Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 46

Agħmel Kuraġġ—Ġeħova Se Jgħinek

Agħmel Kuraġġ—Ġeħova Se Jgħinek

“Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.”—EBR. 13:5.

GĦANJA 55 Tibżgħux minnhom!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’se jgħinna meta nkunu qed niffaċċjaw problema u nħossuna waħedna? (Salm 118:5-7)

ĠIELI ħassejtek waħdek meta kont qed tiffaċċja problema? Ħafna ħassewhom hekk, inkluż qaddejja leali taʼ Ġeħova. (1 Slat. 19:14) Jekk ġieli tħossok hekk, ftakar fil-​wegħda taʼ Ġeħova: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” Mela, tistaʼ tkun fiduċjuż u tgħid: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.” (Ebr. 13:5, 6) L-​appostlu Pawlu kiteb dan il-​kliem lill-​Kristjani li kienu jgħixu fil-​Lhudija madwar is-​sena 61. Kliemu jfakkarna f’dak li kiteb is-​salmista f’​Salm 118:5-7.—Aqra.

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu, u għala?

2 Pawlu kien jaf li Ġeħova kien Dak li għenu, għax fil-​passat kien għenu ħafna drabi. Pereżempju, madwar sentejn qabel kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Ebrej, Pawlu kien baqaʼ ħaj wara vjaġġ perikoluż fuq il-​baħar. (Atti 27:4, 15, 20) Matul dak il-​vjaġġ u fis-​snin taʼ qabel, Ġeħova għen lil Pawlu b’diversi modi. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw tlieta minnhom. Ġeħova pprovdielu l-​għajnuna permezz taʼ Ġesù u l-​anġli, nies fl-​awtorità, u aħwa Kristjani. Li nerġgħu nirrevedu dawn ir-​rakkonti tal-​ħajja taʼ Pawlu, se jsaħħaħ il-​fiduċja tagħna fil-​wegħdi taʼ Ġeħova li hu dejjem se jismaʼ t-​talb tagħna.

GĦAJNUNA MINGĦAND ĠESÙ U L-​ANĠLI

3. X’setaʼ ħaseb Pawlu, u għala?

3 Pawlu kellu bżonn l-​għajnuna. Madwar is-​sena 56, folla nies kaxkruh barra t-​tempju f’Ġerusalemm u provaw joqtluh. L-​għada, meta Pawlu kien quddiem is-​Sinedriju, tant kienu rrabjati li l-​kmandant militari beżaʼ li kienu se “jqattgħuh biċċiet.” (Atti 21:30-​32; 22:30; 23:6-​10) F’dak iż-​żmien, Pawlu forsi ħaseb, ‘Kemm se ndum nissaporti din it-​tbatija?’

4. Ġeħova kif għen lil Pawlu permezz taʼ Ġesù?

4 Ġesù kif għen lil Pawlu? Fil-​lejl wara li Pawlu ġie arrestat, “il-​Mulej,” jiġifieri, Ġesù, ġie ħdejh u qallu: “Agħmel kuraġġ! Għax bħalma tajt xiehda bir-​reqqa dwari f’Ġerusalemm, hekk ukoll trid tagħti xiehda f’Ruma.” (Atti 23:11) Dan kien eżatt l-​inkuraġġiment li kellu bżonn Pawlu! Ġesù faħħar lil Pawlu tax-​xhieda li kien ta f’Ġerusalemm. U wiegħed lil Pawlu li kien se jasal Ruma qawwi u sħiħ u anki jagħti xhieda hemmhekk. Wara li rċieva din il-​wegħda, Pawlu żgur li ħassu protett bħal tifel li jkun qed iżommu missieru.

Waqt vjaġġ fuq il-​baħar, qamet maltempata kbira u anġlu serraħ moħħ Pawlu li kulħadd kien se jsalva (Ara paragrafu 5)

5. Ġeħova kif uża anġlu biex jgħin lil Pawlu? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

5 Pawlu liema provi oħra ffaċċja? Madwar sentejn wara dawk il-​ġrajjiet f’Ġerusalemm, Pawlu kien fuq bastiment li kien sejjer lejn l-​Italja, u matul il-​vjaġġ qamet maltempata kbira. Din il-​maltempata tant kienet kbira li dawk kollha li kienu fuq il-​bastiment ħasbu li kienu se jmutu. Però, Pawlu ma beżax. Għala? Hu qal lil dawk kollha li kienu fuq il-​bastiment: “Dan il-​lejl ġie ħdejja anġlu taʼ l-​Alla li jien tiegħu u li lilu nagħti servizz sagru, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Int trid tidher quddiem Ċesari, u, ara, Alla se jeħlislek lil dawk kollha li qed jivvjaġġaw miegħek.’” Ġeħova uża anġlu biex jerġaʼ jfakkar lil Pawlu li kien ħa jieħu ħsiebu kif kien qallu qabel permezz taʼ Ġesù. U hekk ġara. Pawlu wasal Ruma kif kien wiegħdu Ġeħova.—Atti 27:20-​25; 28:16.

6. Liema wegħda taʼ Ġesù ssaħħaħna, u għala?

6 Ġesù kif jgħinna? Hu se jieħu ħsiebna bħalma għamel lil Pawlu. Pereżempju, lil dawk kollha li jimxu warajh, Ġesù jwegħedhom: “Jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Il-​kliem taʼ Ġesù għala jsaħħaħna? Għax xi ġranet jafu jkunu diffiċli wisq għalina. Pereżempju, meta  xi ħadd li nħobbu jmut, aħna jkollna nissaportu l-​uġigħ mhux għat ftit jiem imma għal ħafna snin. Oħrajn ikollhom diffikultajiet minħabba li huma kbar fl-​età. U oħrajn ikollhom ġranet diffiċli minħabba d-​dipressjoni. Imma minkejja dan, aħna xorta nibqgħu nissaportu għax nafu li Ġesù qiegħed magħna “l-​jiem kollha,inkluż f’dawk il-​ġranet diffiċli taʼ ħajjitna.—Mt. 11:28-​30.

Meta nippritkaw l-anġli jgħinuna (Ara paragrafu 7)

7. Skont Rivelazzjoni 14:6, Ġeħova kif jgħinna llum?

7 Il-​Kelma t’Alla twegħedna li Ġeħova jgħinna permezz tal-​anġli. (Ebr. 1:7, 14) Pereżempju, l-​anġli jgħinuna meta nippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna” lin-​nies taʼ “kull ġens u tribù u lsien u poplu.”—Mt. 24:13, 14; aqra Rivelazzjoni 14:6.

GĦAJNUNA MINGĦAND NIES FL-​AWTORITÀ

8. Ġeħova kif għen lil Pawlu permezz taʼ kmandant militari?

8 Pawlu x’għajnuna rċieva? Lura fis-​sena 56, Ġesù wiegħed lil Pawlu li kien se jasal Ruma. Però, xi Lhud f’Ġerusalemm ippjanaw biex jattakkawh u joqtluh. Meta l-​kmandant militari Ruman Klawdju Lisja sar jaf bil-​pjan, hu għen lil Pawlu. Malajr, hu ordna lil grupp taʼ suldati biex jipproteġu lil Pawlu u jiħduh Ċesarija, li kienet ’il bogħod minn Ġerusalemm madwar 105 kilometri. F’Ċesarija, il-​Gvernatur Feliċ ta l-​ordni biex Pawlu “jinżamm mgħasses fil-​palazz pretorjan t’Erodi.” B’hekk, il-​Lhud li riedu joqtluh ma setgħu jagħmlulu xejn.—Atti 23:12-​35.

9. Il-​Gvernatur Festu kif għen lil Pawlu?

9 Sentejn wara, Pawlu kien għadu l-​ħabs f’Ċesarija. Issa, il-​Gvernatur Festu kien ħa post il-​Gvernatur Feliċ. Il-​Lhud talbu lil Festu biex Pawlu jmur Ġerusalemm u jgħaddi ġuri, imma hu m’aċċettax. Forsi Festu kien jaf li l-​Lhud “ippjanaw nasba biex joqtluh fit-​triq.”—Atti 24:27; 25:1-​5.

10. X’għamel Festu meta Pawlu talbu biex jidher quddiem Ċesari?

10 Iktar tard, Pawlu għadda ġuri f’Ċesarija. Minħabba li Festu “xtaq jingħoġob mil-​Lhud,” hu staqsa lil Pawlu: “Tixtieq titlaʼ Ġerusalemm u tiġi ġudikat quddiemi dwar dan hemmhekk?” Pawlu kien jaf li jekk imur Ġerusalemm, il-​Lhud x’aktarx kienu se joqtluh, u li biex isalva ħajtu, kellu jmur Ruma u jkompli jipprietka. Hu qallu: “Nappella għal quddiem Ċesari!” Wara li tkellem mal-​kunsilliera tiegħu, Festu qallu: “Għal quddiem Ċesari appellajt u għand Ċesari se tmur.” Din id-​deċiżjoni salvat lil Pawlu mill-​għedewwa tiegħu. Fi ftit żmien, Pawlu kien se jkun Ruma, ’il bogħod mil-​Lhud li riedu joqtluh.—Atti 25:6-​12.

11. Liema kliem inkuraġġanti setaʼ ftakar Pawlu?

11 Waqt li Pawlu kien qed jistenna biex jibda l-​vjaġġ tiegħu lejn l-​Italja, forsi ftakar fit-​twissija li l-​profeta Isaija ta lill-​għedewwa taʼ Ġeħova. Permezz taʼ Isaija, Ġeħova qal: “Fasslu pjan, u se jisfaxxa! Lissnu kelma, u mhix se treġi [jew, titwettaq], għax magħna hu Alla!” (Is. 8:10) Pawlu kien jaf li Alla kien se jgħinu, u dan żgur li għenu biex jissaporti l-​provi li kien se jiffaċċja.

Bħalma għamel fil-passat, Ġeħova jistaʼ juża nies f’awtorità biex jgħin lill-qaddejja tiegħu llum (Ara paragrafu 12)

12. Ġulju kif tratta lil Pawlu, u x’aktarx Pawlu xi rrealizza?

12 Fis-​sena 58, Pawlu beda l-​vjaġġ tiegħu lejn l-​Italja. Minħabba li kien priġunier, suldat Ruman jismu Ġulju kien għassa miegħu. B’hekk, Ġulju kieku ried setaʼ għamel il-​ħajja taʼ Pawlu diffiċli. Imma hu kif uża l-​awtorità tiegħu? L-​għada meta waqfu għall-​ewwel darba, “Ġulju wera qalb tajba maʼ Pawlu u ħallieh imur ħdejn ħbiebu.” Iktar tard, Ġulju anki salva lil Pawlu. Kif? Is-​suldati li kienu fuq il-​bastiment riedu joqtlu lill-​priġunieri kollha, imma Ġulju ma ħallihomx. Għala? Hu kien determinat “li jwassal lil Pawlu qawwi u sħiħ.” Pawlu x’aktarx irrealizza li Ġeħova kien qed juża lil dan is-​suldat li kien qalbu tajba biex jgħinu u jipproteġih.—Atti 27:1-​3, 42-​44.

Ara paragrafu 13

13. Ġeħova kif jistaʼ juża nies f’awtorità?

13 Aħna x’għajnuna nirċievu? Meta jkun fi qbil mal-​iskop tiegħu, Ġeħova jistaʼ juża l-​qawwa tal-​ispirtu qaddis tiegħu biex nies f’awtorità jagħmlu dak li jixtieq hu. Is-​Sultan Salamun kiteb: “Il-​qalb taʼ sultan hi bħal nixxigħat taʼ ilma f’id Ġeħova. Idawwarha kulfejn jogħġbu.” (Prov. 21:1) Dan il-​vers xi jfisser? In-​nies jistgħu jħaffru kanal biex l-​ilma jmur fejn iridu huma. Bl-​istess mod, Ġeħova jistaʼ juża l-​ispirtu tiegħu biex jinfluwenza lill-​mexxejja ħalli b’dak li jagħmlu jwettqu l-​iskop tiegħu. Meta jiġri hekk, nies f’awtorità jiġu motivati biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin u b’hekk jibbenefika l-​poplu t’Alla.—Qabbel Esdra 7:21, 25, 26.

14. Fi qbil maʼ Atti 12:5, għal min nistgħu nitolbu?

14 Aħna x’nistgħu nagħmlu? Nistgħu nitolbu “għas-​slaten u għal kulmin għandu pożizzjoni għolja” ħalli dawn jieħdu deċiżjonijiet tajbin meta jkun hemm involut il-​ħajja u l-​ministeru Kristjan tagħna. (1 Tim. 2:1, 2; Neħ. 1:11) Bħall-​Kristjani tal-​bidu, aħna spiss nitolbu lil Alla biex jgħin lill-​aħwa li qegħdin fil-​ħabs. (Aqra Atti 12:5; Ebr. 13:3) Aħna nistgħu nitolbu wkoll għal gwardjani li jkunu għassa magħhom. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova wkoll biex jinfluwenza l-​ħsibijiet tagħhom u, bħal Ġulju, jittrattaw lil ħutna fil-​ħabs “b’qalb tajba.”—Atti 27:3.

GĦAJNUNA MINGĦAND ĦUTNA

15-16. Ġeħova kif uża lil Aristarku u Luqa biex jgħin lil Pawlu?

15 Pawlu x’għajnuna rċieva? Meta Pawlu vjaġġa lejn Ruma, Ġeħova spiss uża lill-​aħwa biex jgħinuh. Ejja nikkunsidraw xi eżempji.

16 Żewġt iħbieb leali taʼ Pawlu, Aristarku u Luqa, iddeċidew li jivvjaġġaw miegħu lejn Ruma. * Huma kienu lesti jissograw ħajjithom biex ikunu maʼ Pawlu, minkejja li l-​ebda wieħed minnhom ma jidher li rċieva xi garanzija mingħand Ġesù li kien se jasal Ruma. Kien matul il-​vjaġġ diffiċli li saru jafu li kienu se jibqgħu ħajjin. Meta Aristarku u Luqa rikbu l-​bastiment f’Ċesarija, Pawlu żgur li talab mill-​qalb lil Ġeħova biex jirringrazzjah talli pprovdielu lil dawn iż-​żewġ aħwa kuraġġużi.—Atti 27:1, 2, 20-​25.

17. Ġeħova kif uża lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni biex jgħin lil Pawlu?

17 Matul il-​vjaġġ tiegħu, Pawlu rċieva l-​għajnuna mingħand l-​aħwa diversi drabi. Pereżempju, meta waqaf fil-​port tal-​belt taʼ Sidon, Ġulju ħalla lil Pawlu “jmur ħdejn ħbiebu biex jieħdu ħsiebu.” U iktar tard, fil-​belt taʼ Putijoli, Pawlu u dawk li kienu miegħu ‘sabu l-​aħwa, u dawn talbuhom bil-​ħrara biex jibqgħu magħhom sebat ijiem.’ Waqt li dawn l-​aħwa ħadu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ Pawlu u dawk li kienu miegħu, Pawlu żgur li inkuraġġiehom bl-​esperjenzi tiegħu. (Qabbel Atti 15:2, 3.) Wara dik iż-​żjara inkuraġġanti, Pawlu u l-​aħwa l-​oħra baqgħu sejrin bil-​vjaġġ.—Atti 27:3; 28:13, 14.

Bħal Pawlu, aħna nistgħu nirċievu l-għajnuna permezz tal-aħwa (Ara paragrafu 18)

18. X’wassal lil Pawlu biex jirringrazzja lil Ġeħova u jagħmel kuraġġ?

18 Hekk kif kien miexi lejn Ruma, Pawlu jaf ħaseb dwar dak li kien kiteb tliet snin qabel lill-​kongregazzjoni taʼ dik il-​belt: “Ili s-​snin nixtieq ħafna niġi għandkom.” (Rum. 15:23) Però, hu qatt ma ħaseb li kien se jmur hemm bħala priġunier. Min jaf kemm ħassu inkuraġġit meta ra lill-​aħwa minn Ruma jistennewh! “Malli lemaħhom, Pawlu radd ħajr lil Alla u għamel il-​kuraġġ.” (Atti 28:15) Pawlu għala rringrazzja lil Ġeħova xħin ra l-​aħwa? Għax hu rrealizza li Ġeħova kien qed jgħinu permezz tal-​aħwa.

Ara paragrafu 19

19. Bħalma juri l-​1 Pietru 4:10, Ġeħova kif jistaʼ jużana biex ngħinu lill-​aħwa?

19 X’nistgħu nagħmlu? Taf xi aħwa fil-​kongregazzjoni tiegħek li qed ibatu minħabba xi marda jew problema oħra? Jew forsi tilfu lil xi ħadd li jħobbu fil-​mewt. Jekk insiru nafu li xi ħadd għandu bżonn l-​għajnuna, nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa sabiħa għalih. Dak li ngħidu jew nagħmlu jistaʼ jkun l-​inkuraġġiment li jkollhom bżonn ħutna. * (Aqra l-​1 Pietru 4:10.) Jekk ngħinuhom, huma jistgħu jerġgħu jibdew jafdaw li l-​wegħda taʼ Ġeħova, “żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx,” tapplika għalihom. Meta tagħmel hekk żgur li se tkun ferħan!

20. Għala aħna fiduċjużi u ngħidu: “Ġeħova hu dak li jgħinni”?

20 Bħal Pawlu u l-​aħwa li kienu miegħu, matul il-​ħajja tagħna nistgħu niffaċċjaw problemi. Minkejja dan, aħna nistgħu nagħmlu kuraġġ għax Ġeħova qiegħed magħna. Hu jgħinna permezz taʼ Ġesù u l-​anġli. Ukoll, jekk ikun fi qbil mal-​iskop tiegħu, Ġeħova jistaʼ jgħinna permezz taʼ nies f’awtorità. U bħalma ħafna minna ġieli esperjenzajna, Ġeħova juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jimmotiva lill-​aħwa ħalli jgħinuna. Għalhekk, bħal Pawlu, aħna fiduċjużi u ngħidu: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?”—Ebr. 13:6.

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

^ par. 5 Dan l-​artiklu se jikkunsidra tliet modi kif Ġeħova għen lill-​appostlu Pawlu biex jissaporti l-​provi. Billi naraw kif Ġeħova għenu, dan se jsaħħaħ il-​fiduċja tagħna li  Ġeħova se jgħinna meta nkunu qed niffaċċjaw il-​provi.

^ par. 16 Aristarku u Luqa kienu diġà vvjaġġaw maʼ Pawlu. Dawn l-​irġiel leali baqgħu maʼ Pawlu anki meta kien il-​ħabs f’Ruma.—Atti 16:10-​12; 20:4; Kol. 4:10, 14.