Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 48

Ħares Dritt ’il Quddiem Lejn il-Futur

Ħares Dritt ’il Quddiem Lejn il-Futur

“Inkwantu għal għajnejk, dawn għandhom iħarsu dritt ’il quddiem, iva, b’għajnejk ileqqu għandek tħares fiss quddiemek.”—PROV. 4:25.

GĦANJA 77 Dawl f’dinja mudlama

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Kif nistgħu napplikaw il-​parir li hemm fi Proverbji 4:25? Agħti eżempju.

AĦSEB dwar dawn it-​tliet eżempji. Oħt anzjana taħseb dwar il-​ħajja sabiħa li kellha. Minkejja li l-​ħajja tagħha bħalissa hi iktar diffiċli, qed tagħmel dak li tistaʼ għal Ġeħova. (1 Kor. 15:58) Kuljum timmaġinaha mal-​familja u l-​aħwa fil-​Ġenna tal-​art. Oħt oħra tiftakar meta xi ħadd fil-​kongregazzjoni għamel xi ħaġa li biha weġġgħet ħafna. Imma hi għażlet li ma tibqax taħseb fuqha. (Kol. 3:13) Ħu jiftakar fl-​iżbalji li għamel fil-​passat, imma issa qed jipprova jagħmel dak kollu li jistaʼ biex jibqaʼ leali lejn Ġeħova.—Salm 51:10.

2 X’hemm komuni bejn dawn it-​tliet aħwa? It-​tlieta li huma jiftakru f’affarijiet li ġrawlhom fil-​passat, imma ma jibqgħux jaħsbu fuqhom. Minflok, huma “jħarsu dritt ’il quddiem” lejn il-​futur.—Aqra Proverbji 4:25.

3. Għala hu importanti li ‘nħarsu dritt ’il quddiem’ lejn il-​futur?

3 Għala hu importanti li ‘nħarsu dritt ’il quddiem’ lejn il-​futur? Għax bħalma persuna ma tistax timxi dritt jekk toqgħod tħares lura, aħna ma nistgħux naqdu lil Ġeħova sew jekk noqogħdu naħsbu spiss dwar il-​passat tagħna.—Lq. 9:62.

4. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

4 F’dan l-​artiklu se niddiskutu tliet nases li jistgħu jġegħluna nibqgħu naħsbu dwar il-​passat. Dawn huma: (1) in-​nostalġija, (2) li nżommu f’qalbna, u (3) li nħallu l-​kuxjenza tibqaʼ tniggiżna. F’kull sitwazzjoni se naraw kif il-​Bibbja tistaʼ tgħinna ma nibqgħux naħsbu fuq ‘l-​affarijiet taʼ warajna,’ imma niffokaw fuq ‘l-​affarijiet li hemm quddiemna.’—Flp. 3:13.

IN-​NASSA TAN-​NOSTALĠIJA

X’jistaʼ jżommna lura milli nkomplu niffokaw fuq il-futur? (Ara paragrafi 5, 9, 13) *

5. Skont Ekkleżjasti 7:10, x’m’għandniex nagħmlu?

5 Aqra Ekkleżjasti 7:10. Innota li dan il-​vers ma jgħidx li hu ħażin jekk tgħid, “Dak kien żmien sabiħ!” Memorji sbieħ huma rigal mingħand Ġeħova. Minflok, il-​vers jgħid, “Tgħidx: ‘Kif inhi li l-​jiem taʼ qabel kienu aħjar minn dawn?’” Għalhekk, huwa importanti li ma naqgħux fin-​nassa li noqogħdu nqabblu l-​ħajja t’issa maʼ dik tal-​passat, għax nistgħu nibdew naraw kollox ikrah. Traduzzjoni taʼ Bibbja oħra taʼ dan il-​vers, tgħid: “La tgħidx: ‘X’inhi r-​raġuni li ż-​żminijiet taʼ qabel kienu aħjar minn dawn?’ Għax mhux taʼ għaref tistaqsi int fuq dan.”

Wara li telqu mill-Eġittu, l-Iżraelin xi żball għamlu? (Ara paragrafu 6)

6. Għala mhux tajjeb noqogħdu naħsbu li ħajjitna kienet aħjar fil-​passat? Agħti eżempju.

6 Għala mhux tajjeb noqogħdu naħsbu li ħajjitna kienet aħjar fil-​passat? Għax in-​nostalġija tistaʼ ġġegħelna naħsbu biss dwar l-​affarijiet tajbin li kellna fil-​passat u ninsew l-​affarijiet ħżiena. Pereżempju, aħseb x’għamlu l-​Iżraelin. Wara li telqu mill-​Eġittu, malajr nesew kemm kellhom ħajja diffiċli. Minflok, bdew jiftakru l-​ikel tajjeb li kienu jieklu. Huma qalu: “Kemm niftakruh il-​ħut li konna nieklu fl-​Eġittu b’xejn, il-​ħjar u d-​dulliegħ u l-​kurrat u l-​basal u t-​tewm!” (Num. 11:5) Imma, kien veru “b’xejn” l-​ikel li kielu? Le. L-​Iżraelin dak iż-​żmien kienu qed jaħdmu iebes bħala lsiera fl-​Eġittu u għalhekk batew ħafna. (Eżo. 1:13, 14; 3:6-​9) Huma nesew dik it-​tbatija u bdew jixxennqu għal dak li kellhom qabel. Huma għażlu li jiffokaw fuq l-​affarijiet sbieħ tal-​passat minflok ma jiffokaw fuq l-​affarijiet pożittivi li Ġeħova għamel għalihom. Ġeħova kien iddiżappuntat ħafna bl-​attitudni tagħhom.—Num. 11:10.

7. X’għen lill-​oħt ma taqax fin-​nassa tan-​nostalġija?

7 Kif nistgħu nevitaw li naqgħu fin-​nassa tan-​nostalġija? Ikkunsidra l-​eżempju taʼ oħt li bdiet taqdi fil-​Betel taʼ Brooklyn fl-​1945. Xi snin wara, hi żżewġet Betelit, u flimkien qdew f’Betel għal ħafna snin. Imbagħad, fl-​1976, ir-​raġel tagħha marad. Hi tgħid li meta hu rrealizza li kien wasal biex imut, taha xi pariri tajbin biex jgħinuha wara li jmut. Hu qalilha: “Kellna ħajja sabiħa flimkien. Ħafna nies ma gawdewx dan il-​ferħ bħalna.” Imbagħad kompla jgħidilha: “Memorji sbieħ tal-​affarijiet li għamilna flimkien ħa tiftakar żgur, imma tiffokax fuqhom. Iż-​żmien itaffi, u d-​dwejjaq tiegħek se jonqsu. Toqgħodx titħassar lilek innifsek, kun kuntenta li gawdejna dawn il-​barkiet flimkien. . . . Il-​memorji sbieħ huma rigal mingħand Alla.” Dan kien vera parir tajjeb!

8. Il-​parir li taha żewġha kif għen lill-​oħt?

8 Din l-​oħt applikat il-​parir taʼ żewġha. Hi baqgħet taqdi lil Ġeħova sa ma mietet fl-​età taʼ 92 sena. Ftit snin qabel mietet, hi qalet: “Meta nħares lura lejn it-​63 sena fis-​servizz full-​time, nistaʼ ngħid li jien verament kelli ħajja sodisfaċenti.” Għala? Hi spjegat: “L-​iktar ħaġa li tagħmlilna ħajjitna sodisfaċenti hija l-​fratellanza meraviljuża tagħna u t-​tama li ngħixu flimkien maʼ ħutna f’art magħmula ġenna, waqt li naqdu lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna, l-​uniku Alla veru, Ġeħova, għall-​eternità kollha.” * X’eżempju mill-​aqwa tat din l-​oħt dwar x’jiġifieri li nħarsu dritt ’il quddiem lejn il-​futur!

IN-​NASSA TAʼ LI NŻOMMU F’QALBNA

9. Kif juri Levitiku 19:18, meta jistaʼ jkun diffiċli biex naħfru?

9 Aqra Levitiku 19:18. Ġieli jkun diffiċli ħafna biex naħfru lil xi ħadd fil-​kongregazzjoni, fil-​familja, jew xi ħabib li jkun weġġagħna. Pereżempju, oħt akkużat lil oħt oħra fil-​kongregazzjoni li serqitilha l-​flus. Imma, wara ndunat li kellha żball u skużat ruħha. Però, l-​oħt li ġiet akkużata ddispjaċieha ħafna u baqgħet thewden fuqha. Ġieli ġralek hekk? Anki jekk qatt ma ġralna hekk, ħafna minna x’aktarx ġieli ħassejna li ma nistgħux naħfru lil xi ħadd li weġġagħna.

10. X’jistaʼ jgħinna ma nżommux f’qalbna meta xi ħadd iweġġagħna?

10 X’jistaʼ jgħinna ma nżommux f’qalbna meta xi ħadd iweġġagħna? Għandna niftakru li Ġeħova jara kollox. Hu jaf minn xiex għaddejjin. Pereżempju, Ġeħova jaf meta niġu trattati b’mod inġust. (Ebr. 4:13) Hu jħoss għalina. (Is. 63:9) U jwegħedna li se jneħħi l-​uġigħ kollu li għandna minħabba l-​affarijiet inġusti li ġrawlna.—Riv. 21:3, 4.

11. Kif nibbenefikaw meta ma nibqgħux inżommu f’qalbna?

11 Aħna rridu niftakru wkoll li se nħossuna aħjar meta naħfru lill-​oħrajn. L-​oħt li semmejna qabel, hekk tgħallmet. Maż-​żmien, hi ħafret lill-​oħt li akkużatha li serqet u ma baqgħetx tħossha rrabjata għaliha. Hi rrealizzat li meta naħfru lill-​oħrajn, Ġeħova jaħfer lilna. (Mt. 6:14) Hi kienet taf li dak li għamlet l-​oħt kien ħażin, imma għażlet li ma tibqax iżżomm f’qalbha. B’hekk, hi ħassitha iktar ferħana u setgħet tiffoka fuq is-​servizz tagħha lil Ġeħova.

IN-​NASSA TAʼ LI NĦALLU L-​KUXJENZA TIBQAʼ TNIGGIŻNA

12. L-​1 Ġwanni 3:19, 20, x’jgħinna nifhmu?

12 Aqra l-​1 Ġwanni 3:19, 20. Xi kultant, ilkoll inħossu l-​kuxjenza tniggiżna. Pereżempju, xi aħwa jħossu l-​kuxjenza tniggiżhom minħabba l-​affarijiet li għamlu qabel sabu l-​verità. U oħrajn minħabba żbalji li għamlu wara li tgħammdu. (Rum. 3:23) Minkejja li nixtiequ nagħmlu dak li hu tajjeb, “ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġak. 3:2; Rum. 7:21-​23) Aħna ma niħdux pjaċir meta l-​kuxjenza tniggiżna imma dan jistaʼ jagħmlilna tajjeb. Għala? Għax dawn is-​sentimenti jistgħu jgħinuna nagħmlu bidliet fil-​ħajja tagħna u nkunu determinati li ma nerġgħux nagħmlu l-​istess żbalji.—Ebr. 12:12, 13.

13. Għala rridu noqogħdu attenti li ma nħallux il-​kuxjenza tibqaʼ tniggiżna?

13 Però, minkejja li nkunu ndimna u Ġeħova jkun ħafrilna, il-​kuxjenza taf tibqaʼ tniggiżna. Dan jistaʼ jagħmlilna l-​ħsara. (Salm 31:10; 38:3, 4) Għala? Ikkunsidra l-​eżempju taʼ oħt li baqgħet tħoss il-​kuxjenza tniggiżha minħabba dnubiet li għamlet fil-​passat. Hi qalet: “Ħassejt li kien għalxejn naħdem iebes għal Ġeħova, għax xorta ma kontx se nsalva.” Ħafna minna jaf inħossuna bħal din l-​oħt. Għalhekk, irridu noqogħdu attenti li ma nħallux dawn is-​sentimenti jikkontrollawna. Għala? Għax Satana hekk irid, li nieqfu naqdu lil Ġeħova minkejja li jkun ħafrilna.—Qabbel it-​2 Korintin 2:5-​7, 11.

14. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ma jaqtax qalbu minna?

14 Imma, ‘Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ma jaqtax qalbu minna?’ Jekk issaqsi din il-​mistoqsija turi li Ġeħova jistaʼ jaħfirlek. Ħafna snin ilu, It-​Torri tal-​Għassa qal: “Jaf nibqgħu nagħmlu l-​istess żball darba wara l-​oħra. Jistaʼ jkun li ma konniex kapaċi negħlbu xi dgħufija li kellna qabel bdejna naqdu lil Ġeħova. . . . Taqtax qalbek! Toqgħodx taħseb li Ġeħova qatt ma jistaʼ jaħfirlek. Satana jridek taħseb hekk. Il-​fatt li tħossok imdejjaq u skuraġġit juri li m’intix persuna ħażina u li Ġeħova jistaʼ jaħfirlek. Kun umli u ibqaʼ itlob lil Ġeħova biex jaħfirlek, biex ikollok kuxjenza nadifa, u biex jgħinek ma terġax tagħmel l-​istess żball. Bħalma tifel li jkollu bżonn l-​għajnuna dejjem imur għand missieru, ibqaʼ itlob lil Ġeħova għall-​għajnuna u hu se jgħinek.” *

15-16. Xi aħwa kif ħassewhom meta fehmu li Ġeħova ma qatax qalbu minnhom?

15 Ħafna min-​nies taʼ Ġeħova ħassewhom inkuraġġiti meta rrealizzaw li Ġeħova ma qatax qalbu minnhom. Pereżempju, xi snin ilu, ħu kien ġie inkuraġġit b’dak li qara f’wieħed mill-​artikli fis-​serje “Il-​Bibbja Tbiddel il-​Ħajjiet.” Fl-​artiklu, oħt qalet li minħabba l-​affarijiet ħżiena li ġrawlha f’ħajjitha, kien diffiċli għaliha temmen li Ġeħova jħobbha. U wara li tgħammdet baqgħet tħossha hekk għal ħafna snin. Imma meta ħasbet sew dwar il-​fidwa, hi bdiet temmen li Ġeħova jħobbha. *

16 L-​esperjenza tagħha kif għenet lil ħu? Hu kiteb: “Meta kont żgħir spiss kont nara stampi pornografiċi, u kien diffiċli ħafna għalija biex ma nibqax narahom. Dan l-​aħħar, erġajt bdejt narahom. Jien tlabt lill-​anzjani biex jgħinuni, u qed jirnexxili negħleb din il-​problema. L-​anzjani għenuni nemmen li Ġeħova jħobbni u jrid jgħinni. Imma, xi kultant xorta waħda nħossni ma niswa għal xejn u li Ġeħova ma jistax ikun li jħobbni. Meta qrajt l-​esperjenza tal-​oħt, vera għenitni. Issa nifhem li meta ngħid li Alla ma jistax jaħfirli, inkun qed ngħid li s-​sagrifiċċju taʼ Ibnu ma kienx biżżejjed biex ipatti għad-​dnubiet tiegħi. Jien żammejt dan l-​artiklu ħalli meta nħossni ma niswa għal xejn, naqrah u nimmedita fuqu.”

17. Pawlu kif ma ħalliex il-​kuxjenza tiegħu tibqaʼ tniggżu?

17 Esperjenzi bħal dawn ifakkruna fl-​appostlu Pawlu. Qabel ma sar Kristjan hu għamel affarijiet ħżiena ħafna. Imma, ma baqax jaħseb fuqhom. (1 Tim. 1:12-​15) Hu kien iqis il-​fidwa bħala rigal personali għalih. (Gal. 2:20) Għalhekk, Pawlu ma ħalliex il-​kuxjenza tiegħu tibqaʼ tniggżu, imma ffoka fuq is-​servizz tiegħu lil Ġeħova.

IFFOKA FUQ ID-​DINJA L-​ĠDIDA

Ejja nkunu determinati li nibqgħu ffokati fuq id-dinja l-ġdida (Ara paragrafi 18-19) *

18. F’dan l-​artiklu x’tgħallimna?

18 X’tgħallimna billi eżaminajna n-​nases li ddiskutejna f’dan l-​artiklu? (1) Memorji sbieħ huma rigal mingħand Ġeħova u, anki jekk ħajjitna fil-​passat kienet sabiħa, il-​futur tagħna fid-​dinja l-​ġdida se jkun isbaħ. (2) Oħrajn jistgħu jweġġgħuna, imma meta nagħżlu li naħfru se nkunu nistgħu niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova. (3) Jekk inħallu l-​kuxjenza tibqaʼ tniggiżna tistaʼ żżommna milli naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ. Għalhekk, bħal Pawlu, irridu nemmnu li Ġeħova ħafrilna.

19. Kif nafu li fid-​dinja l-​ġdida mhux se niftakru l-​affarijiet li jġegħluna nkunu mdejqin?

19 Aħna għandna t-​tama li ngħixu għal dejjem. Fid-​dinja l-​ġdida, aħna mhux se niftakru l-​affarijiet li jġegħluna nkunu mdejqin. Dwar dak iż-​żmien, il-​Bibbja tgħid: “L-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux.” (Is. 65:17) Aħseb ftit: Xi wħud minna ilna snin naqdu lil Ġeħova u issa kbirna fl-​età, imma fid-​dinja l-​ġdida se nerġgħu nkunu żgħar. (Ġob 33:25) Għalhekk, ejja nkunu determinata li ma nibqgħux naħsbu dwar il-​passat. Minflok, ejja nibqgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-​futur u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkunu fid-​dinja l-​ġdida!

GĦANJA 142 Inżommu mat-​tama tagħna sat-​tmiem

^ par. 5 Li niftakru fil-​passat tagħna mhijiex xi ħaġa ħażina. Imma, jekk naħsbu ħafna dwar dak li ġara fil-​passat, nistgħu ma nagħmlux l-​almu tagħna għal Ġeħova u ninsew il-​wegħdi sbieħ tiegħu dwar il-​futur. Dan l-​artiklu se jiddiskuti tliet affarijiet li rridu nevitaw għax jistgħu jġegħluna naħsbu ħafna dwar dak li ġara fil-​passat. Se naraw kif il-​Bibbja u l-​eżempji tal-​aħwa se jgħinuna nevitaw dawn in-​nases.

^ par. 14 Ara It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Frar 1954, paġna 123.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: In-​nassa tan-​nostalġija, li nżommu f’qalbna, u li nħallu l-​kuxjenza tibqaʼ tniggiżna huma bħal toqol li nġorru u li jżommna milli nkomplu niffokaw fuq il-​futur.

^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Meta ma nħallux dawn in-​nases jikkontrollawna, aħna nħossuna fil-​paċi, ferħanin, u inkuraġġiti. Imbagħad se nkunu nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-​futur.