenta mingħajr reliġjon falza. Imma ħadd ma jistaʼ jkun kuntent verament sakemm ma jkunx ħabib taʼ Ġeħova, “l-​Alla l-​hieni.” (1 Timotju 1:11) Kull ħaġa li Ġeħova jagħmel tgħin lil oħrajn. Bħala l-​qaddejja tiegħu, aħna ferħanin għax anki aħna nfittxu modi kif ngħinu lil oħrajn. (Atti 20:35) Pereżempju, aħseb dwar kif il-​qima vera tistaʼ tgħin familja tkun ferħana. Aħna nitgħallmu nirrispettaw u nkunu leali lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna fiż-​żwieġ, inrabbu tfal li juru rispett, u jkollna mħabba ġenwina għall-​membri tal-​familja tagħna. Il-​qima vera tgħin lin-​nies taʼ Ġeħova jaħdmu flimkien fil-​paċi fil-​kongregazzjoni u juru mħabba maʼ ħuthom.—Aqra Isaija 65:13, 14.

8. Mattew 5:3 kif jistaʼ jgħinna nifhmu x’inhu li verament jagħmel lin-​nies kuntenti?

8 Allura, tistaʼ persuna tkun kuntenta verament mingħajr ma taqdi lil Alla? X’inhu li jagħmel lin-​nies kuntenti? Xi nies jieħdu pjaċir bil-​karriera, l-​isports, jew il-​passatempi tagħhom. Oħrajn iħossuhom tajbin meta jieħdu ħsieb il-​familja u l-​ħbieb tagħhom. Għalkemm hu minnu li dawn l-​affarijiet iġibu sodisfazzjon, il-​ħajja tagħna għandha skop ikbar li jġib ferħ għal dejjem. Peress li aħna differenti mill-​annimali, aħna nistgħu nsiru nafu l-​Ħallieq tagħna u nqimuh. Hu għamilna b’tali mod li nkunu ferħanin meta nagħmlu dan. (Aqra Mattew 5:3.) Pereżempju, aħna nħossuna ferħanin u inkuraġġiti meta niltaqgħu maʼ ħutna biex naqdu lil Ġeħova. (Salm 133:1) Aħna ferħanin ukoll li nagħmlu parti mill-​fratellanza globali, li ngħixu ħajja nadifa, u li għandna tama meraviljuża għall-​futur.

GĦANDNA BŻONN LIVELLI MORALI?

9. (a) X’inhi waħda mill-​ideat popolari dwar is-​sess? (b) Il-​Kelma t’Alla għala tgħid li s-​sess barra ż-​żwieġ hu ħażin?

9 “X’fih ħażin is-​sess barra ż-​żwieġ?” In-​nies forsi jistaqsu: “Għaliex int daqshekk strett miegħek innifsek? Gawdi naqra l-​ħajja.” Imma l-​Kelma t’Alla tipprojbixxi l-​immoralità sesswali. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Aqra l-​1 Tessalonikin 4:3-​8.) Ġeħova għandu d-​dritt jagħmel il-​liġijiet għalina għax hu l-​wieħed li ħalaqna. Hu jgħid li r-​relazzjonijiet sesswali jistgħu jsiru biss bejn raġel u mara li huma miżżewġin lil xulxin. Ġeħova jagħtina l-​liġijiet għax iħobbna. Hu jaf li jekk insegwuhom, ħajjitna se tkun aħjar. Familja li tobdi l-​liġijiet t’Alla se jkollha iktar imħabba u rispett u se tħossha fis-​sigurtà. Imma Alla se jikkastiga lil dawk li jafu l-​liġi tiegħu u ma jobduhiex.—Ebrej 13:4.

10. Kristjan kif jistaʼ jirreżisti l-​immoralità sesswali?

10 Il-​Bibbja tgħallimna kif nevitaw l-​immoralità sesswali. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nikkontrollaw lejn xiex inħarsu. Ġesù qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu. Issa, jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek.” (Mattew 5:28, 29) Għalhekk, irridu nevitaw il-​pornografija u l-​mużika immorali. Pawlu kiteb: “Mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, [jew, l-​immoralità sesswali.]” (Kolossin 3:5) Ukoll, hemm bżonn nikkontrollaw dwar xiex naħsbu u nitkellmu.—Efesin 5:3-​5.

GĦANDNA NIFFOKAW FUQ LI JKOLLNA KARRIERA FID-​DINJA?

11. Għala nistgħu nkunu nixtiequ karriera tajba?

11 “Karriera tajba se tagħmlek kuntent.” In-​nies għandhom mnejn jgħidulna biex niffokaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna fuq li jkollna karriera fid-​dinja, speċjalment waħda li tistaʼ ttina awtorità, tagħmilna famużi, jew sinjuri. Ladarba ħafna nies jaħsbu li karriera tajba hi s-​sigriet għall-​kuntentizza, aħna nistgħu nibdew naħsbu b’dal-​mod ukoll.

12. Hi karriera tajba s-​sigriet għall-​kuntentizza?

12 Veru li karriera li tagħtik awtorità jew tagħmlek famuż se tagħmlek ukoll kuntent? Le. Ftakar li dawn kienu l-​affarijiet li ried Satana. Sa ċertu punt, hu ħa dak li ried. Imma Satana hu rrabjat u mhux kuntent. (Mattew 4:8, 9; Rivelazzjoni 12:12) B’differenza, aħseb dwar kemm inkunu ferħanin meta ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla u l-​futur meraviljuż li hu jwiegħed. L-​ebda karriera fid-​dinja ma tistaʼ tagħtik dan it-​tip taʼ ferħ. Ukoll, sabiex in-​nies ikollhom karriera tajba, huma spiss isiru kompetittivi, aggressivi, jew jibdew jgħiru għall-​oħrajn. Imma xorta jispiċċaw iħossuhom vojta. Il-​Bibbja tgħid li huma qed ‘jiġru wara r-​riħ.’—Ekkleżjasti 4:4.

13. (a) Kif għandna nqisuh ix-​xogħol sekulari tagħna? (b) X’kien li għamel lil Pawlu ferħan verament?

13 Bla dubju, għandna bżonn il-​flus biex ngħixu, u mhuwiex ħażin li nagħżlu xogħol li jogħġobna. Imma xogħolna m’għandux ikun l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” (Mattew 6:24) Li naqdu lil Ġeħova u ngħallmu l-​Bibbja lil oħrajn se jġibilna l-​akbar ferħ. L-​appostlu Pawlu esperjenzah dan. Meta kien żgħir, hu ffoka fuq li jkollu karriera taʼ suċċess. Iktar tard, hu sab ferħ veru meta beda jipprietka lin-​nies u ra kif wieġbu għall-​messaġġ t’Alla u kif dan biddlilhom ħajjithom. (Aqra l-​1 Tessalonikin 2:13, 19, 20.) M’hemm l-​ebda karriera fid-​dinja li tistaʼ tagħmilna ferħanin daqs li naqdu lil Ġeħova u ngħallmu lil ħaddieħor dwaru!

Aħna nkunu ferħanin meta ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla (Ara paragrafi 12, 13)

NISTGĦU AĦNA NSOLVU L-​PROBLEMI TAD-​DINJA?

14. In-​nies għala togħġobhom l-​idea li l-​bnedmin jistgħu jsolvu l-​problemi tagħhom stess?

14 “Il-​bnedmin jistgħu jsolvu l-​problemi tagħhom stess.” Ħafna nies togħġobhom din l-​idea. Għala? Kieku dan kien minnu, ikun ifisser li m’għandniex bżonn il-​gwida t’Alla u li nistgħu nagħmlu dak li rridu. Forsi ġieli smajt lin-​nies jgħidu li problemi bħall-​gwerer, il-​kriminalità, il-​mard, u l-​faqar qed jonqsu. Rapport stqarr: “Ir-​raġuni għala l-​umanità qed timxi ’l quddiem hi għaliex in-​nies għażlu li jagħmlu d-​dinja post aħjar.” Huwa veru dan? Qegħdin in-​nies fl-​aħħar isibu mod kif isolvu l-​problemi tad-​dinja? Ejja neżaminaw il-​fatti.

15. Għala nistgħu ngħidu li l-​problemi fid-​dinja huma serji?

15 Solvewha l-​problema tal-​gwerer il-​bnedmin? Matul l-​Ewwel u t-​Tieni Gwerra Dinjija, mietu iktar minn 60 miljun ruħ. Matul l-​2015 biss, 12.4 miljun persuna ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom minħabba gwerer jew persekuzzjoni. Dan ammonta għal total taʼ 65 miljun persuna li telqu minn djarhom. Xi ngħidu dwar il-​kriminalità? Għalkemm f’ċerti pajjiżi xi tipi taʼ kriminalità naqsu, tipi oħra, bħall-​kriminalità li ssir fuq l-​internet (cybercrime), vjolenza domestika, u korruzzjoni qed ikomplu jiżdiedu. U l-​mard? Veru, il-​bnedmin sabu kura għal ċertu mard. Imma fl-​2013, rapport qal li kull sena disaʼ miljun persuna taħt l-​età taʼ 60 sena jmutu minħabba mard tal-​qalb, puplesija, kanċer, mard respiratorju, u dijabete. U xi ngħidu dwar il-​faqar? Il-​Bank Dinji rrapporta li n-​numru taʼ nies li jgħixu f’faqar estrem fl-​Afrika biss telaʼ minn 280 miljun fl-​1990 għal 330 miljun fl-​2012.

16. (a) Għala s-​Saltna t’Alla biss tistaʼ ttemm il-​problemi tad-​dinja? (b) Isaija u wieħed salmista x’qalu li se tagħmel is-​Saltna?

16 Dawn il-​fatti mhumiex taʼ sorpriża għalina. Illum, l-​organizzazzjonijiet ekonomiċi u politiċi huma kkontrollati minn nies egoisti. Dawn in-​nies ma jistgħux itemmu l-​gwerer, il-​kriminalità, il-​mard, u l-​faqar. Is-​Saltna t’Alla biss tistaʼ tagħmel dan. Aħseb dwar dak li Ġeħova se jagħmel għall-​umanità. Is-​Saltna tiegħu se tneħħi dak kollu li jikkaġuna l-​gwerer, bħall-​egoiżmu, il-​korruzzjoni, il-​patrijottiżmu, ir-​reliġjon falza, u lil Satana nnifsu. (Salm 46:8, 9) Is-​Saltna t’Alla se ttemm il-​kriminalità. Din is-​Saltna diġà qed tgħallem lil miljuni taʼ nies biex iħobbu u jafdaw lil xulxin. M’hemmx gvern ieħor li jistaʼ jagħmel dan. (Isaija 11:9) Ġeħova dalwaqt se jtemm il-​mard u jagħti lil kulħadd saħħa perfetta. (Isaija 35:5, 6) Hu se jtemm il-​faqar u se jagħmilha possibbli għal kulħadd biex ikollu ħajja kuntenta u relazzjoni mill-​qrib miegħu. Dan hu ħafna iktar taʼ valur minn kwalunkwe ammont taʼ flus.—Salm 72:12, 13.

‘KUN AF KIF GĦANDEK TWIEĠEB’

17. Kif tistaʼ tiċħad ir-​raġunar tad-​dinja?

17 Għalhekk, jekk tismaʼ idea popolari li tmur kontra l-​fidi tiegħek, tgħallem x’tgħid il-​Bibbja dwarha. Iddiskutiha maʼ ħu jew oħt matura. Aħseb dwar għala n-​nies togħġobhom din l-​idea, għala mhix korretta, u kif tistaʼ tiċħadha. Aħna nistgħu nipproteġu lilna nfusna mir-​raġunar tad-​dinja billi nagħmlu dak li qal Pawlu: ‘Ibqgħu mexjin bl-​għerf maʼ dawk li huma barra. Kunu afu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.’—Kolossin 4:5, 6.

^ par. 9 Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja fihom il-​versi taʼ Ġwanni 7:53–8:11, li oriġinarjament ma kinux parti mill-​Bibbja. Xi wħud li qraw dawn il-​versi b’mod żbaljat ikkonkludew li persuna mingħajr dnub biss setgħet tiġġudika li xi ħadd hu ħati t’adulterju. Imma l-​liġi li Alla ta lil Iżrael stqarret: “Jekk raġel isibuh mimdud maʼ mara li diġà jkollha sidha, it-​tnejn li huma mbagħad għandhom imutu flimkien.” (Dewteronomju 22:22) Minħabba li l-​versi taʼ Ġwanni 7:53–8:11 ma kinux fil-​kitba oriġinali, dawn ma tniżżlux fl-​edizzjoni riveduta tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Ingliż.