Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 46

Koppji li Għadkom Tiżżewġu—Poġġu x-Xogħol taʼ Ġeħova l-Ewwel f’Ħajjitkom

Koppji li Għadkom Tiżżewġu—Poġġu x-Xogħol taʼ Ġeħova l-Ewwel f’Ħajjitkom

“Ġeħova hu s-​saħħa . . . tiegħi. Fih fdat qalbi.”—SALM 28:7.

GĦANJA 131 “Dak li Alla għaqqad flimkien”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Dawk li għadhom kif jiżżewġu għala għandhom jafdaw f’Ġeħova? (Salm 37:3, 4) (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

 SE TIŻŻEWWEĠ jew għadek kif tiżżewweġ? Jekk iva, żgur li qed tħares ’il quddiem biex tgħix il-​kumplament taʼ ħajtek mal-​persuna li tħobb. Bla dubju, il-​ħajja miżżewġa fiha l-​isfidi tagħha u jekk għadkom kif tiżżewġu se jkollkom tieħdu deċiżjonijiet importanti. Dak li tagħmlu meta tinqalaʼ problema u d-​deċiżjonijiet li tieħdu wara, se jaffettwaw ħafna l-​ferħ li jistaʼ jkollkom fil-​ħajja miżżewġa tagħkom. Jekk tistrieħu fuq Ġeħova se tieħdu deċiżjonijiet tajbin, iż-​żwieġ tagħkom se jissaħħaħ, u se tkunu iktar ferħanin. Jekk ma tapplikawx il-​pariri taʼ Ġeħova, x’aktarx li se jkollkom il-​problemi fiż-​żwieġ tagħkom u mhux se tkunu kuntenti.—Aqra Salm 37:3, 4.

2 Għalkemm dan l-​artiklu se jiffoka fuq dawk li għadhom kif jiżżewġu, se jiddiskuti sfidi li l-​miżżewġin kollha jiffaċċjaw. Se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji taʼ rġiel u nisa leali li nsibu fil-​Bibbja. Dawn l-​eżempji li se naraw se jgħallmuna lezzjonijiet li nistgħu napplikaw fil-​ħajja tagħna u fiż-​żwieġ tagħna. Se naraw ukoll x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenzi taʼ koppji miżżewġin fi żmienna.

KOPPJI LI GĦADHOM KIF IŻŻEWĠU XI SFIDI JISTGĦU JIFFAĊĊJAW?

Liema deċiżjonijiet jistgħu jżommu lill-koppji li jkunu għadhom kif jiżżewġu milli jagħmlu iżjed għal Ġeħova? (Ara paragrafi 3-4)

3-4. Koppji li jkunu għadhom kif iżżewġu liema sfidi jistgħu jiffaċċjaw?

3 Xi nies jistgħu jinkuraġġixxu lill-​koppja li tkun għadha kif iżżewġet biex jgħixu ħajja normali. Pereżempju, il-​ġenituri u oħrajn tal-​familja jistgħu jagħmlu pressjoni lill-​koppja biex ikollhom it-​tfal mill-​ewwel. Jew forsi jħajruhom biex jixtru dar u jarmawha b’ħafna affarijiet.

4 Jekk ma joqogħdux attenti, koppja jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jwassluhom biex jagħmlu ħafna dejn. Imbagħad, x’aktarx li kemm ir-​raġel kif ukoll il-​mara se jkollhom jaħdmu ħafna sigħat biex iħallsu d-​dejn. Jaf tant ikollhom jaħdmu, li mbagħad ma jsibux ħin biex jistudjaw il-​Bibbja b’mod personali, jagħmlu l-​qima bħala familja, u joħorġu fuq il-​ministeru. Huma jistgħu jibdew jitilfu l-​laqgħat biex jaħdmu overtime jew biex ma jitilfux ix-​xogħol. Minħabba f’hekk, se jitilfu affarijiet sbieħ li jistgħu jagħmlu għal Ġeħova.

5. X’tgħallimt mill-​eżempju taʼ Klaus u Marisa?

5 Ħafna esperjenzi juru li meta l-​affarijiet materjali jkunu l-​iktar ħaġa importanti għalina mhux se nkunu ferħanin. Innota xi rrealizzaw Klaus u Marisa. * Meta żżewġu, huma kienu jaħdmu t-​tnejn full-​time biex b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja komda. Però, huma xorta ma kinux ferħanin. Klaus jgħid: “Kellna iżjed affarijiet minn dak li kellna bżonn. Imma ma kellna l-​ebda pjan biex nagħmlu iktar għal Ġeħova. Biex inkun onest, ħajjitna kienet ikkumplikata u kellna ħafna stress.” X’aktarx, li inti wkoll indunajt li l-​affarijiet materjali ma jġibulekx il-​ferħ. Jekk qiegħed f’din is-​sitwazzjoni, taqtax qalbek. Billi tikkunsidra l-​eżempji tajbin t’oħrajn, se jgħinek tagħmel il-​bidliet li hemm bżonn. L-​ewwel, ejja naraw x’jistgħu jitgħallmu l-​irġiel miżżewġin mill-​eżempju tas-​Sultan Ġeħosafat.

AFDA F’ĠEĦOVA BĦALMA GĦAMEL IS-​SULTAN ĠEĦOSAFAT

6. Meta armata kbira marret biex tiġġieled maʼ Ġeħosafat u n-​nies tiegħu, hu kif applika l-​prinċipju li nsibu fi Proverbji 3:5, 6?

6 Jekk int raġel miżżewweġ, ġieli tħoss li għandek ħafna responsabbiltajiet? Jekk iva, l-​eżempju tas-​Sultan Ġeħosafat jistaʼ jgħinek. Bħala sultan, Ġeħosafat kien responsabbli biex jipprovdi dak kollu li kellhom bżonn in-​nies li kien imexxi. X’għamel biex jirnexxilu jwettaq din ir-​responsabbiltà importanti? Hu għamel dak kollu li setaʼ biex jipproteġi lin-​nies. Hu saħħaħ il-​bliet taʼ Ġuda u pprepara armata t’iktar minn 1,160,000 suldat. (2 Kron. 17:12-​19) Iktar tard, Ġeħosafat inqalgħatlu problema kbira. Armata kbira taʼ Għammonin, Mowabin, u rġiel mir-​reġjun muntanjuż tas-​Segħir, heddew lilu, lill-​familja tiegħu, u lin-​nies tiegħu. (2 Kron. 20:1, 2) Ġeħosafat x’għamel? Hu talab lil Ġeħova biex jagħtih il-​kuraġġ u jgħinu. Dan jurina li hu applika l-​parir tajjeb li nsibu fi Proverbji 3:5, 6. (Aqra.) Mit-​talba taʼ Ġeħosafat, li nsibuha fit-​2 Kronaki 20:5-​12, nistgħu naraw kemm kien umli u kemm kien jafda f’Ġeħova. Ġeħova kif wieġeb it-​talba taʼ Ġeħosafat?

7. Ġeħova kif wieġeb it-​talba taʼ Ġeħosafat?

7 Ġeħova kellem lil Ġeħosafat permezz taʼ raġel Levita jismu Ġaħażijel. Ġeħova qallu: “Ħudu postkom, tiċċaqalqux u araw is-​salvazzjoni minn Ġeħova għan-​nom tagħkom.” (2 Kron. 20:13-​17) Normalment, min ikun sejjer għall-​gwerra ma jagħmilx hekk! Però, din id-​direzzjoni ma kinitx ġejja mingħand xi bniedem, imma mingħand Ġeħova. Minħabba li Ġeħosafat kien jafda kompletament f’Ġeħova, hu għamel eżatt dak li qallu. Meta hu u n-​nies tiegħu marru biex jiltaqgħu mal-​għedewwa tagħhom, fuq quddiem hu ma poġġiex suldati tal-​esperjenza, imma rġiel li jgħannu. Ġeħova żamm il-​wegħda li għamel maʼ Ġeħosafat u hu rebaħ lil din l-​armata.—2 Kron. 20:18-​23.

Koppji li għadhom kif jiżżewġu jistgħu jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel post f’ħajjithom billi jitolbuh u jistudjaw il- Kelma tiegħu (Ara paragrafi 8, 10)

8. L-​irġiel miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġeħosafat?

8 Jekk int raġel miżżewweġ, l-​eżempju taʼ Ġeħosafat jistaʼ jgħinek. Int għandek ir-​responsabbiltà biex tieħu ħsieb il-​familja tiegħek, għalhekk taħdem iebes biex tipprovdi dak li għandha bżonn u tipproteġiha. Meta jkollok il-​problemi, forsi tħoss li inti tistaʼ ssolvi dawn il-​problemi waħdek. Imma, tistrieħx fuqek innifsek. Minflok, iftaħ qalbek maʼ Ġeħova fit-​talb. Ukoll, għandek titlob lil Ġeħova mal-​mara tiegħek, u kun sinċier fit-​talb li titolbu. Fittex għall-​gwida mingħand Ġeħova billi tistudja l-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet li jiġu provduti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u applika l-​pariri li ssib fihom. Oħrajn jistaʼ jkun li ma jaqblux mad-​deċiżjonijiet li tkun qed tieħu, li jkunu bbażati fuq il-​Bibbja, u jaf jgħidulek li mhux qed tirraġuna sew. Forsi jgħidulek li l-​flus huma l-​aqwa protezzjoni għall-​familja tiegħek. Imma ftakar fl-​eżempju taʼ Ġeħosafat. Hu wera li kien jafda f’Ġeħova b’dak li għamel. Ġeħova m’abbandunahx lil dan ir-​raġel leali u mhux se jabbanduna lilek. (Salm 37:28; Ebr. 13:5) Il-​koppji miżżewġin x’jistgħu jagħmlu iżjed biex ikunu ferħanin?

IMITAW LILL-​PROFETA ISAIJA U L-​MARA TIEGĦU

9. X’nistgħu ngħidu dwar il-​profeta Isaija u l-​mara tiegħu?

9 L-​iktar ħaġa importanti għal Isaija u l-​mara tiegħu kienet li jaqdu lil Ġeħova. Isaija kien profeta u jistaʼ jkun li l-​mara tiegħu wkoll kellha dan ix-​xogħol għax kienet tissejjaħ “profetessa.” (Is. 8:1-​4) Isaija u l-​mara tiegħu kienu poġġew lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjithom. X’eżempju mill-​aqwa ħallew għall-​koppji miżżewġin illum!

10. Meta koppji miżżewġin jistudjaw il-​profeziji tal-​Bibbja, dan kif jistaʼ jgħinhom biex jagħmlu dak kollu li jistgħu għal Ġeħova?

10 Il-​koppji miżżewġin illum jistgħu jimitaw lil Isaija u l-​mara tiegħu billi jagħmlu dak kollu li jistgħu għal Ġeħova. Huma jistgħu jafdaw iktar f’Ġeħova billi flimkien jistudjaw il-​profeziji li hemm fil-​Bibbja u jaraw kif dawn dejjem jitwettqu. * (Titu 1:2) Huma jistgħu jaħsbu dwar kif jistaʼ jkollhom sehem biex jitwettqu xi profeziji li hemm fil-​Bibbja. Pereżempju, huma jistgħu jgħinu biex titwettaq il-​profezija li qal Ġesù li l-​aħbar tajba trid tiġi ppritkata mal-​art kollha, imbagħad jiġi t-​tmiem. (Mt. 24:14) Meta koppja tkun ċerta li l-​profeziji tal-​Bibbja qed jitwettqu, iktar se tkun trid tagħmel dak kollu li tistaʼ għal Ġeħova.

BĦAL PRIXILLA U AKWILA, AGĦMLU X-​XOGĦOL TAʼ ĠEĦOVA L-​IKTAR ĦAĠA IMPORTANTI GĦALIKOM

11. Prixilla u Akwila xi rnexxielhom jagħmlu, u għala?

11 Koppji li għadhom kif jiżżewġu jistgħu jitgħallmu ħafna minn Prixilla u Akwila, koppja Lhudija li kienu jgħixu f’Ruma. Huma semgħu bl-​aħbar tajba dwar Ġesù u saru Kristjani. Bla dubju, huma kienu kuntenti bil-​ħajja li kienu qegħdin jgħixu. Imma ħajjithom inbidlet f’daqqa waħda meta l-​Imperatur Klawdju ordna biex il-​Lhud kollha jitilqu minn Ruma. Aħseb x’kien ifisser dan għal Akwila u Prixilla. Huma kellhom jitilqu l-​post li kienu draw, isibu dar ġdida, u kellhom jerġgħu jibdew in-​negozju tagħhom. Dawn iċ-​ċirkostanzi diffiċli waqqfuhom milli jagħmlu dak kollu li jistgħu għal Ġeħova? X’aktarx li t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tafha. Meta marru f’Korintu, Akwila u Prixilla bdew jattendu l-​laqgħat, jippritkaw, u għenu lill-​appostlu Pawlu biex jinkuraġġixxu lill-​aħwa. Iktar tard, huma marru f’postijiet oħrajn fejn kien hemm il-​bżonn t’iktar aħwa biex jippritkaw. (Atti 18:18-​21; Rum. 16:3-​5) Bħala koppja kellhom ħafna x’jagħmlu imma kienu kuntenti ħafna!

12. Koppji miżżewġin għala għandhom jagħmlu miri spiritwali?

12 Il-​koppji llum jistgħu jimitaw lil Prixilla u Akwila billi jagħmlu dak kollu li jistgħu għal Ġeħova. Ikun tajjeb li jitkellmu dwar il-​miri tagħhom qabel jiżżewġu. Meta koppja jagħmlu miri biex jaqdu lil Ġeħova u jaħdmu flimkien biex jilħqu dawn il-​miri, se jkollhom iktar ċans biex jaraw l-​għajnuna taʼ Ġeħova fil-​ħajja tagħhom. (Ekk. 4:9, 12) Ejja nikkunsidraw l-​esperjenza taʼ Russell u Elizabeth. Russell jgħid: “Fl-​għerusija konna nitkellmu dwar il-​miri spiritwali li kellna.” Elizabeth tgħid: “Aħna tkellimna dwar dawn il-​miri, biex b’hekk id-​deċiżjonijiet li jkollna nieħdu wara ma jżommuniex milli nilħqu l-​miri tagħna.” B’hekk, peress li kellhom ċirkostanzi tajbin, setgħu jmorru jgħinu l-​Mikroneżja fejn kien hemm bżonn iktar pubblikaturi.

Koppji li għadhom kif jiżżewġu jistgħu jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel post f’ħajjithom billi jagħmlu miri (Ara paragrafu 13)

13. Skont Salm 28:7, x’jiġri meta aħna nafdaw f’Ġeħova?

13 Bħal Russell u Elizabeth, illum ħafna koppji ddeċidew li jgħixu ħajja sempliċi ħalli jagħmlu dak kollu li jistgħu fix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim tal-​aħbar tajba. Meta koppji jagħmlu miri spiritwali u jaħdmu flimkien biex jilħquhom, se jesperjenzaw affarijiet sbieħ. Huma se jaraw kif Ġeħova jieħu ħsiebhom, se jafdaw iktar fih, u se jkunu vera kuntenti.—Aqra Salm 28:7.

BĦALL-​APPOSTLU PIETRU U MARTU, AFDAW FIL-​WEGĦDI TAʼ ĠEĦOVA

14. L-​appostlu Pietru u l-​mara tiegħu kif urew li fdaw fil-​wegħda li nsibu f’​Mattew 6:25, 31-​34?

14 Koppji miżżewġin jistgħu jitgħallmu wkoll mill-​eżempju tal-​appostlu Pietru u l-​mara tiegħu. Meta Pietru ltaqaʼ maʼ Ġesù għall-​ewwel darba, hu kellu jieħu deċiżjoni importanti. Però, Pietru ma ħadhiex dak il-​ħin. Milli jidher għaddew minn sitt xhur sa sena. Hu kien jaħdem bħala sajjied biex ikun jistaʼ jieħu ħsieb il-​familja tiegħu. Għalhekk, meta Ġesù qallu biex jagħmel ix-​xogħol tal-​ippritkar full-​time, Pietru kellu jaħseb dwar il-​mara tiegħu qabel jieħu din id-​deċiżjoni. (Lq. 5:1-​11) Pietru ħa deċiżjoni tajba u għażel li jmur jgħin lil Ġesù fix-​xogħol tal-​ippritkar! U milli jidher, il-​mara tiegħu qablet mad-​deċiżjoni li ħa. Il-​Bibbja turina li wara li Ġesù ġie rxoxtat, hi vvjaġġat maʼ Pietru għal xi żmien. (1 Kor. 9:5) Peress li bħala mara miżżewġa hi kienet t’eżempju tajjeb, l-​appostlu Pietru kellu l-​libertà tal-​kelma biex jagħti pariri lin-​nisa u rġiel miżżewġin. (1 Pt. 3:1-​7) Pietru u l-​mara tiegħu żgur li fdaw fil-​wegħda taʼ Ġeħova, li jekk jagħmlu dak kollu li jistgħu għalih hu se jipprovdilhom dak li jkollhom bżonn.—Aqra Mattew 6:25, 31-​34.

15. X’titgħallem mill-​esperjenza taʼ Tiago u Esther?

15 Jekk ilek miżżewweġ għal xi snin, kif tistaʼ tkabbar ix-​xewqa tiegħek biex tagħmel iżjed għal Ġeħova? Mod wieħed hu billi titgħallem mill-​esperjenzi taʼ koppji oħrajn. Pereżempju, tistaʼ taqra s-​serje “Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom.” Dawn l-​artikli għenu lil Tiago u Esther, koppja miżżewġa mill-​Brażil, biex ikollhom ix-​xewqa jmorru jgħinu fejn il-​bżonn hu akbar. Tiago jgħid: “Meta qrajna dwar kif Ġeħova għen lill-​qaddejja tiegħu, aħna wkoll ridna nsegwu l-​pariri taʼ Ġeħova u nesperjenzaw l-​għajnuna tiegħu.” Issa huma qed jgħixu l-​Paragwaj u ilhom jgħinu fit-​territorju Portugiż mill-​2014. Esther tgħid: “Vers li jogħġobna ħafna hu Efesin 3:20. Dan il-​kliem esperjenzajnieh ħafna drabi.” Fl-​ittra lill-​Efesin, l-​appostlu Pawlu jgħidilna li Ġeħova se jipprovdilna ħafna iktar minn dak li nitolbuh. Kemm hi vera din il-​wegħda!

Koppji li għadhom kif jiżżewġu jistgħu jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel post f’ħajjithom billi jieħdu pariri mingħand koppji maturi (Ara paragrafu 16)

16. Il-​koppji żgħar li għadhom kif jiżżewġu mingħand min jistgħu jieħdu parir tajjeb dwar il-​miri spiritwali?

16 Koppji żgħar li għadhom kif jiżżewġu jistgħu jibbenefikaw minn esperjenzi t’oħrajn li tgħallmu jistrieħu fuq Ġeħova. Xi koppji jistaʼ jkun li ilhom snin jaqdu lil Ġeħova fis-​servizz full-​time. Meta tkunu qed taħsbu dwar il-​miri tagħkom għax ma tistaqsux għall-​parir mingħandhom? Dan hu mod ieħor kif intom turu li tafdaw f’Ġeħova. (Prov. 22:17, 19) L-​anzjani wkoll jistgħu jgħinu lill-​koppji li għadhom kif jiżżewġu biex jagħmlu miri spiritwali u jilħquhom.

17. Klaus u Marisa xi ġralhom, u x’tistaʼ titgħallem mill-​esperjenza tagħhom?

17 Kultant, forsi nkunu rridu nagħmlu ċertu xogħol għal Ġeħova, imma hu jagħtina xogħol ieħor. Klaus u Marisa, li semmejna fil-​bidu, hekk ġralhom. Wara li kienu ilhom tliet snin miżżewġin, huma telqu l-​pajjiż tagħhom u marru biex jgħinu fil-​kostruzzjoni fil-​fergħa tal-​Finlandja. Però, hemmhekk saru jafu li mhux se jkunu jistgħu jagħmlu iktar minn sitt xhur. Għall-​ewwel, ħassewhom diżappuntati. Imma wara ftit, huma ġew mistidnin biex jattendu kors ħalli jitgħallmu l-​lingwa Għarbija. Issa huma qegħdin kuntenti jaqdu f’territorju Għarbi, ġo pajjiż ieħor. Meta Marisa taħseb dwar dak li ġara, hi tgħid: “Bdejt nibżaʼ nagħmel xi ħaġa li qatt ma kont għamilt qabel. Għalhekk, kelli nafda kompletament f’Ġeħova. Jien stajt nara li Ġeħova dejjem għenna b’modi li ma konniex qed nistennew. Wara dan kollu, jien issa sirt nafda iżjed f’Ġeħova.” Bħalma rajna f’din l-​esperjenza, Ġeħova dejjem se jippremjak jekk inti tafda fih.

18. X’jistaʼ jgħin lil koppja miżżewġa biex ikomplu jafdaw f’Ġeħova?

18 Iż-​żwieġ huwa rigal mingħand Ġeħova. (Mt. 19:5, 6) Hu jrid li l-​koppji miżżewġin igawdu dan ir-​rigal. (Prov. 5:18) Koppji żgħar li għadkom tiżżewġu, x’inhi l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja tagħkom? Qed tagħmlu dak kollu li tistgħu biex turu lil Ġeħova li tapprezzaw ir-​rigali li takom? Tkellmu maʼ Ġeħova permezz tat-​talb. Fittxu għal prinċipji li japplikaw għas-​sitwazzjoni tagħkom fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Imbagħad, applikaw il-​pariri li Ġeħova jagħtikom. Jekk tagħmlu dak kollu li tistgħu għal Ġeħova, tistgħu tkunu ċerti li fiż-​żwieġ tagħkom se tkunu ferħanin.

GĦANJA 132 Issa sirna ħaġa waħda

^ par. 5 Xi deċiżjonijiet li nieħdu jistgħu jaffettwaw il-​ħin u l-​enerġija li nistgħu nużaw għal Ġeħova. Dan jgħodd speċjalment għall-​koppji li għadhom kif jiżżewġu għax id-​deċiżjonijiet li jieħdu jistgħu jaffettwaw il-​kumplament taʼ ħajjithom. Dan l-​artiklu se jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin biex bħala koppja jgħixu kuntenti u ferħanin.

^ par. 5 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 10 Bħala eżempju, ikkunsidra l-​lezzjonijiet li nsibu f’kapitli 67, u 19 tal-​ktieb bl-​Ingliż Pure Worship of Jehovah—Restored At Last!