Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 45

Komplu Uru Mħabba Leali Lejn Xulxin

Komplu Uru Mħabba Leali Lejn Xulxin

“Ipprattikaw il-​ħniniet u l-​qalb tajba bl-​imħabba maʼ xulxin.”—ŻAK. 7:9.

GĦANJA 107 Il-​mudell divin tal-​imħabba

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. X’inhuma xi raġunijiet tajbin għala għandna nuru mħabba leali bejnietna?

 GĦANDNA diversi raġunijiet biex nuru mħabba leali lejn xulxin. X’inhuma xi wħud minnhom? Dawn il-​versi li nsibu fil-​ktieb tal-​Proverbji se jgħinuna nsibu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija: “Jalla l-​qalb tajba u l-​verità ma jitilqukx. . . . B’hekk tingħoġob u tidher li għandek dehen kbir f’għajnejn Alla u l-​bniedem.” “Bniedem taʼ qalb tajba bl-​imħabba jippremja lilu nnifsu.” “Min qed jiġri wara s-​sewwa u l-​qalb tajba bl-​imħabba se jsib il-​ħajja.”—Prov. 3:3, 4; 11:17; 21:21.

2 Dawn il-​proverbji jsemmu tliet raġunijiet għala għandna nuru mħabba leali. L-​ewwel, meta aħna nuru mħabba leali nsiru prezzjużi għal Ġeħova. It-​tieni, meta nuru mħabba leali nirċievu affarijiet tajbin. Pereżempju, aħna ngawdu ħbiberija taʼ vera m’oħrajn. It-​tielet, meta nuru mħabba leali, aħna se nirċievu affarijiet tajbin fil-​futur, inkluż il-​ħajja taʼ dejjem. Mela jkun tajjeb li nobdu l-​kliem taʼ Ġeħova: “Ipprattikaw il-​ħniniet u l-​qalb tajba bl-​imħabba maʼ xulxin.”—Żak. 7:9.

3. Liema mistoqsijiet ser inwieġbu f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu ser inwieġbu erbaʼ mistoqsijiet. Maʼ min għandna nuru mħabba leali? X’nistgħu nitgħallmu mill-​ktieb taʼ Rut dwar l-​imħabba leali? Kif nistgħu nuru mħabba leali llum? U liema affarijiet tajbin ingawdu jekk nuru mħabba leali?

MAʼ MIN GĦANDNA NURU MĦABBA LEALI?

4. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova? (Marku 10:29, 30)

4 Fl-​artiklu taʼ qabel dan tgħallimna li Ġeħova juri l-​imħabba leali biss maʼ dawk li jħobbuh u jaqduh. (Dan. 9:4) Bħala t-​tfal tiegħu, aħna rridu ‘nimitaw lil Alla.’ (Efes. 5:1) Għalhekk, irid ikollna mħabba leali għal ħutna fil-​kongregazzjoni.—Aqra Marku 10:29, 30.

5-6. In-​nies x’jifhmu bil-​kelma “lealtà”?

5 Ilkoll kemm aħna naqblu li iktar ma nkunu nafu x’inhi l-​imħabba leali, iktar se nkunu nistgħu nuruha mal-​aħwa. Biex nifhmu iktar x’inhi l-​imħabba leali li għandha x’taqsam mal-​lealtà, se nġibu eżempju taʼ x’jifhmu n-​nies bil-​kelma “lealtà.”

 6 Illum nistgħu ngħidu li xi ħadd li jkun ilu jaħdem mal-​istess kumpanija għal ħafna snin huwa ħaddiem leali. Minkejja li jkun ilu jaħdem maʼ din il-​kumpanija, hu jaf ma jkun iltaqaʼ qatt mal-​imgħallem tiegħu. U jaf mhux dejjem jaqbel mad-​deċiżjonijiet li jieħu l-​imgħallem. Imma hu baqaʼ jaħdem maʼ din il-​kumpanija għal dawn is-​snin, għax għalih l-​aqwa li jdaħħal il-​paga. Hu għandu mnejn ikompli jaħdem hemmhekk sakemm jirtira jew isib xogħol aħjar.

7-8. (a) Xi jġiegħel lil xi ħadd juri mħabba leali? (b) Għala se nikkunsidraw xi versi mill-​ktieb taʼ Rut?

7 Id-​differenza bejn il-​lealtà li ddiskutejna f’ paragrafu 6 u l-​imħabba leali hi r-​raġuni għala persuna turiha. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova fil-​passat għala wrew imħabba leali? Huma wrew imħabba leali għax xtaqu u mhux taʼ bilfors. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ David. Hu wera mħabba leali mal-​ħabib tiegħu Ġonatan minkejja li missieru ried joqtlu. U snin wara li Ġonatan kien miet, David baqaʼ juri mħabba leali mat-​tifel tiegħu Mefiboset.—1 Sam. 20:9, 14, 15; 2 Sam. 4:4; 8:15; 9:1, 6, 7.

8 Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna dwar l-​imħabba leali billi naraw xi versi mill-​ktieb taʼ Rut. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu dwar l-​imħabba leali minn xi wħud li jissemmew fil-​ktieb taʼ Rut? U kif nistgħu napplikaw dawn il-​lezzjonijiet maʼ ħutna fil-​kongregazzjoni? *

X’NISTGĦU NITGĦALLMU DWAR L-​IMĦABBA LEALI MILL-​KTIEB TAʼ RUT?

9. Nagħomi għala ħasbet li Ġeħova kien ħadha kontriha?

9 Fil-​ktieb taʼ Rut insibu r-​rakkont dwar Nagħomi, il-​mara tat-​tifel tagħha, Rut, u raġel jismu Bogħaż. Bogħaż kien iħobb lil Alla u kien jiġi mir-​raġel taʼ Nagħomi. Minħabba l-​ġuħ f’Iżrael, Nagħomi, ir-​raġel tagħha, u t-​tfal telqu lejn Mowab. Waqt li kienu qed jgħixu hemm, ir-​raġel taʼ Nagħomi miet. Iż-​żewġt itfal tagħha żżewġu, u b’dispjaċir, iktar tard mietu wkoll. (Rut 1:3-​5; 2:1) Dan ġiegħel lil Nagħomi biex tħossha skuraġġita ħafna. Hi tant ħassitha skuraġġita li ħasbet li Ġeħova ħadha kontriha. Innota x’qalet: “Id Ġeħova daret kontrija.” ‘Dak li Jistaʼ Kollox ġabli ħafna niket.’ Saħansitra qalet: “Kien Ġeħova li umiljani u Dak li Jistaʼ Kollox li ġabli l-​gwaj.”—Rut 1:13, 20, 21.

10. Ġeħova kif ħassu dwar dak li qalet Nagħomi, u hu x’għamel biex jgħinha?

10 Ġeħova x’għamel minkejja dak li qalet Nagħomi? Hu tħassarha u għenha. Ġeħova fehem li t-​tbatija “tistaʼ ġġiegħel lill-​għaref jaġixxi taʼ miġnun.” (Ekk. 7:7) Imma Nagħomi xorta kellha bżonn l-​għajnuna biex tinduna li Ġeħova ma kienx abbandunaha. Ġeħova liema għajnuna pprovdielha? (1 Sam. 2:8) Hu uża lil Rut biex tgħinha u turi mħabba leali magħha. Rut riedet turi l-​imħabba maʼ Nagħomi, u b’qalb tajba għenitha biex ma tibqax tħossha skuraġġita, u biex tkun taf li Ġeħova għadu jħobbha. X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Rut?

11. Għala ħafna aħwa b’qalb tajba jipprovaw jgħinu lil dawk li jħossuhom imdejqin jew skuraġġiti?

11 Meta jkollna mħabba leali, aħna se nipprovaw ngħinu lil dawk li jkunu mdejqin jew skuraġġiti. Bħalma Rut baqgħet maʼ Nagħomi, ħafna aħwa b’qalb tajba jibqgħu jgħinu lil dawk li jkunu mdejqin jew skuraġġiti fil-​kongregazzjoni. L-​imħabba li għandhom lejn ħuthom iġġegħelhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinuhom. (Prov. 12:25; 24:10) L-​appostlu Pawlu inkuraġġiena biex nagħmlu dan meta qal: “Ikkonslaw lid-​dipressi, wieżnu lid-​dgħajfin, uru sabar fit-​tul lejn kulħadd.”—1 Tess. 5:14.

Meta nisimgħu lill-​aħwa skuraġġiti, nistgħu ngħinuhom (Ara paragrafu 12)

12. Spiss, liema hu l-​aħjar mod biex ngħinu lill-​aħwa li jkunu qed iħossuhom skuraġġiti?

12 Spiss, l-​aħjar mod biex tgħin lil dawk li jħossuhom skuraġġiti hu billi tismagħhom u turihom li tħobbhom. Ġeħova japprezza ħafna dak li qed tagħmel biex tgħin lill-​qaddejja prezzjużi tiegħu. (Salm 41:1) Proverbji 19:17 jgħid: “Min iħenn għall-​batut ikun qed jislef lil Ġeħova, u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.”

Rut tibqaʼ maʼ Nagħomi, il-kunjata tagħha, waqt li Għorfa tmur lura Mowab. Rut tgħid lil Nagħomi: “Fejn tmur int, immur jien.” (Ara paragrafu 13)

13. Id-​deċiżjoni taʼ Rut kif kienet differenti minn taʼ Għorfa, u Rut kif uriet imħabba leali? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

13 Aħna nifhmu iktar x’inhi mħabba leali meta naħsbu dwar dak li ġara lil Nagħomi wara li mietu r-​raġel u t-​tfal tagħha. Meta Nagħomi saret taf li “Ġeħova kien ħaseb fil-​poplu tiegħu billi tahom il-​ħobż,” hi ddeċidiet li tmur lura lejn il-​pajjiżha. (Rut 1:6) Iż-​żewġ nisa tat-​tfal tagħha bdew jivvjaġġaw lura magħha. Però matul it-​triq, Nagħomi tliet darbiet qaltilhom biex imorru lura Mowab. X’ġara? Il-​Bibbja tgħid: “Għorfa bieset lill-​kunjata, iżda Rut baqgħet imqabbda magħha.” (Rut 1:7-​14) Għorfa għamlet dak li qaltilha Nagħomi u marret lura Mowab. Imma Rut m’għamlitx hekk. Hi wkoll setgħet tmur lura Mowab, imma ddeċidiet li tibqaʼ maʼ Nagħomi. (Rut 1:16, 17) Rut għażlet li tibqaʼ maʼ Nagħomi għax riedet hi, mhux taʼ bilfors. Rut uriet imħabba leali. X’nitgħallmu minn dak li għamlet Rut?

14. (a) Ħafna aħwa kif imitaw lil Rut? (b) Skont Ebrej 13:16, kif nistgħu nferrħu lil Ġeħova?

14 Meta jkollna mħabba leali se nagħmlu iktar minn dak li jkun mistenni minna biex ngħinu lil oħrajn. Ħafna aħwa llum għażlu li juru mħabba leali anki maʼ aħwa li qatt ma jkunu ltaqgħu magħhom. Pereżempju, meta jseħħ xi diżastru, huma mill-​ewwel ikunu jridu jmorru jgħinu. U meta xi ħadd fil-​kongregazzjoni ma jkunx qed ilaħħaq mal-​ispejjeż tal-​ħajja, huma mill-​ewwel jipprovaw jaraw kif jistgħu jgħinuh. Bħall-​Kristjani tal-​bidu fil-​Maċedonja, l-​aħwa llum jagħmlu iktar minn dak li jkun mistenni minnhom. Huma jagħmlu sagrifiċċji billi jagħtu mill-​ħin u l-​affarijiet tagħhom, ‘saħansitra iktar milli jistgħu,’ biex jgħinu lill-​aħwa li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. (2 Kor. 8:3) Ġeħova jkun ferħan meta jara lil dawn l-​aħwa juru mħabba leali.—Aqra Ebrej 13:16.

ILLUM KIF NISTGĦU NURU MĦABBA LEALI?

15-16. Rut kif uriet li baqgħet tipprova tgħin lil Nagħomi?

15 Billi neżaminaw ir-​rakkont taʼ Rut u Nagħomi nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti. Ejja nikkunsidraw ftit minnhom.

16 Ibqaʼ pprova għin. Meta Rut qalet lil Nagħomi li riedet tmur magħha Ġuda, għall-​ewwel Nagħomi qaltilha le. Imma Rut baqgħet tinsisti biex tmur magħha. X’kien ir-​riżultat? Il-​Bibbja tgħid: “Meta [Nagħomi] rat li kienet determinata li tmur magħha, ma qaltilha xejn iktar.”—Rut 1:15-​18.

17. X’se jgħinna nibqgħu nipprovaw ngħinu?

17 Il-​lezzjoni għalina: Għandna bżonn il-​paċenzja biex ngħinu lil dawk li huma dipressi, imma rridu nibqgħu nipprovaw ngħinuhom. Oħt li jaf ikollha bżonn l-​għajnuna, jistaʼ jkun li għall-​ewwel ma taċċettax. * Imma l-​imħabba leali se ġġegħelna nibqgħu nipprovaw ngħinuha. (Gal. 6:2) Aħna nittamaw li hi mbagħad taċċetta l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment tagħna.

18. Rut għala jaf ħassitha ddispjaċuta?

18 Tiħux għalik. Meta Nagħomi u Rut waslu Betlem, Nagħomi ltaqgħet mal-​ġirien li kellha qabel u qaltilhom: “Kelli minn kollox meta tlaqt, u b’idi vojta ġegħelni niġi lura Ġeħova.” (Rut 1:21) Immaġinaw kif ħassitha Rut meta semgħet lil Nagħomi tgħid dan il-​kliem! Hi għamlet dak kollu li setgħet biex tgħin lil Nagħomi. Rut bkiet magħha, inkuraġġietha, u vvjaġġat lura magħha. Minkejja dan kollu, Nagħomi qalet: “B’idi vojta ġegħelni niġi lura Ġeħova.” Dan il-​kliem instemaʼ bħallikieku hi m’apprezzatx dak li Rut għamlet magħha. X’aktarx li Rut iddispjaċieha ħafna! Però, hi xorta waħda baqgħet maʼ Nagħomi.

19. X’se jgħinna nibqgħu nipprovaw ngħinu lil xi ħadd li jkun skuraġġit?

19 Il-​lezzjoni għalina: Illum, oħt skuraġġita tistaʼ tgħid xi ħaġa li tweġġagħna minkejja dak kollu li nkunu għamilna biex ngħinuha. Imma kemm hu importanti li ma niħdux għalina! Minflok għandna nibqgħu nipprovaw ngħinu lil din l-​oħt u nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nsibu modi kif ninkuraġġuha.—Prov. 17:17.

L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Bogħaż? (Ara paragrafi 20-21)

20. X’għen lil Rut biex tibqaʼ tgħin lil Nagħomi?

20 Inkuraġġixxi lil min għandu bżonn. Rut uriet imħabba leali maʼ Nagħomi, imma anki hi kellha bżonn l-​inkuraġġiment. Għalhekk, Ġeħova uża lil Bogħaż biex jinkuraġġiha. Bogħaż qal lil Rut: “Jalla Ġeħova jippremjak taʼ dak li tagħmel, u jalla tirċievi ħlas perfett mingħand Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, li taħt ġwinħajh ġejt tfittex il-​kenn.” Dan il-​kliem li jmiss il-​qalb inkuraġġixxa lil Rut. Fil-​fatt hi qaltlu: “Int kont taʼ faraġ għalija u . . . bi kliemek serraħt moħħ il-​qaddejja tiegħek.” (Rut 2:12, 13) Bogħaż inkuraġġixxa lil Rut meta kellha bżonn l-​għajnuna, u dan għenha biex ma taqtax qalbha.

21. Skont Isaija 32:1, 2, l-​anzjani kif jistgħu jgħinu?

21 Il-​lezzjoni għalina: Dawk li juru mħabba leali m’oħrajn ukoll ikollhom bżonn l-​inkuraġġiment. Bħalma Bogħaż faħħar lil Rut meta nnota li hi kienet qalbha tajba maʼ Nagħomi, illum l-​anzjani wkoll ifaħħru lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni meta jinnotaw li qed jgħinu lil ħuthom li jkollhom bżonn l-​għajnuna. Meta l-​anzjani jagħmlu hekk, ikunu qed jgħinu lill-​aħwa biex ikomplu juru mħabba leali.—Aqra Isaija 32:1, 2.

LIEMA AFFARIJIET TAJBIN INGAWDU META NURU MĦABBA LEALI?

22-23. L-​attitudni taʼ Nagħomi kif inbidlet, u għala? (Salm 136:23, 26)

22 Wara li għadda xi żmien, Bogħaż ipprovda l-​ikel lil Rut u Nagħomi. (Rut 2:14-​18) Nagħomi x’għamlet meta rat li Bogħaż kien ġeneruż magħhom? Hi qalet: “Ħa jkun imbierek minn Ġeħova, li ma warrabx il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu mill-​ħajjin u mill-​mejtin.” (Rut 2:20a) Issa, Nagħomi ma baqgħetx taħsibha bħal qabel. Qabel, bid-​dwejjaq li kellha qalet: “Kien Ġeħova li umiljani,” imma mbagħad bil-​ferħ qalet: ‘Ġeħova ma warrabx il-​qalb tajba bl-​imħabba minni.’ Nagħomi għala ma baqgħetx tħossha skuraġġita?

23 Fl-​aħħar, Nagħomi bdiet tifhem li Ġeħova ma kienx abbandunaha. Ġeħova kien uża lil Rut biex tgħinha waqt il-​vjaġġ tagħha lejn Ġuda. (Rut 1:16) Nagħomi rat ukoll li Ġeħova uża lil Bogħaż biex jgħin lilha u lil Rut. * (Rut 2:19, 20b) X’aktarx li Nagħomi fehmet li Ġeħova qatt ma kien telaqha, u li baqaʼ jieħu ħsiebha. (Aqra Salm 136:23, 26.) Min jaf kemm apprezzat Nagħomi li Rut u Bogħaż baqgħu jipprovaw jgħinuha! Bogħaż u Rut kienu ferħanin li Nagħomi reġgħet bdiet tħossha kuntenta u kompliet taqdi lil Ġeħova.

24. Għala rridu nkomplu nuru mħabba leali maʼ ħutna?

24 X’tgħallimna mill-​ktieb taʼ Rut dwar l-​imħabba leali? L-​imħabba leali ġġegħelna nibqgħu nipprovaw ngħinu lil ħutna li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Barra minn hekk, iġġegħelna nagħmlu sforz biex ngħinuhom. L-​anzjani għandhom jinnotaw u jfaħħru mill-​qalb lil dawk l-​aħwa li jkunu qed juru mħabba leali lejn oħrajn. Meta naraw li dawn l-​aħwa reġgħu bdew jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ, aħna wkoll se nħossuna kuntenti. (Atti 20:35) Però, x’inhi l-​iktar raġuni importanti għala għandna nkomplu nuru mħabba leali? Għax aħna rridu nkomplu nimitaw u nogħġbu lil Ġeħova, li juri mħabba leali b’ħafna modi.—Eżo. 34:6; Salm 33:22.

GĦANJA 130 Aħfer

^ par. 5 Ġeħova jridna nuru mħabba leali maʼ ħutna fil-​kongregazzjoni. Nistgħu nifhmu aħjar x’inhi l-​imħabba leali billi neżaminaw kif uħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova fil-​passat urew din il-​kwalità. F’dan l-​artiklu se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji taʼ Rut, Nagħomi, u Bogħaż.

^ par. 8 Biex tifhem aħjar il-​lezzjonijiet f’dan l-​artiklu, inħeġġuk taqra Rut kapitli 1 u 2.

^ par. 17 Minħabba li qegħdin nikkunsidraw l-​eżempju taʼ Nagħomi, fil-​paragrafu użajna eżempju taʼ oħt. Imma l-​lezzjonijiet f’dan l-​artiklu japplikaw għall-​aħwa rġiel ukoll.

^ par. 23 Biex tifhem għala Bogħaż kellu dritt jifdi lil Nagħomi, ara kapitlu ħamsa tal-​ktieb Imita l-​fidi tagħhom—“Mara mill-​Aħjar.”